Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum hu magħmul minn żewġ parabboli qosra ħafna: dik taż-żerriegħa li tinbet u tikber waħedha u dik taż-żerriegħa tal-mustarda (cfr Mark 4, 26-34).  Bi-saħħa ta’ dawn ix-xbihat meħudin mid-dinja tal-biedja, Ġesù jurina kemm hi effikaċi l-Kelma t’Alla u xinhuma l-eżiġenzi tas-Saltna tiegħu, billi jurina liema huma r-raġunijiet tat-tama tagħna u tal-impenn tagħna fl-istorja.

L-ewwel parabola tiġbdilna l-attenzjoni fuq il-fatt li ż-żerriegħa, mitfugħa fil-ħamrija, tagħmel l-għeruq u tikber waħedha, kemm jekk il-bidwi jkun rieqed u anki jekk ikun imqajjem.  Hu għandu fiduċja fil-qawwa interna tal-istess żerriegħa u fil-fertilità tal-art.  Fil-lingwaġġ evanġeliku, iż-żerriegħa hija simbolu tal-Kelma t’Alla u din il-parabbola tfakakrna kemm din il-Kelma hi għammiela.  L-istess bħalma jiġri liż-żerriegħa umli, il-Kelma taħdem bil-qawwa ta’ Alla fil-qalb ta’ min jismagħha.  Alla afda Kelmtu lill-art tagħna, jiġifieri lil kulll wieħed u waħda minna, fil-konkretezza umana tagħna.  Għandna nimtlew bil-fiduċja għax il-Kelma t’Alla toħloq u hi destinata li ssir «il-qamħa mimlija fi-żbula» (v. 28).  Jekk din il-Kelma tkun milqugħa, ċertament tħalli l-frott tagħha, għax hu Alla nnifsu li jnibbitha u jkabbarha permez ta’ toroq li mhux dejjem nistgħu nivverifikawhom u b’mod li hu mistur għalina (cfr v.27).  Dan kollu jgħinna nifhmu li hu dejjem Alla, dejjem Alla, li jkabbar is-Saltna tiegħu – hu għalhekk li aħna tant nitolbu “tiġi saltnatek” – huwa Hu li jkattarha, il-bniedem hu biss kollaboratur umli tiegħu li jikkontempla u jifraħ bil-ħidma divina li toħloq, u jistenna bil-paċenzja l-frott tagħha.

Il-Kelma t’Alla tkabbar u tagħti l-ħajja.  U hawnhekk irrid infakkarkom għal darb’oħra kemm hu importanti li jkollkom l-Evanġelju, il-Bibbja f’post fejn tistgħu issibuha minnufih – ktejjeb tal-Evanġelju fil-basket, fil-but – u nitrejqu kuljum b’din il-Kelma ħajja ta’ Alla: naqraw kuljum silta mill-Evanġelju, silta mill-Bibbja.  Tinsewh qatt dan jekk jogħġobkom.  Għax din hi l-qawwa li tnibbet fina l-ħajja tas-Saltna t’Alla.

It-tieni parabola tuża x-xbieha taż-żerriegħa tal-mustarda.  Minkejja li hi l-iżgħar fost iż-żrieragħ kollha, hija mimlija ħajja u tikber sa ma ssir «l-akbar waħda fost il-pjanti tal-ġnien» (Mark 4, 32).  L-istess hi s-Saltna t’Alla: umanament u fid-dieher, realtà żgħira, irrilevanti.  Biex inisru nagħmlu parti minnha jeħtieġ li qalbna tkun fqira; li ma nafdawx fil-ħiliet tagħna imma fil-qawwa tal-imħabba t’Alla; ma naħdmux biex insiru importanti għal għajnejn id-dinja, imma biex inkunu prezzjużi f’għajnejn Alla li jippreferi lil min hu sempliċi u umli.  Meta aħna ngħixu hekk, permezz tagħna jidħol Kristu bil-qawwa tiegħu li tibdel dak li hu ċkejken u bla siwi f’realtà li tiffermenta l-massa sħiħa tad-dinja u tal-istorja.

Minn dawn iż-żewġ parabboli nisiltu tagħlima importanti: is-Saltna t’Alla titlob il-kollaborazzjoni tagħna, imma fuq kollox hi inizjattiva tal-Mulej.  Jekk il-ħidma dgħajfa tagħna, fid-dieher tant żgħira quddiem il-kumplessità tal-problemi tad-dinja, titwaħħad ma’ dik tal-Mulej, ma tibżax aktar mid-diffikultajiet.  Ir-rebħa tal-Mulej hi ċerta: imħabbtu tnibbet u tkabbar kull żerriegħa tat-tajjeb li teżisti fid-dinja.  Dan jiftħilna l-fiduċja u t-tama, minkejja d-drammi, l-inġustizzji, is-sofferenzi li niltaqgħu magħhom.  Iż-żerriegħa tat-tajjeb u tal-paċi tinbet u tikber għax l-imħabba ħanina ta’ Alla timmaturaha.

Il-Verġni Qaddisa li laqgħet bħal «art fertili» iż-żerriegħa tal-Kelma divina, tkun il-bastun ta’ din it-tama li ma tqarraq bina qatt.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

illum qed niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Għoti tad-demm, tant miljuni li jikkontribwixxu fis-silenzju, biex jgħinu lil ħutna li jkunu f’diffikultà.  Lil dawk kollha li jagħtu d-demm nurihom l-apprezzament tiegħi u nistieden, speċjalment liż-żgħażagħ, biex jimxu fuq l-eżempju tagħhom.

Insellem lilkom ilkoll, għeżież Pellegrini Rumani: gruppi parrokkjali, familji u assoċjazzjonijiet.   Insellem partikolarment lill-fidili li ġew minn Debrecen (l-Ungerija), minn Malta, minn Houston (fl-Istati Uniti) u mill-Panama.  Mill-Italja l-fidili minn Altamura, Angri, Treviso u Osimo.

Ħsieb speċjali jmur lejn il-komunità tal-Kattoliċi Rumeni li tgħix f’Ruma u liż-żgħażagħ tal-Griżma minn Cerea.

Insellem lill-grupp li jfakkar il-persuni kollha li għebu u niżgurakom mit-talb tiegħi.  Kif ukoll inħossni qrib tal-ħaddiema li qed jiddefendu b’mod solidali d-dirtt tax-xogħol li hu dritt għad-dinjità.

Kif tħabbar, nhar il-Ħamis li ġej se tkun ippubblikata l-Enċiklika dwar il-kura tal-ħolqien.  Nistedinkom biex takkumpanjaw dan l-avveniment b’attenzjoni mġedda lejn is-sitwazzjoni tat-taħsir ambjentali, imma anki dwar kif dan jista’ jkun irkuprat, kulħadd fit-territorju tiegħu.  Din l-Enċiklika hija indirizzata lil kulħadd: nitolbu biex kulħadd jirċievi l-messaġġ tagħha u jkabbar fih ir-responsabbiltà lejn id-dar komuni li Alla afda f’idejn kulħadd.

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber