Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fiċ-ċentru tal-Evanġelju tal-lum (Gvw1,29-34) hemm dil-kelma ta’ Ġwanni l-Battista: «Hawn hu l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja!» (v.29).  Kelma akkumpanjata mill-ħarsa u mill-ġest tal-id li jindikaw lilU, lil Ġesù.

Nimmaġinaw ix-xena.  Ninsabu fix-xatt tax-xmara Ġordan.  Ġwanni qed jgħammed; hemm ħafna nies, irġiel u nisa ta’ ħafna etajiet, li ġew hawn fix-xmara, biex jitgħammdu minn idejn dak il-bniedem li ħafna kienu jaraw fih lil Elija, il-kbir profeta li disa’ sekli qabel kien saffa lill-Iżraelin mill-idolatrija u kien reġġagħhom lura lejn il-fidi vera, lejn ‘l Alla tal-patt, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb.

Ġwanni jipprietka li s-saltna hi fi-qrib, li l-Messija se juri ruħu u jeħtieġ li l-bniedem ilesti ruħu, jikkonverti u jġib ruħu bil-ġustizzja; u jibda jgħammed fil-Ġordan biex lill-poplu jtih mezz konkret ta’ penitenza (cfr Matt 3,1-6).  Dawn in-nies kienu jiġu biex jindmu minn dnubiethom, biex jagħmlu tpattija, biex jerġgħu jibdew il-ħajja.  Hu jaf, Ġwanni jaf li l-Messija l-Ikkonsagrat tal-Mulej jinsab qrib, u s-sinjal biex jintagħraf se jkun li l-Ispirtu s-Santu jinżel u jieqaf fuqu; infatti Hu se jġib il-Magħmudija vera, il-Magħmudija fl-Ispirtu s-Santu. (cfr Gw 1,33).

Hekkhu, il-waqt jasal: Ġesù jasal f’xatt ix-xmara, qalb il-folla, il-midinbin – bħalma aħna lkoll - .  Hu l-ewwel att pubbliku tiegħu, l-ewwel ħaġa li jagħmel wara li jħalli d-dar f’Nażaret, ta’ tletin sena: jinżel fil-Ġudeja, imur lejn il-Ġordan u jitgħammed minn Ġwanni.  Nafu x’jiġri – iċċelebrajna dan il-Ħadd li għadda – fuq Ġesù jinżel l-Ispirtu s-Santu f’għamla ta’ ħamiema u leħen il-Missier ixandru bħala l-Iben il-Maħbub (cfr Mt 3,16-17).  Kien is-sinjal mistenni minn Ġwanni.  Huwa Hu!  Ġesù l-Messija.  Ġwanni jitħawwad għax (Ġesù) deher b’mod mhux mistenni: fost il-midinbin, mgħammed bħalhom, anzi għalihom.  Imma l-Ispirtu jdawwal lil Ġwanni u jgħinu jifhem li b’hekk kienet qed titwettaq il-ġustizzja t’Alla, kien qed jitwettaq il-pjan tas-salvazzjoni tiegħU: Ġesù hu l-Messija, ir-Re ta’ Iżrael, imma mhux bis-setgħa ta’ did-dinja, imma bħala Ħaruf t’Alla li jieħu fuqu u jneħħi d-dnub tad-dinja.

Hekk jurih Ġwanni lill-poplu u lid-dixxipli tiegħu.  Għax Ġwanni kellu ċirku ta’ dixxipli numeruż, dixxipli li kienu għażluh bħala gwida spiritwali tagħhom, u propju wħud minnnom isiru l-ewwel dixxipli ta’ Ġesù.  Isimhom nafuh sewwa: Xmun li wara jissejjaħ Pietru, ħuħ Indrì, Ġakbu u ħuh Ġwanni.  Ilkoll sajjieda, ilkoll Galilin bħal Ġesù.

Għeżież ħuti, għaliex waqfana fit-tul fuq dix-xena?  Għax hi deċisiva!  Mhix ħrafa.  Hu fatt storiku deċisiv!  Dix-xena hi deċisiva għall-fidi tagħna; u hi deċisiva wkoll għall-missjoni tal-Knisja.  Il-Knisja ta’ kull żmien hi msejħa biex tagħmel dak li għamel Ġwanni l-Battista, turi lil Ġesù lin-nies billi tgħid: «Hawn hu l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja!»  Huwa hu s-Salvatur ewlieni!  Huwa hu l-Mulej, umli, fost il-midinbin, imma huwa Hu, Hu: mhux xi ħadd ieħor, xi setgħani li jiġi; le, le, huwa Hu!

U dawn huma l-kliem li aħna s-saċerdoti ntennu kuljum, waqt il-Quddiesa, meta lill-poplu nippreżentawlu l-ħobż u l-inbid li jsiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.  Dal-ġest liturġiku jirrappreżenta l-missjoni kollha tal-Knisja, li ma tħabbarx lilha nfisha.  Gwaj, gwaj, meta l-Knisja tħabbar lilha nifsiha; titlef il-boxxla, ma tkunx taf fejn sejra!  Il-Knisja tħabbar lil Kristu’, ma ġġorrx lilha nfisha, iġġorr lil Kristu.  Għaliex huwa Hu u Hu biss li jsalva lill-poplu tiegħu mid-dnub, jeħilsu u jmexxih lejn l-art tal-libertà vera.

Il-Verġni Marija, Omm il-Ħaruf t’Alla, tgħinna nemmu fiH u nimxu warajH.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Illum qed jiġi ċelebrat il-Jum Dinji tal-Migranti u r-Rifuġjati bit-tema “Migranti minorenni, vulnerabbli u mingħajr leħen”.  Dawn ħutna ċkejknin, speċjalment jekk mhux akkumpanjati, huma esposti għal ħafna perikli.  U ngħidilkom li huma ħafna!  Hemm ħtieġa li jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri kollha possibbli biex il-migranti minuri jkollhom il-garanzija tal-protezzjoni u difiża, kif ukoll biex ikunu integrati.

Nagħti tislima speċjali lir-rappreżentanti tad-diversi komunitajieet etniċi li nġabru hawn.  Għeżież ħbieb, nawguralkom li tgħix bis-serenità fil-lokalitajiet li jilqgħukom, u tirrispettaw il-liġijiet tagħhom, waqt li fl-istess ħin tħarsu l-valuri tal-kulturi tal-oriġini tagħkom.  Il-laqgħa bejn il-kulturi varji hi dejjem sors ta’ għana għal kulħadd!  Irrodd ħajr lill-Uffiċċju Migrantes tad-Djoċesi ta’ Ruma u lil kull min jaħdem mal-migranti biex jilqagħhom u jakkumpanjahom fid-diffikultajiet tagħhom, u ninkoraġġikom biex tkomplu din l-opra, bil-fakra ta’ Santa Franceca Saverio Cabrini, patruna tal-migranti, li dis-sena jaħbat iċ-ċentinarju ta’ mewtha.  Dis-soru kuraġġuża kienet iddedikat ħajjitha kollha biex twassl l-imħabba ta’ Kristu lil kull min kien bogħod mill-patrija u mill-familja.  Jalla x-xhieda tagħha tgħinna nieħdu ħsieb ħuna l-frustier, li fih hemm preżenti Ġesù, spiss muġugħ, irrifjutat u umiljat.  Kemm drabi fil-Bibbja l-Mulej talabna nilqgħu lill-migranti u lill-barrani, billi fakkarna li aħna wkoll frustieri!

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, għeżież ħuti li ġejjin minn diversi parroċċi fl-Italja u minn pajjiżi oħra, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet u lill-gruppi varji.  Partikolarment insellem lill-istudenti tal-Istitut Meléndez Valdés de Villafranca de los Barros, fi Spanja.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-pranzu t-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom. Tinsewx titolbu għalija.  Grazzi!

 

 

Miġjub għall-malti. Mit-Taljan minn Joe Huber