ANGELUS

PAPA FRANĠISKU

Il-Ħadd, 15 ta' Settembru 2013

 

Għeżież,il-jum it-tajjeb!

Fil-liturġija tal-lum naqraw il-kapitlu 15 tal-Evanġelju ta’ Luqa, li fih it-tliet parabboli tal-ħniena: dik tan-nagħġa li titlef it-triq, dik tal-munita mitlufa, u mbagħad l-itwal waħda fost il-parabboli, li nsibuha biss f’San Luqa, dik tal-missier u ż-żewġ ulied, l-iben “il-ħali” u l-iben li jidhirlu li hu “ġust”, li jidhirlu li hu qaddis.  Ilkoll jitkellmu dwar il-ferħ ta’ Alla. Alla huwa ferrieħi.  Dan hu punt interessanti: Alla huwa ferrieħi!  U xinhu l-ferħ ta’ Alla?  Il-ferħ ta’ Alla hu li jagħti l-maħfra, li jagħti l-maħfra!  Huwa l-istess ferħ li jħoss ragħaj li jsib mill-ġdid in-nagħġa tiegħu; huwa l-ferħ tal-mara li ssib il-munita tagħha; huwa l-ferħ ta’ missier li jilqa’ mill-ġdid f’daru l-iben li kien intilef, li kien qisu miet u ġie lura għall-ħajja, għax ġie lura d-dar.  Hawn insibu l-vanġelu kollu! Hawn!  Hawn insibu l-vanġelu kollu, insibu l-Fidi nisranija kollha!  Imma nifhmu sewwa li dan mhux biss ħass, mhux biss sentiment pożittiv!  Għall-kuntrarju, il-ħniena hi dik il-qwwa li tista’ ssalva lill-bniedem u lid-dinja mill-“kankru” li huwa d-dnub, il-ħażin morali, il-ħażin spiritwali.  L-imħabba biss timla’ l-vojta, l-abbissi negattivi li l-ħażin jiftaħ fil-qlub u fl-istorja.  L-imħabba biss tista’ tagħmel dan, u dan huwa l-ferħ ta’Alla!

Ġesù huwa kollu kemm hu ħniena, Ġesù hu kollu kemm hu mħabba: hu Alla magħmul bniedem.  Kull wieħed minna, kull wieħed, huwa dik in-nagħġa li tilfet it-triq, dik il-munita mitlufa; kull wieħed minna hu dak l-iben li ħassar il-libertà tiegħu stess billi mexa wara idoli foloz, illużjonijiet ta’ ferħ, u tilef kollox.  Imma Alla ma jinsiniex, il-Missier ma jitlaqna qatt.  Huwa missier kollu paċenzja, jistenniena dejjem!  Jirrispetta l-libertà tagħna, imma hu jibqa’ dejjem sod fil-fehma tiegħu li ma jitlaqniex.  U meta nduru lura lejH, jilqagħna bl-imħabba bħala wlied f’daru, għax qatt ma jieqaf jistenniena, anqas għal mument wieħed biss.  U qalbu dejjem tiffessteġġja għal kull iben li jiġi lura.  Jiffesteġġja għax hija okkażjoni ta’ ferħ.  Alla jkollu dan il-ferħ meta xi ħadd minna l-midinbin imur lura għandu jitolbu maħfra.

Xinhu l-periklu?  Il-periklu hu li aħna naħsbu li aħna ġusti, u niġġudikaw lill-oħrajn.  Hemm drabi meta niġġudikaw lil Alla wkoll, għax nemmni li għandu jikkastiga lill-midinbin, jikkundannhom għall-mewt, flok jaħfrilhom.  Jekk nagħmlu hekk verament inkunu qed nirriskjaw li nibqgħu barra mid-dar tal-Missier!  Bħal dak l-iben il-kbir tal-parabbola, li flok jifraħ għax ħuh ġie lura, jirrabja ma’ missieru għax laqgħu u għamillu festa.  Jekk f’qalbna m’hemmx ħniena, li hija l-ferħ tal-maħfra, m’aħniex f’għaqda ma’ Alla, lanqas jekk nobdu l-preċetti kollha tal-fidi, għax hi l-imħabba li ssalva, mhux biss il-prattika tal-preċetti.  Hija l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu li tagħti l-milja lill-kmandamenti.  U din hija l-imħabba ta’ Alla u l-ferħ tiegħu: li jaħfer.  Dejjem jistenniena!  Forsi xi ħadd għandu f’qalbu xi toqol: “Imma jien għamilt hekk... jew għamilt hekk...”. Qiegħed jistenniek!  Hu missier, dejjem jistenniena!

Jekk aħna ngħixu skont il-liġi ta’ “għajn b’għajn u sinna b’sinna”, qatt m’aħna se noħorġu miċ-ċirku tal-ħażin.  Il-Ħażin makakk, u jidħak bina billi jgħidilna li bil-ġustizja umana tagħna nistgħu nsalvaw lilna nfusna u nsalvaw id-dinja.  Fir-realtà hija biss il-ġustizzja ta’ Alla li tista’ ssalvana!  U l-ġustizja ta’ Alla wriet lilha nfisha fis-Salib: is-Salib huwa l-ġudizzju ta’ Alla fuqna lkoll u fuq din id-dinja.  Imma kif jiġġudikana Alla?  Jiġġudikana billi jagħti ħajtu għalina!  Dan huwa l-aqwa att ta’ ġustizzja li xejjen darba għal dejjem il-prinċep ta’ din id-dinja; u dan l-aqwa att ta’ ġustizzja huwa wkoll l-aqwa att ta’ ħniena.  Ġesù jistedinna lkoll biex nimxu fuq din it-triq: “Uru ħniena ma’ xulxin kif il-Missier tagħkom juri ħniena magħkom” (Lq 6,36).  Nitlobkom ħaġa, issa.  Fis-silenzju, ilkoll, ejjew kull wieħed minna jaħseb f’persuna li magħha m’aħniex sew, persuna li rrabjajna għaliha, persuna li ma nħobbux.  Naħsbu f’dik il-persuna u fis-skiet, f’dan il-mument, ngħidu talba għaliha u nuru ħniena magħha.  (ħin ta’ skiet u talb).

Ejjew issa nsejjħu l-interċessjoni ta’ Marija, omm tal-ħniena.

 

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f-Arġentina ġie dikjarat Beatu José Gabriel Brochero, saċerdot tad-djoċesi ta’ Córdoba, imwieled fl-1840 u li miet fl-1914.  Immexxi mill-imħabba ta’ Kristu ddedika ħajtu totalment għall-merħla tiegħu, biex iwassal lil kulħadd fis-Saltna ta’ Alla, b’ħafna ħneina u ħafna żelu għall-erwieħ.  Kien joqgħod man-nies u fittex li jwassal ħafna għall-eżerċizzi spiritwali.  Kien imur kilometri fuq kilometri fil-muntanji, riekeb fuq il-bagħla tiegħu li kien isejjaħ “Wiċċikraħ”, għax ma kienetx sabiħa.  Kien imur anke fix-xita tant kien kuraġġjuż!  Imma anke intom, b’din ix-xita, xorta qegħdin hawn; mela intom kuraġġjużi wkoll.  Bravi!  Fl-aħħar, dan il-beatu spiċċa għami u marid bil-lebbra, imma mimli merħ, il-ferħ tar-Ragħaj it-tajjeb, il-ferħ tar-Ragħaj kollu ħniena!

Illum, f’Turin, tasal fi tmiemha l-Ġimgħa Soċjali tal-Kattoliċi Taljani, bit-tema “Il-familja: it-tama u l-ġejjien għas-soċjetà Taljana”.  Insellem lill-parteċipanti kollha u nifraħ għal dan l-impenn kbir li hawn mill-Knisja fl-Italja mal-familji u għall-familji, u għax dan għandu wkoll iqanqal lill-istituzzjonijiet u lill-Pajjiż kollu. Agħmlu l-qalb! Imxu ‘l quddiem f’din it-triq favur il-familja!

Insellem bil-qalb lill-pellegrini kollha li hawn illum: il-familji, il-gruppi parrokkjali, iż-żgħażagħ.  Insellem b’mod partikulari lill-insara ta’ Dresano, Taggì di Sotto u Torre Canne di Fasano, l’UNITALSI ta’ Ogliastra, it-tfal ta’ Trento li dalwaqt jirċievu l-Ewwel Tqarbina, iż-żgħażag ta’ Firenze u s-Spider Club Italia.

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba! Narakom!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.