Għeżież ħuti il-jum it-tajjeb!  Il-festa tal-Assunta t-tajba!

Il-paġna tal-Evanġelju tal-festa tal-lum, It-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija (Luqa 1,39-56), tiddeskrivi l-laqgħa bejn Marija u kuġinitha Eliżabetta u tgħidilna ċar: «Marija qamet u telqet tgħaġġel lejn l-għoljiet fil-belt ta’ Ġuda» (v.39).  F’dawk il-jiem Marija marret tgħaġġel lejn belt ċkejkna qrib Ġerusalemm biex tiltaqa’ ma’ Eliżabetta.  Iżda llum nikkountemplawha fit-triq tagħha lejn Ġerusalemm Ċelesti, biex fl-aħħar tiltaqa’ mal-wiċċ tal-Missier u terġa’ tara wiċċ Binha Ġesù. Tant drabi tul ħajjitha kienet terrqet għoljiet, sal-aħħar waħda ta’ niket, dik tal-Kalvarju, magħquda mal-misteru tal-passjoni ta’ Kristu.  Illum narawha tasal fuq il-muntanja ta’ Alla, «liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u, fuq rasha, kuruna ta’ tnax-il kewkba» (Ap. 12,1) – kif jgħid il-Ktieb tal-Apokalissi – u narawha tgħaddi mill-għatba tal-patrija ċelesti.

Kienet l-ewwel waħda li emmnet fl-Iben t’Alla, u hi l-ewwel waħda li ttellegħet fis-sema bir-ruħ u l-ġisem.  Kienet l-ewwel li laqgħet u żammet f’dirgħajha lil Ġesù meta kien għadu tarbija u hija l-ewwel waħda li ntlaqgħet f’dirajgħ biex tiddaħħal fis-Saltna eterna tal-Missier.  Marija, umli u sempliċi tfajla minn villaġġ itturufnat fil-periferija tal-imperu ruman, propju għax laqgħet u għexet l-Evanġelju, Alla jdaħħalha għall-eternità maġenb it-tron ta’ Ibnu.  Hu b’dal-mod li l-Mulej iniżżel lis-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u jgħolli liċ-ċkejknin (cfr Luqa 1,52).

It-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija hu misteru kbir li jolqot lilna lkoll, jolqot il-futur tagħna.  Infatti, Marija mxiet qabilna t-triq li mexjin fiha dawk kollha li, bis-saħħa tal-Magħmudija, rabtu ħajjithom ma’ Ġesù, kif Marija rabtet tagħha miegħu.  Il-festa tal-lum iġġegħelna nħarsu lejn is-sema, tħabbrilna “s-smewwiet ġodda u l-art il-ġdida”, bir-rebħa ta’ Kristu Rxoxt fuq il-mewt u t-telfa definittiva li ġarrab il-malinn.  Għaldaqstant l-eżultanza tat-tfajla umli mill-Galileja kif mistqarra fil-kantiku tal-Magnificat, issir l-għanja tal-umanità kollha kemm hi, li tifraħ meta tara lill-Mulej imil fuq il-bnedmin kollha, ħlejjaq umli, u jeħdhom miegħu fis-sema.

Il-Mulej imil fuq l-umli biex jerfagħhom, kif jistqarr il-kantiku tal-Magnificat.  Dan il-kantiku ta’ Marija jgħinna naħsbu wkoll f’tant sitwazzjonijiet ta’ niket attwali, partikolarment in-nisa mikdudin mill-piżijiet tal-ħajja u mid-dramm tal-vjolenza, in-nisa skjavi tal-prepotenza tas-setgħana, il-bniet imġegħlin jagħmlu xogħol diżuman, in-nisa imġegħlin iċedu bil-ġisem u bl-ispirtu tagħhom għax-xewqat laxki tal-irġiel.  Jalla mingħajr dewmien, taslilhom ħajja ta’ paċi, ġustizzja, imħabba, bl-istennija li fl-aħħar, jum wieħed, iħossuhom maqbudin minn idejn li ma jumiljawhomx, imma li bit-tenerezza jerfugħhom u jmexxuhom fit-triq tal-ħajja, sas-sema.  Marija, tfajla, mara, li batiet ħafna tul ħajjitha, twassalna naħsbu f’dawn in-nisa li tant ibatu.  Nitolbu ‘l-Mulej biex Hu stess jaqbadhom minn idejhom, imexxihom fit-triq tal-ħajja u jeħslihom minn dan il-jasar.

U issa, bil-fiduċja, nduru lejn Marija, Reġina ħelwa tas-Smewwiet u nitolbuha: «Agħtina jiem ta’ paċi, ishar fuq il-mixja tagħna, agħmel li, mimlijin bil-ferħ tas-sema, naraw lil Ibnek fil-glorja tal-Ġenna» (Innu tat-Tieni Għasar).

Wara l-Angelus

Fi ħdan ir-reġina tal-Paċi, li llum qegħdin nikkuntemplawha fil-glorja ċelesti, irrid għal darb’oħra nqiegħed l-ansjetajiet, it-tbatijiet tal-popolazzjonijiet li f’tant inħawi tad-dinja, huma vittmi innoċenti ta’ kunflitti li ma jaqtgħu xejn.  Ħsiebi jmur lejn l-abitanti tal-Kivu tat-Tramuntana, fir-Repubblika Demokratika tal-Congo, li dan l-aħħar mill-ġdid sofrew massakri li ilhom sejrin żmien misturin f’silenzju tal-mistħija, tant li lanqas biss jiġbdu l-attenzjoni tagħna.  Sfortunatament, dawn il-vittmi jiżdiedu ma’ dawk ta’ tant innoċenti li m’għandhomx leħen li jinfluwenza l-opinjoni dinjija.  Jalla l-Madonna tikseb għal kulħadd sentimenti ta’ kumpassjoni, ta’ fehim u ta’ xewqa ta’ ftehim!

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini li ġejtu minn bosta pajjiżi!  Irrid insellem b’mod partikolari liż-żgħażagħ minn Valdose, lill-fidili minn Credaro u minn Corsara.

Nawgura l-festa tal-Assunta t-tajba lilkom ilkoll hawn preżenti u lil min jinsab fl-imkejjen ta’ villeġġjatura, kif ukoll lil min ma setax imur għall-vaganzi, speċjalment il-morda, il-persuni waħedhom u kull min f’dawn il-ġranet, jagħti tant servizzi indispensabbli lill-komunità.

Nirringrazzjakom talli ġejtu u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber