Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dawn il-Ħdud l-evanġelista Mark qiegħed jirrakkuntala l-ħidma ta’ Ġesù kontra kull forma ta’ ħażen, għall-benefiċċju ta’ dawk li jbatu fil-ġisem u fl-ispirtu: indemunjati, morda, midinbin... Hu jippreżenta ruħu bħala dak li jiġġielet u jirbaħ lill-ħażen kull fejn jiltaqa’ miegħu.  Fil-vanġelu tal-lum (cfr Mk 1, 40-45) din it-taqbida tiegħu tiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ każ diffiċli, għax il-mardi hu lebbruż.  Il-lebbra hija marda qalila li tittieħed, li tisfigura lill-persuna, u li kienet simbolu ta’ tniġġiż:  min kien lebbruż kellu jgħix ‘il barra mill-ibliet u l-irħula u kellu jwiddeb bil-preżenza tiegħu lil min ikun għaddej jekk jinzerta għaddej fil-qrib.  Kien imwarrab mill-komunità ċivili u reliġjuża. Kien qisu mejjet miexi.

L-episodju tal-fejqan tal-lebbruż iseħħ fi tlett siltiet qosra: is-sejħa tal-marid, it-tweġiba ta’ Ġesù, il-konsegwenza tal-fejqan mirakoluż.  Il-lebbruż jitlob lil Ġesù “għarkubbtejh” u jgħidlu, “Jekk trid , tista’ tnaddafni” (v. 40).  Għal din t-talba umli u mimlija fidi, Ġesù jwieġeb bi tqanqila ġewwa fih: ġietu ħniena minnu.  Il-ħniena hija kelma profonda ħafna: il-ħniena tfisser “tbati ma’ ħaddieħor”.  Il-qalb ta’ Ġesù turi l-ħniena ta’ Alla bħala missier għal dak ir-raġel, jersaq lejn u jmissu.  Dan id-dettall huwa importanti ħafna.  Ġesù “ħareġ idejh, messu... u minnufih il-lebbra ħallietu u hu kien imfejjaq” (v. 41).  Il-ħniena ta’ Alla tegħleb kull ostaklu u id Ġesù tmiss dak il-lebbruż.  Hu ma jżommx id-distanzi biex jevita li jittieħed u ma jaħdimx billi jibgħat lil xi ħadd floku, imma jpoġġi lilu nnifsu fil-periklu li jittieħed mill-ħażen tagħna;  u għalhekk huwa proprju l-ħażen li hemm fina li jsir il-punt ta’ kuntatt bejnna u bejn il-ħniena ta’ Alla: Hu, Ġesù, jieħu mingħandna l-umanità marida tagħna u aħna nieħdu mingħandu l-umanità qawwija u fejjieqa tiegħu.  Dan iseħħ kull darba li nirċievu xi sagrament bil-fidi: il-Mulej Ġesù “imissna” u jtina l-grazzja tiegħu.  F’dan il-każ naħsbu b’mod speċjali fis-sagrament tal-Maħfra, li jfejjaqna mil-lebbra tad-dnub.

Għal darb’oħra l-Vanġelu jurna x’jagħmel Alla quddiem il-ħażen tagħna: Alla ma jiġix biex “itina lezzjoni” fuq it-tbatija; lanqas ma jiġi biex iħassar mid-dinja t-tbatija u l-mewt; iżda minflok jiġi bix jieħu fuqu t-toqol tal-kundizzjoni umana tagħna, biex iwassalha sat-tmiem, biex jeħlisna b’mod radikali u sħiħ.  Hekk Ġesù jissielet mal-ħażin u t-tbatija li hawn fid-dinja: billi jitgħabba bihom u jirħilhom bil-qawwa tal-ħniena ta’ Alla.

Lilna llum il-Vanġelu tal-fejqan tal-lebbruż jgħidilna li jekk irridu nkunu verament dixxipli ta’ Ġesù, aħna msejjħin biex, magħqudin miegħu, insiru strumenti tal-imħabba kollha ħniena tiegħu, billi negħlbu kull forma ta’ emarġinazzjoni.  Biex inkunu “nixbħu lil Kristu” (cfr 1 Cor 11, 1) quddiem wieħed fqir jew marid m’għandniex nibżgħu inħarsu f’għajnejh u nersqu lejh bil-ħlewwa u bil-ħniena, u li mmissu u ngħannquh.  Spiss għedt lil dawk li jgħinu persuni oħra biex xogħolhom jagħmluh iħarsu f’għajnejhom, biex ma jibżgħux imissuhom; jalla kull ġest ta’ għajnuna li nagħmlu jkun ukoll ġest ta’ komunikazzjoni: anke aħna għandna bżonn inkunu milqugħa minnhom.  Ġest ta’ ħlewwa, ġes ta’ ħniena... Imma nistaqsikom: meta intom tgħinu lill-oħrajn, tħarsulhom f’għajnejhom?  Tilqugħhom bla ma tibżgħu tmissuhom? Tilqgħuhom bil-ħlewwa? Asbu fuq dan: kif tgħinu lill-oħrajn? Mill-bogħod jew bil-ħlewwa, mill-qrib? Jekk il-ħażin jititeħed, anke t-tajjeb jittieħed.  Għaldaqstant hemm bżon li dejjem aktar jikber fina t-tajjjeb.  Ejjew inħallu lilna nfusna nittieħdu mit-tajjeb u ejjew ngħaddu dan it-tajjeb lill-oħrajn.

 

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti:

inwassal l-awguri ta’ ferħ u paċi lill-irġiel u lin-nisa kollha li fil-Lvant Imbiegħed u f’xi partijiet oħra tad-dinja qed jippreparaw biex jiċċelebraw il-bidu tas-sena lunari.  Dawn il-festi joffrulhom okkażjoni ferriħija biex isibu mill-ġdid u biex jgħixu bil-qawwa l-fraternità, li hi rabta prezzjuża tal-ħajja familjari u l-bażi tal-ħajja soċjali.  Jalla dan ir-ritorn annwali għall-għeruq tal-persuna u tal-familja jkun jista’ jgħin lil dawk il-Popli biex jibnu soċjetà fejn jintiżġu relazzjonijiet bejn il-persuni li jkunu mmarkati bir-rispett, bil-ġustizzja u bl-imħabba.

Insellmilkom ilkoll, Rumani u pellegrini; b’mod partikulari lilkom ilkoll li ġejtu hawn fl-okkażjoni tal-Konċistorju, biex tkunu mal-Kardinali l-ġodda, u nirringrazzja lill-Pajjiżi li riedu jkunu preżenti għal din il-ġrajja billi bagħti Delegazzjonijiet uffiċċjali.  Ejjew insellmu lill-Kardinali l-ġodda b’ċapċipa.

Insellem lill-pellegrini Spanjoli ġejjin minn San Sebastia, Campo de Criptana, Orense, Pontevedra u Ferrol; insellem lill-istudenti ta’ Campo Valongo u Porto, fil-Portugall, u dawk ta’ Pariġi, insellem lill-Foro delle Istituzioni Cristiane tal-Islovakkja; insellem lill-insara ta’ Buren (Olanda), is-suldati Amerikani stazzjonati fil-Ġermanja u lill-komunità ta’ Venezuelani li jgħixu fl-Italja.

Insellem liż-żgħażagħ ta’ Busca, l-insara ta’ Leno, Mussoi, Monteolimpino, Rivalta sul Mincio u Forette di Vigasio. Hawn preżenti ħafna gruppi skolastiċi u tal-katekiżmu minn ħafna partijiet tal-Italja – qiegħed nara dawk li se jagħmlu l-Griżma f’Galzignano... – għeżież, inħeġġiġkom biex tkunu xhieda ferħanin u kuraġġjużi ta’ Ġesù fil-ħajja ta’ kuljum.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Nitlobkom ma tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba. Insellmilkom.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia