Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa tal-Madonna t-tajba.

Illum il-Knisja tiċċelebra waħda mill-aktar festi importanti dedikati lill-Beata Verġni Marija: il-festa tal-Assunta.  Fi tmiem ħajjitha fid-dinja, Omm Kristu telgħet bir-ruħ u l-ġisem fis-Sema, jiġifieri fil-glorja tal-ħajja eterna, f’għaqda sħiħa ma’ Alla.

Il-paġna tal-Evanġelju tal-lum (Luqa 1, 39-56)tippreżentalna lil Marija li, fis wara li nisslet lil Ġesù bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, tmur għand qaribitha anzjana Eliżabetta, li hi wkoll b’miraklu, kienet qed tistenna iben.  F’dil-laqgħa mimlija bl-Ispirtu s-Santu, Marija tistqarr il-ferħ tagħha bil-kant tal-Magnificat għax fehmet fil-fond  it-tifsira tal-għeġubijiet li kienu qed iseħħu f’ħajjitha: fiha tikseb il-milja l-istennija kollha tal-poplu tagħha.

Iżda l-Evanġelju jurina wkoll liema hi r-raġuni vera tal-kobor ta’ Marija u tal-beatitudni tagħha: ir-raġuni hija l-fidi.  Infatti Eliżabetta sselmilha b’dan il-kliem: «Hienja hi dik li emment kull ma’ bagħat jgħidilha l-Mulej» (Luqa 1,45).  Il-fidi hi l-qofol tal-istorja kollha ta’ Marija: hi, hija dik li temmen, li għandha twemmin kbir; hi taf – u tgħidu – li fuq l-istorja tgħafas dejjem il-vjolenza tal-prepotenti, il-kburija tas-sinjuri, l-arroganza tas-suppervi.

Madankollu, Marija temmen u xxandar li Alla lil uliedu, lill-umli, lill-foqra, ma jħallihomx waħedhom, jgħinhom bil-ħniena tiegħu, bl-attenzjoni, billi lis-setgħana jniżżilhom minn fuq it-tron tagħhom u jxerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Din hi l-fidi tal-Omm tagħna, il-fidi ta’ Marija!

Il-Kantiku ta’ Marija jgħinna nintebħu bis-sens sħiħ tal-istorja ta’ Marija; jekk il-ħniena tal-Mulej hija l-mutur tal-istorja, allura ma setgħetx «iġġarrab it-taħsir tal-qabar dik li nisslet lill-Mulej tal-ħajja» (Prefazju).  Dan kollu ma jirrigwardax biss lil Marija.  “Il-ħwejjeġ kbar” li għamel magħha l-Omnipotenti jmissuna fil-qiegħ nett, ikellmuna dwar il-vjaġġ tagħna tal-ħajja, ifakkruna fl-għan aħħari li qed jistennina: id-Dar tal-Missier.

Meta nħarsu lejha fid-dawl ta’ Marija, ħajjitna mhix qed timraħ ‘l hawn u ‘l hinn mingħajr skop, imma hi pellegrinaġġ li, bl-inċertezzi kollha u t-tbatijiet tiegħu, għandu għan ċert: id-Dar ta’ Missierna li qed jistennina bl-imħabba.  Sabiħ li naħsbu dan: li aħna għandna Missier li jistennina bl-imħabba, u li Ommna Marija wkoll tinsab hemm fuq u tistennina bl-imħabba.

Intant, waqt li l-ħajja miexja, Alla, «lill-poplu tiegħu, pellegrin fl-art, jibgaħtlu dawl ta’ faraġ u ta’ tama żgura» (ibid.).  Dak is-sinjal għandu wiċċ, dak is-sinjal għandu isem: il-wiċċ mimli dawl ta’ Omm il-Mulej, l-isem imbierek ta’ Marija, il-mimlija bil-grazzja għax emmnet il-Kelma tal-Mulej: dik li għandha emmna samma bħall-blat!  Bħala membri tal-Knisja aħna destinati li naqsmu l-glorja tal-Omm tagħna, għax għall-grazzja t’Alla, aħna wkoll nemmnu fis-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib, u bis-saħħa tal-Magħmudija aħna wkoll dħalna f’dal-misteru tas-salvazzjoni.

Ilum nitolbuha lkoll flimkien biex, tul il-mixja ta’ ħajjitna fuq din l-art, hi ddawwar lejna l-għajnejn tal-ħniena tagħha, tiċċaralna t-triq, turina fejn għandna naslu, u wara dan it-turufnament turina lil Ġesù, il-frott imbierek tal-ġuf tagħha.  U ngħidu flimkien: O ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija!

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Bħalissa ħsiebi jmur lejn il-popolazzjoni tal-belt ta Tianjin, fiċ-Ċina tan-nofsinhar, fejn xi splużjonijiet fil-qasam industrijali ħallew għadd ta’ nies mejtin u feruti u għamlu ħsarat kbar.  Inwiegħed it-talb tiegħi għal dawk li tilfu ħajjithom u għall-persuni kollha li huma milqutin minn din it-traġedja: jalla l-Mulej jgħin u jagħti l-forza lil kull min hu impenjat fil-ħidma biex itaffi dawn it-tbatijiet.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn Pajjiżi differenti!  Inħallikom fl-idejn mimlijin attenzjoni ta’ Ommna, li qed tgħix fil-glorja ta’ Alla u tkun  dejjem magħna tul il-mixja ta’ ħajjitna.

U kemm ikun sabiħ kieku llum intom kellkom tmorru żżuru lill-Madonna Salus Populi Romani f’Santa Maria Maggiore: ikun ġest sabiħ.

Nirringrazzjakom talli ġejtu u nawguralkom il-festa tal-Madonna t-tajba.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber