Għeżież ħuti il-jum it-tajjeb,

L-Evanġelju tal-lum (Luqa 12,49-53) hu parti mit-tagħlim li Ġesù jagħti lid-dixxipli tiegħu hu u sejjer lejn Ġerusalemm, fejn kien hemm tistennih il-mewt fuq is-salib.  Biex juri l-għan tal-missjoni tiegħu, Hu juża tliet xbiehat: in-nar, il-Magħmudija u l-firda.  Illum nixtieq nitkellem dwar l-ewwel waħda: in-nar.

Ġesù jfisser ruħu b’dan il-kliem: «Jien ġejt biex inkebbes in-nar fid-dinja, u kemm nixtieq li diġà qabad!» (v. 49). In-nar li qed jitkellem dwaru Ġesù hu dak tal-Ispirtu s-Santu, preżenza ħajja u ħawtiela fina sa mill-jum tal-Magħmudija tagħna.  Hu - in-nar- hu qawwa ħallieqa li ssaffi u ġġedded, li taħraq kull miżerja tagħna, kull egoiżmu, kull dnub, tibdilna minn ġewwa, tiġġenerana mill-ġdid u ttina l-ħila li nħobbu.  Ġesù jixtieq li l-Ispirtu s-Santu jħeġġeġ bħan-nar fi qlubna, għax huwa biss meta nibdew mill-qalb li l-ħuġġieġa tal-imħabba divina tista’ tiżviluppa u tmexxi ‘l quddiem is-Saltna t’Alla.  Din mhix ħaġa li tibda mill-moħħ, imma mill-qalb.  Għalhekk Ġesù jrid li n-nar jirfed qlubna.  Jekk aħna ninfetħu għal kollox għall-azzjoni ta’ dan in-nar, li hu l-Ispirtu s-Santu, Hu jtina l-kuraġġ u l-ħerqa biex inxandru lil kulħadd ‘il Ġesù u l-messaġġ ta’ faraġ tiegħu ta’ ħniena u salvazzjoni, billi ngħumu f’baħar miftuħ mingħajr biża’.

Fil-qadi tal-missjoni tagħha fid-dinja, il-Knisja – jiġifieri aħna lkoll li aħna l-Knisja – teħtieġ l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex ma tintrikibx mill-biża’ u l-kalkoli, biex ma tidrax timxi fis-sigurtà ta’ konfini mkenna.  Dawn iż-żewġ atteġġjamenti jirrendu l-Knisja funzjonali, li qatt ma tieħu riskju.  Iżda l-kuraġġ appostoliku li l-Ispirtu s-Santu jkebbes fina bħan-nar, jgħinna negħlbu l-ħitan u l-ostakli, jagħmilna kreattivi u jixprunana biex niċċaqalqu ħalli nimxu wkoll f’toroq li għandna ma skoprejnihomx u skomdi, biex noffru t-tama lil kull min niltaqgħu miegħu. Permezz ta’ dan in-nar tal-Ispirtu s-Santu aħna msejħin biex insiru dejjem aktar komunità ta’ persuni mmexxijin (mill-Ispirtu s-Santu) u mibdulin, mimlijin komprensjoni, persuni b’qalb miftuħa beraħ u b’wiċċ ferrieħ.  Illum, aktar minn qatt qabel, hemm bżonn ta’ saċerdoti, persuni konsagrati u fidili lajċi bil-ħarsa ta’ appostli, biex jitqanqlu u jieqfu quddiem l-iskomdu u l-faqar materjali u spiritwali ħalli l-mixja tal-evanġeliżżazzjoni u l-missjoni jtuha l-karatteristika tar-ritmu tal-qrubija li tfejjaq.  Hu propju n-nar tal-Ispirtu s-Santu li jġegħelna nsiru proxxmu għall-oħrajn, ta’ dawk fil-bżonn, ta’ tant miżerji umani, ta’ tant problemi, tar-rifuġjati, ta’ dawk li ħarbu minn pajjiżhom, ta’ min qed ibati. 

F’dal ħin, fuq kollox, qed naħseb ukoll b’ammirazzjoni fl-għadd kbir ta’ saċerdoti, reliġjużi u fidili lajċi li fid-dinja kollha jiddedikaw ruħhom għat-tħabbir tal-Evanġelju b’imħabba kbira u fedeltà, u spiss ukoll billi jħallsu b’ħajjithom.  Ix-xhieda eżemplari tagħhom tfakkarna li l-Knisja m’għandhoex bżonn ta’ burokrati jew funzjonarji effiċjenti, imma ta’ missjunarji mħeġġin għall-aħħar, miklubin mill-ħerqa li jwasslu l-kelma ta’ faraġ ta’ Ġesù u l-grazzja tiegħu, lil kulħadd.  Dan hu n-nar tal-Ispirtu s-Santu.  Jekk il-Knisja ma tirċevix dan in-nar jew ma tħallihx jirfidha, issir Knisja kiesħa jew biss bierda, mingħajr ħila li tagħti l-ħajja, għax tkun magħmula minn Insara kesħin bħas-silġ jew bierda.  Illum jagħmlilna tajjeb nieqfu għal ħames minuti u nistaqsu lilna nfusna: “Imma kif inhi qalbi”  Kiesħa? Bierda?  Għandha ħila tirċievi dan in-nar?”  Nieħdu ħames minuti biex nagħmlu dan.  Jagħmlilna tajjeb lilna lkoll.

U nitolbu lill-Verġni Marija biex titlob magħna u għalina lill-Missier Ċelesti, biex iferrex l-Ispirtu s-Santu fina lkoll li nemmnu, l-Ispirtu li hu nar divin li jkebbes il-qlub u jgħinna nkunu solidali mal-ferħat u t-tbatijiet ta’ ħutna.  Jgħinna wkoll fil-mixja tagħna l-eżempju ta’ San Massimiljanu Kolbe, martri tal-karità, li llum taħbat il-festa tiegħu: hu jgħallimna ngħixu n-nar tal-imħabba għal Alla u għall-proxxmu.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini li hawn preżenti!

Illum ukoll għandi l-pjaċirr kbir insellem lil xi gruppi ta’ żgħażagħ: qabel xejn lill-iscouts li ġew minn Pariġi; imbagħad liż-żgħażagħ li ġew Ruma f’pellegrinaġġ bil-mixi jew bir-rota min Bisuchio, Treviso, Solarolo, Macherio, Sovico, Vall’Alta di Bergamo u lis-seminaristi tal-Seminarju Minuri ta’ Bergamo.  Intenni lilkom ukoll il-kliem li kienu t-tema tal-laqgħa kbira ta’ Krakovja: «Imberkin dawk li jħennu għax huma jsibu l-ħniena»; agħmlu sforz biex taħfru dejjem u biex ikollkom il-ħniena fi qlubkom.

Insellem lill-Assoċjazzjoni tal-proġett “Kartolini bir-Rota”.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla ta’ nofsinhar it-tajba.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber