IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

(Mill-Biblijoteka tas-Santa Sede)

Il-Ħadd, 15 ta' Marzu, 2020

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Dal-ħin f'Milan waslet fi tmiemha l-Quddiesa li qed jiċċelebra l-Arċisqof fil-Poliklinika għall-morda, it-tobba, l-infermieri, il-volontarji.  L-Ariċsoqf hu qrib il-poplu  tiegħu u qrib Alla wkoll, bit-talb.  Qed inġib quddiem għajnejja r-ritratt tal-ġimgħa l-oħra: hu waħdu fuq is-saqaf tal-Katidral jitlob lil-Madonna.  Irrid irrodd ħajr  ukoll lis-saċerdoti kollha, lill-kreattività tas-saċerdoti.  Jasluli bosta aħbarijiet mil-Lombardia dwar dil-kreattività.  Minnu li l-Lombardija ntlaqtet qatigħ.  Saċerdoti li joħolqu elf mod kif ikunu qrib il-poplu, biex il-poplu ma jħossux abbandunat; saċerdoti b'żelu appostoliku li fehemu sewwa li fi żmien il-pandemia m'għandhomx ikunu bħal 'Don Abbondio'.  Grazzi ħafna lilkom, saċerdoti.

Is-silta tal-Evanġelju ta' dal-Ħadd, it-tielet wieħed tar-Randan, tippreżentalna l-laqgħa ta' Ġesù ma' mara sammaritana (cfr Ġw 4,5-42).  Hu jinsab miexi flimkien mad-dixxipli tiegħu u jieqfu jistrieħu qrib bir, fis-Sammarija.  Il-Lhud kienu jqisu lis-sammaritani bħala eretiċi, jiddisprezzawhom, iqisuhom ċittadini tat-tieni klassi.  Ġesù għajjien, għandu l-għatx.  Tasal mara biex timla l-ilma u jitlobha: "Tini nixrob" (v. 7).  Hekk, jegħleb kull ostaklu u jibda djalogu li fih lil dik il-mara juriha l-misteru tal-ilma ħaj, jiġifieri tal-Ispirtu s-Santu, don t'Alla.  Infatti, għar-reazzjoni mimlija sorpriża tal-mara, Ġesù jwieġeb: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: “Agħtini nixrob,” kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj” (v. 10).

Fil-qofol ta' dan id-djalogu hemm l-ilma. Min-naħa, l-ilma bħala element essenzjali għall-għixien, li jaqta' l-għatx tal-ġisem u jaħji l-ħajja.  Mill-oħra, l-ilma bħala simbolu tal-grazzja divina, li jagħti l-ħajja eterna.  Fit-tradizzjoni biblika Alla huwa l-għajn tal-ilma ħaj - hekk jingħad fis-salmi, fil-profeti -: it-tbegħid minn Alla, għajn tal-ilma ħaj, u mil-Liġi. tiegħu, iġib l-agħar nixfa.  Din hija l-esperjenza tal-poplu ta' Iżrael fid-deżert.  Fil-mixja twila lejn il-ħelsien, dal-poplu, bin-nixfa tal-għatx, jipprotesta kontra Mosè u kontra Alla għax nieqes mill-ilma.  Allura, bir-rieda t'Alla, Mosè joħroġ l-ilma minn blata, bħala sinjal tal-providenza t'Alla li qed jakkumpanja lill-poplu tiegħu u jtih il-ħajja (cfr Eż 17,1-7).

U l-Appostlu Pawlu jinterpreta dik il-blata bħala simbolu ta' Kristu.  Jgħid hekk: "U l-blata hija Kristu" (cfr 1 Kor 10,4).  Hija l-figura misterjuża tal-preżenza tiegħu fost il-poplu t'Alla fil-mixja.  Infatti, Kristu huwa t-Tempju li minnu, skont il-viżjoni tal-profeti, jfawwar l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri l-ilma ħaj li jsaffi u jagħti l-ħajja.  Min hu għatxan għas-salvazzjoni jista' jimla (l-ilma) mingħand Ġesù, u fih jew fiha, l-Ispirtu s-Santu jsir fawwara ta' ħajja sħiħa u eterna.  Il-wegħda tal-ilma ħaj li Ġesù jagħmel lis-Sammaritana saret realtà fl-Għid tiegħu: mill-kustat minfud ħareġ "demm u ilma" (Ġw 19,34).  Kristu, il-Ħaruf issagrifikat u rxuxtat, huwa l-għajn li minnha jfawwar l-Ispirtu s-Santu li jaħfer id-dnubiet u jagħti ħajja ġdida.

Dan id-don huwa wkoll għajn ta' xhieda.  L-istess bħas-Sammaritana, kull min jiltaqa' ma' Ġesù jħoss il-bżonn li jwasslu lill-oħrajn biex kulħadd jasal biex jistqarr li Ġesù "huwa verament is-salvatur tad-dinja" (Ġw 4,42), kif qalu n-nies tar-raħal mnejn kienet dik il-mara.  Aħna wkoll, iġġenerati f'ħajja ġdida permezz tal-Magħmudija, imsejħin biex inkunu xhieda tal-ħajja u t-tama li hemm fina.  Jekk it-tfittxija tagħna, l-għatx tagħna jitwettqu sħiħ fi Kristu, inkunu qed nuru biċ-ċar li s-salvazzjoni ma tinsabx "fl-affarijiet" ta' did-dinja, li fl-aħħar mill-aħħar iġibu biss nixfa, imma f'dak li ħabbna dejjem u jħobbna dejjem: Ġesù, is-Salvatur tagħna, fl-ilma ħaj li hu joffrielna.

Marija Santissma tgħinna nikkultivaw ix-xenqa ta' Kristu, għajn ta' ilma ħaj, il-waħdieni li jista' jaqtgħalna l-għatx tal-ħajja u tal-imħabba li nġorru fi qlubna.

 

Wara l-Angleus

Għeżież ħuti,

f'dal-ġranet Pjazza San Pietru hi magħluqa, għalhekk it-tislima tiegħi tmur dritt likom magħqudin magħna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.

F'dis-sitwazzjoni ta' pandemia, li fiha qed insibu ruħna ngħixu ftit jew wisq iżolati, aħna mistednin nerġgħu niskopru u nidħlu aktar fil-fond tal-valur tal-komunjoni li tgħaqqad lill-membri kollha tal-Knisja.  Magħqudin fi Kristu qatt ma nkunu waħedna imma lkoll f'daqqa aħna ġisem wieħed li huwa hu r-ras tiegħu.  Hi għaqda li titmantna bit-talb u wkoll bit-tqrbina spiritwali tal-Ewkaristija, ħaġa rrikmandata ħafna meta ma jkunx possibbli li nirċievu s-Sagrament.  Dan qed ngħidu għal kulħadd, speċjalment għal dawk il-persuni li jgħixu waħedhom.

Inġedded il-qrubija tiegħi lejn il-morda kollha u dawk li jieħdu ħsiebhom.  Kif ukoll lejn tant operaturi u volontarji li jgħinu lill-persuni li ma jistgħux joħorġu mid-dar, u lejn kull min jersaq biex jaqdi l-bżonnijiet tal-aktar foqra u dawk bla dar.

Grazzi ħafna għal-isforz kollu li kulħadd qed jagħmel biex jgħin, f'dan iż-żmien tant iebes.  Il-Mulej iberikkom, il-Madonna tħariskom; u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba!  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber