Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Beata Verġni Marija, l-Evanġelju jippreżentalna liż-żgħażugħa ta’ Nazaret illi, malli rċeviet l-aħbar mill-Anġlu, titlaq tgħaġġel biex tkun ma’ Eliżabetta, fl-aħħar jiem tat-tqala straordinarja tagħha.  Malli waslet għandha, Maria siltet minn ħalq qaribitha l-kliem li saru parti mit-talba tal-“Ave Maria”: «Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek» (Luqa 1,42).  Fil-fatt, l-akbar rigal li Marija wasslet lil Eliżabetta - u lid-dinja kollha - huwa Ġesù, li diġa qed jgħix fiha; u qed jgħix mhux biss minħabba l-fidi u l-istennija, bħal ħafna nisa fit-Testment l-Antik, għax mill-Verġni, Ġesù ħa l-laħam uman għall-missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni.

Fid-dar ta’ Eliżabetta u żewġha Żakkarija, fejn qabel kien isaltan is-swied il-qalb minħabba n-nuqqas ta’ wlied, issa hemm il-ferħ tal-istennija ta’ tarbija: tarbija li kellha ssir il-kbir Ġwanni l-Battista, prekursur tal-Messija.  U meta tasal Marija, il-ferħ ifur u jfawwar il-qlub għaliex il-preżenza moħbija, imma reali, ta’ Ġesù, tagħti sens lil kollox: lill-ħajja, lill-familja, lis-salvazzjoni tal-poplu..... Lil kollox!!  Dan il-ferħ sħiħ ikun mistqarr b’leħen Marija fit-talba stupenda li tana l-Evanġelju ta’ Luqa u li, mill-ewwel kelma bil-Latin, insejħulu l-Magnificat.  Huwa għanja ta’ tifħir lil Alla li jagħmel ħwejjeġ kbar permezz ta’ bnedmin umli, mhux magħrufin għad-dinja, kif inhi Marija nfisha, kif hu żewġha Ġużeppi, u kif inhu wkoll il-post li jgħixu fih, Nażaret.  Il-ħwejjeġ kbar li Alla għamel man-nies umli, il-ħwejjeġ kbar li l-Mulej jagħmel bl-umli fid-dinja, għax l-umiltà hi vojt li jħallli postu biex fih jidħol Alla.  L-umli hu setgħan għax huwa umli, mhux għax għandu s-saħħa.  U dan hu l-kobor tal-umli u tal-umiltà.  Jien nixtieq nistaqsikom – u nistaqsi lili nnifsi wkoll – imma tweġbux b’leħen għoli: kulħadd iwieġeb f’qalbu: “Kif sejra l-umiltà tiegħi?”

Il-Magnificat jgħanni l-ħniena u l-fedeltà ta’ Alla, li jwettaq il-pjan tas-salvazzjoni biż-żgħar u bil-foqra, b’dawk li għandhom il-fidi fih, li jafdaw kelmtu, bħal Marija.  Hekk hi l-istqarrija ta’ Eliżabetta: «Imbierka inti għax emmint» (Luqa 1, 45).  F’dik id-dar, il-miġja ta’ Ġesù permezz ta’ Marija, ħolqot mhux biss klima ta’ ferħ u ta’ komunjoni fraterna, imma wkoll klima ta’ fidi li tressaq lejn it-tama, lejn it-talb u lejn it-tifħir.

Aħna nixtiequ li dan kollu jiġri llum fi djarna.  Aħna u niċċelebraw lil Marija Santissma Mtellgħa s-Sema nixtiequ li hi, għal darb’oħra, iġġib lilna, lill-familji tagħna, lill-komunitajiet tagħna, dak ir-rigal immens, dik il-grazzja unika li dejjem għandna nitolbu qabel u fuq kull grazzja oħra minkejja li tkun ħafna għal qalbna: il-grazzja ta’ Ġesù Kristu!

Meta ġġibilna lil Ġesù, il-Madonna ġġib lilna wkoll ferħ ġdid mimli tifsir; tnissel fina ħila ġdida li ngħaddu mill-waqtiet tal-akbar dwejjaq u diffiċli, bil-fidi; iġġibilna l-ħila li nħennu, li naħfru lil xulxin, li nifhmu lil xulxin, li nsostnu lil xulxin.

Marija hi mudell tal-virtù u tal-fidi.  Aħna u nikkuntemplawha llum fit-tlugħ tagħha fis-sema, x’ħin temmet il-mixja tagħha fid-dinja, irrodulha ħajr għax hi dejjem tinsab qabilna fil-pellegrinaġġ tal-ħajja u tal-fidi – hi l-ewwel dixxiplu.  U nitlobuha tħarisna u ssostnina biex ikollna fidi soda, ferrieħa u ħanina; biex tgħinna nkunu qaddisin, ħalli ġurnata waħda niltaqgħu magħha fil-Ġenna.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Lil Marija Reġina tal-Paċi, li llum qed nikkuntemplawha fil-glorja tas-sema, irrid għal darb’oħra nħallilha f’idejha l-ansjetajiet u d-dwejjaq tal-popolazjonijiet li f’bosta nħawi tad-dinja qed ibatu minħabba traġedji naturali, tensjonijiet soċjali jew kunflitti.  Jalla l-Omm Ċelesti tagħna tnissel f’kulħadd il-faraġ u futur hieni u ta’ ħbiberija!

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini ġejjin minn inħawi diversi tad-dinja!  Irrid insellem partikolarment liż-żgħażagħ minn Mira (Venezja) u l-Assoċjazzjoni Don Bosco minn Noci.  U nsellem ukoll..... qed nara bnadar Spanjoli u Pollakki.  Il-festa t-tajba!

Irroddilkom ħajr li ġejtu; nawguralkom il-festa tal-Assunta t-tajba, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber