Għeżież ħuti, għeżież tfal, għeżież żgħażagħ, il-ġurnata t-tajba !

Ġa għaddew ħmistax minn żmien l-Avvent li fihom konnha mistiedna nishru biex inħejju t-triq għall-Mulej li ġej.  F’dan it-tielet Ħadd il-liturġija tippreżentalna imġieba interjuri oħra li biha għandna ngħixu din l-istennija tal-Mulej, jiġifieri l-ferħ.  Il-ferħ ta’ Ġesù, kif hemm miktub fuq dak il-poster li qed iġorr xi ħadd fostkom: “Ma’ Ġesù il-ferħ isib postu f’darna”.  Mela dan il-ħadd qiegħed jipproponi l-ferħ ta’ Ġesù !

Il-qalb tal-bniedem tixtieq il-ferħ. Ilkoll kemm aħna nixtiequ l-ferħ, kull familja, kull ġens jixtieq il-ferħ.  Imma liema hu dan il-ferħ li nisrani hu msejjaħ biex jgħix u jixhed ?  Huwa dak il-ferħ li jiġi għax inkunu qrib ta’ Alla, mill-preżenza tiegħu fil-ħajja tagħna.  Minn meta Ġesù daħal fl-istorja, permezz tat-twelid tiegħu f’Betlehem, il-ġens huma irċieva ż-żerriegħa tas-Saltna ta’ Alla, l-istess kif l-art tilqa’ ż-żerriegħa, li hija wegħeda għall-ħsad xi darba fil-ġejjieni.  M’hemmx aktar għalfejn infittxu band’oħra!    Ġesù ġie biex iwassal il-ferħ lil kulħadd u għal dejjem.  Mhux ferħ li biss nittamaw fih, jew li nistennew li nsibuh biss fil-ġennna, bħallikieku hawn fid-dinja nkunu rridu nkunu mdejjqin u mbagħad fil-ġenna nkunu ferħanin.  Le! Mhux din il-ferħ li jġib Ġesù, imma hu l-ferħ reali li ġa nistgħu nħossu issa, għax Ġesù stess hu l-ferħ tagħna, l-istess kif hemm miktub fuq dak il-poster li għandkom intom: Ma’ Ġesù il-ferħ isib postu f’darna.  Ejjew ngħiduha lkoll flimkien: “Ma’ Ġesù il-ferħ isib postu f’darna”.  Għal darb’oħra “Ma’ Ġesù il-ferħ isib postu f’darna”. U mingħajr Ġesù hemm ferħ? Le! Bravi!  Hu ħaj, hu dak li qam mill-imwiet, u jaħdem fina u fostna speċjament bil-Kelma u bis-Sagramenti,

Aħna l-imgħammdin kollha, ulied il-Knisja, imsejjħin biex nilqgħu dejjem mill-ġdid il-preżenza ta’ Alla fostna u biex ngħinu lill-oħrajn isiru jafu dwarha, jew biex jagħrfuha mill-ġdid f’każ li nesewha.  Hija missjoni mill-isbaħ, tixbaħ lil dik ta’ Ġwanni l-Battista: indawwru n-nies lejn Kristu – mhux lejna nfusna! – għax Hu l-milja li lejha tiġbed il-qalb tal-bniedem meta tfittex il-ferħ u l-hena.

San Pawl ukoll, fil-liturġija tal-lum, jgħidilha liema huma l-kundizzjonijiet biex inkunu “missjunarji tal-ferħ”: nitolbu bla waqfien, inroddu dejjem ħajr lil Alla, inħallu l-Ispirtu jaħdem fina, infittux t-tajjeb u naħarbu l-ħażin (cfr 1 Tess 5, 17-22 ).  Jekk dan isir l-istil tal-ħajja tagħna, il-Bxara t-Tajba tkun tista tidħol f’ħafna djar  tgħin ħafna persuni u familji biex jagħrfu mill-ġdid li f’Ġesù hemm is-salvazzjoni.  Fih possibbli nsibu l-paċi ta’ qalbna u l-qawwa biex kuljum nilqgħu iċ-ċirkustanzi tal-ħajja, anke dawk l-aktar tqal u diffiċli.  Qatt ma smajna b’qaddis imdejjaq jew b’xi qaddisa li kellha wiċċha mnikket.  Qatt ma nstema dan!  Din tkun kontradizzjoni.  In-nisrani huwa persuna b’qalbha mfawwra bil-paċi għax jaf ipoġġi l-ferħ tiegħu fil-Mulej anke meta jgħaddi mill-mumenti ebsin tal-ħajja.  Li jkollna l-fidi ma jfissirx li ma jkollniex mumenti diffiċli, imma jfisser li jkollna l-qawwa nilqgħu dawn il-mumenti bl-għarfien li qatt ma aħna waħedna.  Din hija l-paċi li Alla jagħti lil uliedu.

B’ħarsitna mdawwra lejn il-Milied li issa hu tant qrib, il-Knisja tistedinna nkunu xhieda li Ġesù mhux persunaġġ tal-imgħoddi; Hu il-Kelma ta’ Alla li llum tkompli ddawwal il-passi tal-bniedem; il-ġesti tiegħu – is-Sagramenti – huma s-sinjal tal-ħlewwa, tal-faraġ u tal-imħabba i l-Missier għandu lejn kull bniedem.  Il-Verġni Marija, “bidu tal-ferħ tagħna”, iżżommna dejjem henjin fil-Mulej, li jiġi biex jeħlisna minn ħafna forom ta’ jasar, sew interjuri kif ukoll estern.

________

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti, ġa nsejt kif kien dak l-avviż fuq il-poster. Ħa naraw niftakarx: “Ma’ Ġesù il-ferħ isib postu f’darna”. Ejjew nerġgħu ngħiduha flimkien: “Ma’ Ġesù il-ferħ isib postu f’darna”

Insellmilkom ilkoll, familji, gruppi parrokkjali u għaqdiet, li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn diversi partijiet tad-dinja.  B’mod partikulari nsellem lill-pellegrini ta’ Civitella Casanova, Catania, Gela, Altamura, u ż-żgħażagħ ta’ Frosinone.

Waqt li nsellem lill-insara Pollakki, ningħaqad spiritwalment ma’ nieshom u mal-Polonja kollha, li oġġi jixgħelu x-“xemgħa tal-Milied” u jġeddu l-impenn ta’ solidarjetà, speċjalment f’din is-sena tal-Caritas li qed tiġi ċelebrata fil-Polonja.

U issa nsellem bil-qalb lit-tfal li ġew biex ibierku l-Bambini tagħhom fl-attività organizzata miċ-Centro Oratori Romani.  Prosit!  Tassew kontu tfal bravi u mimlijin ferħ fil-pjazza, prosit!  U issa ħudu magħkom il-presepji mberkin.  Għeżież tfal, nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom u nawguralkom il-Milied it-tajjeb!  Meta tkunu d-dar u titolbu quddiem il-presepju tagħkom, ftakru biex titolbu għalija, u jien ukoll niftakar nitlob għalikom.  It-talb huwa n-nifs tar-ruħ: huwa importanti li tul il-ġurnata nsibu xi mumenti biex niftħu qalbla ma’ Alla, anke permezz tat-talb sempliċi u qasir tal-poplu nisrani.  Għalhekk, illum ħsibt biex nagħti rigal lil kull min qiegħed hawn fil-pjazza, sorpriża, rigal: se ntikom ktejjeb li tistgħu tpoġġuh fil-but li fih xi talbiet, għall-mumenti differenti tal-ġurnata u għall-bżonnijiet differenti tal-ħajja. Hawn hu.  Xi voluntiera se jqassmuh.  Ħudu wieħed kull wieħed u ġorruh dejjem magħkom, biex jgħinkom tgħixu l-ġurnata kollha ma’ Alla.  Dan biex ma ninsewx dak il-messaġġ sabiħ li intom ġibtu miktub fuq dak il-poster: “Ma’ Ġesù il-ferħ isib postu f’darna”. Flimkien għal darb’oħra: “Ma’ Ġesù il-ferħ isib postu f’darna”. Bravi!

Insellmilkom ilkoll u nawguralkom il-kumplament tal-Ħadd it-tajjeb, u l-ikla t-tajba. Tinsewx titobu għalija jekk jogħġobkom.  Insellmilkom. Jalla tkunu ferħanin!

  

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.