Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-14 ta’ Settembru l-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes.  Xi ħadd li mhux Nisrani forsi jistaqsina: għaliex “teżaltaw” s-salib?  Aħna nistgħu nwieġbu li ma neżaltawx xi salib kwalunkwe, jew is-slaleb kollha: neżaltaw is-Salib ta’ Ġesù, għax fih dehret il-milja sħiħa tal-imħabba t’Alla lejn l-umanità.  Dan hu dak li jfakkarna l-Evanġelju ta’ San Ġwann fil-liturġija tallum: «Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu l-Waħdieni» (3, 16).  Il-Missier ta lil Ibnu biex isalvana, u dan fisser il-mewt ta’ Ġesù, u l-mewt fuq is-salib.  Għaliex?  Għaliex kien meħtieġ is-Salib?  Minħabba l-gravità tal-ħażen li kien iżommna skjavi.  Is-salib ta’ Ġesù jesprimi ż-żewġ affarijiet: il-qawwa kollha negattiva tal-ħażen u l-omnipotenza ġentili kollha tal-ħniena t’Alla.  Is-Salib donnu jiddikjara l-falliment ta’ Ġesù, imma fil-fatt hu s-injal tar-rebħa tiegħU.  Dawk li kienu jiddieħku bih fuq il-Kalvarju kienu qalulu: “ Jekk int l-Iben t’Alla, inżel minn fuq is-salib” (Mattew 27,40).  Imma l-verità kienet il-maqlub: propju għax kien l-Iben t’Alla, Ġesù baqa’ hemmhekk, fuq is-salib, fidil sal-aħħar lejn il-pjan ta’ mħabba tal-Missier.  U propju minħabba f’hekk Alla “għolla” lil Ġesù (Fil. 2,9) u tah regalità universali.

U meta ndawru ħarsitna lejn is-Salib fejn kien imsammar Ġesù, nikkontemplaw is-sinjali ta’ mħabba, tal-imħabba infinita ta’ Alla lejn kull wieħed u waħda minna u l-għeruq tas-salvazzjoni tagħna.  Minn dak is-Salib tnixxi l-ħniena tal-Missier li jgħannaq lid-dinja kollha.  Bis-saħħa tas-Salib ta’ Kristu ntrebaħ il-malinn, intrebħet il-mewt, ingħatatilna l-ħajja, intradditilna lura t-tama.  Dan hu importanti: bis-saħħa tas-Salib ta’ Kristu ksibna t-tama mill-ġdid.  Is-Salib ta’ Kristu hu l-unika tama vera tagħna!  Din hi r-raġuni għaliex il-Knisja “teżalta” s-Salib Imqaddes, u din hi r-raġuni għaliex aħna l-Insara nbierku bis-sinjal tas-Salib.  Jiġifieri li aħna ma neżaltawx is-slaleb, imma s-Salib glorjuż ta’ Ġesù, sinjal tal-imħabba bla tarf ta’ Alla, sinjal tas-salvazzjoni tagħna u mixja lejn il-Qawmien.  Din hi t-tama tagħna.

Aħna u nikkontemplaw u niċċelebraw is-Salib Imqaddes, niftakru b’emozzjoni f’tant ħutna persegwitati u maqtulin minħabba l-fedeltà tagħhom lejn Kristu.  Dan jiġri speċjalment fejn il-libertà reliġjuża għadha mhix garantita jew imwettqa għal kollox.  Imma dan isir ukoll fil-pajjiżi u fl-ambjenti fejn bħala prinċipju, il-libertà u d-drittijiet umani huma mħarsin, imma fejn min jemmen konkretament, speċjalment l-Insara, jħabbat wiċċhu ma’ limitazzjonijiet u diskriminazzjoni.  Għalhekk illum niftakru fihom u nitolbu għalihom b’mod partikolari.

Fuq il-Kalvarju, f’riġlejn is-Salib kien hemm il-Verġni Marija (Ġwanni 19, 25-27).  Hi Marija Addolorata li għada niċċelebraw il-liturġija tagħha.  Lilha nafda l-preżent u l-futur tal-Knisja, ħalli lkoll inkunu nafu dejjem aktar niskopru u nilqgħu il-messaġġ ta’ mħabba u salvazzjoni tas-Salib ta’ Ġesù.  Nafdalha partikolarment il-koppji ta’ għarajjes li bi pjaċir tiegħi għaqqadt flimkien fis-Sagrament taż-Żwieġ dalgħodu fil-Bażilika ta’ San Pietru.

 

Wara l-Angelus:

 

Għeżież ħuti,

Għada, fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali se tibda’ uffiċjalment il-Missjoni mnedija mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda bl-għan li tnissel il-paċi fil-pajjiż u biex tipproteġi lill-popolazzjoni ċivili li qed tbati qatigħ il-konsegwenzi tal-kunflitt li għaddej bħalissa.  Filwaqt li niżgura l-impenn u t-talb tal-Knisja Kattolika, nagħmel kuraġġ lill-isforz tal-komnunità internazzjonali, li qed tagħti l-għajnuna lin-nies mill-Afrika Ċentrali li għandhom rieda tajba.  Malajr kemm jista’ jkun il-vjolenza għandha ċċedi t-triq għad-djalogu; il-partijiet li huma kontra xulxin iwarrbu fil-ġenb l-interessi partikolari u jagħmlu ħilithom biex kull ċittadin, hu ta’ liema etnija jew reliġjon hu, jkun jista’ jikkollabora fil-bini tal-ġid komuni.  Jalla l-Mulej jakkumpanja din il-ħidma għall-paċi!

Jien mort Redipuglia, fiċ-ċimiterju Awstro-Ungariku u fil-Mafkar.  Hemmhekk tlabt għall-mejtin vittmi tal-gwerra l-kbira.  In-numri huma tal-biża’: jingħad li tilfu ħajjithom 8 miljun suldati żgħażagħ u 7 miljun nies ċivili.  Dan jgħinna nifhmu kemm il-gwerra hija ġenn!  Ġenn li minnu l-umanità għadha ma tgħallmitx il-lezzjoni, għax warajha kien hemm gwerra dinjija oħra u tant gwerrer oħrajn għadhom għaddejjin illum.  Imma meta se nitgħallmuha aħna din il-lezzjoni?  Nistieden lil kulħadd iħares lejn Ġesù Kurċifiss biex nifhmu li l-mibgeħda u l-ħażen jingħelbu bil-maħfra u bil-ġid, biex nifhmu li l-gwerra kulma tagħmel hu li żżid il-ħażen u l-mewt!

U issa rrid insellem minn qalbi lilkom ilkoll, fidili Rumani u pellegrini ġejjin mill-Italja u minn pajjiżi differenti.

Insellem partikolarment “lill-Ħbieb ta’ Santa Tereżita u ta’ Madre Eliżabetta” mill-Kolombja; lill-fidili minn Sotto il Monte Giovanni XXIII, Messina Genova, Collegno u Spoleto, u l-kor taż-żgħażagħ minn Trebaseleghe (Padova).  Insellem lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-Grupp IDI u l-imseħbin tal-Moviment Qawsalla Santa Marija Addolorata.

Nitlobkom biex, jekk jogħġobkom, titolbu għalija.  Nawguralkom il-Ħadd it-Tajjeb u l-pranzu t-tajjeb.  Arrivederci!