Għeżież Ħuti, il-jum it-tajjeb.

 

Illum qegħdin niċċelebraw is-solennita’ tat-Trinita’ Qaddisa, li tqiegħed quddiemna għall-kontemplazzjoni u għall-adorazzjoni il-ħajja divina tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu: ħajja ta’ komunjoni u ta’ mħabba perfetta, l-oriġini u l-iskop tal-univers kollu u ta’ kull kreatura, Alla.  Fit-Trinita’ nagħarfu wkoll il-mudell tal-Knisja, li fiha aħna msejħin li nħobbu bħalma ħabbna Ġesu’.  Hija l-imħabba s-sinjal konkret li juri l-fidi f’Alla Missier, Iben u Spirtu s-Santu.  Hija l-imħabba s-sinjal distintiv tan-nisrani, kif qalilna Ġesu’: “Min dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi: jiġifieri jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13,35).  Hija kontradizzjoni taħseb fi nsara li jobogħdu lil xulxin.  Hija kontradizzjoni!  U x-xitan dan hu li dejjem ifittex:  jagħmel li aħna nobogħdu lil xulxin, għaliex huwa dejjem jiżra s-sikrana tal-mibegħda; huwa ma jagħrafx l-imħabba, l-imħabba hija ta’ Alla!

 

Aħna lkoll imsejħin biex nagħtu xhieda u nħabbru il-messaġġ li “Alla huwa mħabba”, li Alla mhux il-bogħod jew li ma jħossx fil-ġrajjiet tagħna l-bnedmin.  Huwa hu qrib tagħna, huwa dejjem ma’ ġenbna, jimxi magħna biex jaqsam magħna l-ferħat tagħna u t-tbatijiet tagħna, it-tamiet tagħna u l-ħidmiet tagħna.  Huwa jħobbna ħafna sa huwa ried isir bniedem, ġie fid-dinja mhux biex jiġġudikaha imma sabiex id-dinja ssalva permezz ta’ Ġesu (ara Ġw 3, 16-17).  U din hija l-imħabba t’Alla f’Ġesu’, din l-imħabba li hija iebsa ħafna biex tifhimha imma li aħna nħossu meta aħna nersqu lejn Ġesu’.  U Huwa jaħfrilna dejjem, Huwa jistenniena dejjem, Huwa jħobbna ħafna.  U l-imħabba ta’ Ġesu’ li aħna nħossu hija l-imħabba ta’ Alla.

 

L-Ispirtu s-Santu, ir-rigal ta’ Ġesu’ Rxuxtat, jagħtina l-ħajja divina u hekk huwa jdaħħalna fid-dinamiżmu tat-Trinita’, li huwa dinamiżmu ta’ mħabba, ta’ komunjoni, ta’ qadi lil xulxin, fejn naqsmu kollox flimkien.  Persuna li tħobb lill-oħrajn minħabba l-ferħ innifsu li tħobb hija r-rifless tat-Trinita’.  Familja li fiha nħobbu u ngħinu lil xulxin hija rifless tat-Trinita’.  Parroċċa fejn il-persuni jħobbu lil xulxin u jaqsmu flimkien il-ġid spiritwali u materjali hija rifless tat-Trinita’.

 

L-imħabba tassew hija mingħajr limiti; imma taf tillimita ruħha meta tmur tgħin lil ħaddieħor sabiex tirrispetta l-liberta’ tal-ieħor jew tal-oħra.  Kull nhar ta’ Ħadd immorru għall-Quddiesa, niċċelebraw l-Ewkaristija flimkien u l-Ewkaristija hija bħall-“għollieq jaqbad” li fih bl-umilta’ kollha tgħammar it-Trinita’ li tikkomunika magħna; għalhekk il-Knisja qegħedet il-festa tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesu’ wara dik tat-Trinita’.  Nhar il-Ħamis li ġej, skont it-tradizzjoni hawn f’Ruma, niċċelebraw il-Quddiesa f’San Ġwann fil-Lateran u wara nagħmlu l-proċessjoni bl-Ewkaristija Mqaddsa.  Nistieden lill-poplu ta’ Ruma u l-pellegrini biex jieħdu sehem u nuru x-xewqa tagħna li nkunu poplu “miġbur fil-għaqda tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (San Ċiprijanu).  Nistenniekom ilkoll il-Ħamis li ġej, fis-sebgħa ta’ fil-għaxija, għall-Quddiesa u l-Proċessjoni ta’ Corpus Christi.

 

Il-Verġni Marija, ħolqien perfett tat-Trinita’, tgħinna biex nagħmlu mill-ħajja tagħna, fil-ġesti żgħar u fil-għażliet l-aktar importanti, innu ta’ tifħir lil Alla li Huwa Mħabba.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież Ħuti,

Qiegħed insegwi bi preokkupazzjoni il-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar jiem fl-Iraq.  Nistieden lilkom ilkoll biex jingħaqdu miegħi fit-talb għal dan in-nazzjon għażiż tal-Iraq, l-aktar għall-vittmi u dawk li qed isofru fuq kollox il-konsegwenzi taż-żjieda fil-vjolenza, speċjalment għal dawk il-ħafna nies, li fosthom hemm ħafna nsara, li kellhom iħallu djarhom.  Nawgura lill-popolazzjoni kollha s-sigurta’ u l-paċi u futur ta’ rikonċiljazzjoni u ġustizzja fejn l-Iraqini kollha, huma minn liema twemmin huma, jistgħu jibnu flimkien in-nazzjon tagħhom u jagħmlu mudell kif poplu jista’ jgħix flimkien.  Nitolbu l-Madonna, ilkoll flimkien għall-poplu fl-Iraq.

Sliem għalik, Marija...

 

Irrid illum inħabbar li wara li lqajt l-istedina tal-Isqfijiet u l-Awtoritajiet ċivili tal-Albanija, għandi l-ħsieb li mmur Tirana f’jum il-Ħadd 21 ta’ Settembru li ġej.  B’dan il-vjaqq qasir nixtieq insaħħaħ fil-fidi l-Knisja fl-Albanija u nagħti xhieda u l-kuraġġ u nuri l-imħabba tiegħi lejn dan il-Pajjiż li sofra ħafna fit-tul b’konsegwenza tal-ideoloġiji tal-imgħoddi.

 

U issa nsellem lilkom ilkoll, għeżież pellegrini li ġejtu hawn illum: gruppi parrokkjali, li huma ħafna, familji u assoċjazzjonijiet.  B’mod speċjali nsellem lis-suldati mill-Colombia, l-insara li ġew minn Taiwan u minn Hong Kong, minn Avila u La Rioja, fi Spanja, minn Venada Tuerto, fl-Argentina, minn Cagliari, Albino, Vignola, Lucca u Battipaglia.

 

Insellem lill-Moviment Pro Sanctitate, fiċ-ċentenarju tat-twelid tal-Fundatur tiegħu, il-Qaddej t’Alla Guglielmo Giaquinta:  għeżież ħbieb, nagħmlilkom il-qalb li tkomplu bil-ferħ l-apostolatr tal-qdusija.  Insellem lit-tfal ta’ Casaleone li rċivew il-Griżma, u d-dipendenti tal-Grupp IDI tas-Saħħa, f’Ruma.

 

Ħsieb speċjali illum imur għall-kollaboraturi tad-djar u dawk li jieħdu ħsieb fid-djar, li ġejjin minn tant partijiet tad-dinja u li jagħtu servizz li jiswa fil-familji, speċjalment biex jgħinu lill-anzjani u lill-persuni li jkunu f’xi ħtieġa.  Ħafna drabi aħna ma nagħtux valur b’ġustizzja ix-xogħol kbir u sabiħ li huma jagħmlu fil-familji.  Inroddilkom ħajr ħafna!

 

U lil kulħadd nixtieq il-Ħadd it-Tajjeb u l-ikla t-tajba.  U tinsewx titolbu għalija.  Nerġa’ narakhom!

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.