L-Evanġelju tal-lum (ara Ġw 1, 35-42), bħal dak fil-festa tal-Epifanija u tal-Magħmudija ta’ Ġesù, qed ipoġġi quddiemna t-tema tal-manifestazzjoni tal-Mulej. Din id-darba hu Ġwanni l-Battista li indika ‘l Ġesù lid-dixxipli tiegħu bħala “l-Ħaruf t’Alla”(v.36). B’hekk hu stedinhom  jimxu warajh. L-istess għalina: Dak li kkontemplajna fil-misteru tal-Milied, issa msejħin biex nimxu warajh fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-Evanġelju tal-lum qed idaħħalna fiż-żmien liturġiku ordinarju, żmien li jservi biex janima u jivverifika l-mixja tagħna ta’ fidi fil-ħajja tas-soltu, f’dinamika li hi bejn epifanija u sekwela, bejn manifestazzjoni u vokazzjoni.

Ir-rakkont tal-Evanġelju jindikalna l-karatteristiċi essenzjali tal-mixja ta’ fidi. Fih hemm itinerarju ta’ fidi, u dan hu l-itinerarju tad-dixxipli ta’ kull żmien, anki ta’ żmienna. Jibda mill-mistoqsija: “X’ qed tfittxu?”( v.38) li Ġesù għamel liż-żewġ dixxipli li marru warajh, wara li tqanqlu minn dak li qalilhom il-Battista. Din hi l-istess mistoqsija, li Ġesù rxoxt għamel lil Marija Maddalena fl-għodwa tal-Għid: “Mara, lil min qiegħda tfittex?” (Ġw 20,15). Kull wieħed minna, bħala bniedem, qiegħed ifittex: ifittex ferħ, ifittex imħabba, ħajja tajba u mimlija. Alla l-Missier tana dan kollu f’Ibnu Ġesù.

Ir-rwol ta’ xhud veru, ta’ persuna li tkun hi l-ewwel li tagħmel il-mixja u tiltaqa’ ma’ Ġesù, hu fundamentali f’dan it-titfix.  Fl-Evanġelju, dan ix-xhud hu Ġwanni l-Battista. Hu seta’ jressaq  lid-dixxipli lejn Ġesù, li daħħalhom f’esperjenza ġdida meta qalilhom: “Ejjew u taraw” (v.39).  Dawk iż-żewġ dixxipli żgur li qatt ma nsew il-ġmiel ta’ dik il-laqgħa; tant hu hekk  li l-evanġelista nnota wkoll il-ħin: “Kien għall-ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar” (v.39). Hi  biss laqgħa personali ma’ Ġesù li tista’ tiġġenera mixja ta’ fidi u ta’ dixxipulat. Nistgħu nagħmlu ħafna esperjenzi, nibnu rabtiet ma’ bosta persuni, imma huwa biss l-appuntament ma’ Ġesù, f’dak il-ħin li Alla jrid, li jista’ jagħti sens sħiħ lil ħajjitna u li jwassal lill-proġetti u l-inizjattivi tagħna  biex jagħmlu l-frott.

Mhux biżżejjed li wieħed jibni xbieha t’Alla fuq dak li sama’ mingħand xi ħadd; jeħtieġ li  nfittxu lill-Imgħallem divin u mmorru fejn jgħammar. Il-mistoqsija li ż-żewġ dixxipli għamlu lil Ġesù: “Fejn toqgħod?” (v.38), għandha sens spiritwali qawwi: turi x-xewqa li jsiru  jafu fejn jgħammar l-Imgħallem ħalli jkunu jistgħu joqogħdu miegħu.Il-ħajja ta’ fidi tikkonsisti fix-xewqa li nkunu mal-Mulej u allura li nfittxu l-ħin kollu l-post fejn  jgħammar. Dan ifisser li aħna msejħa negħlbu r-reliġjożita’ li ssir drawwa u nkebbsu l-laqgħa  tagħna ma’ Ġesù bit-talb, bil-meditazzjoni tal-Kelma t’Alla u billi nieħdu sehem ta’ spiss fis-Sagramenti, ħalli nkunu nistgħu noqogħdu miegħu.  U grazzi għaliH, għall-għajnuna u l-grazzja tiegħu l-ħajja tagħna tkun tista’ tagħmel il-frott.

Infittxu lil Ġesù,niltaqgħu ma’ Ġesù, nimxu wara Ġesù: din hi l-mixja. Infittxu lil Ġesù, niltaqgħu ma’ Ġesù, nimxu wara Ġesù.

Jalla l-Verġni Marija tgħinna f’dan il-proponiment li nimxu wara Ġesù u mmorru ngħammru fejn jgħammar Hu, biex nisimgħu Kelmtu li hi ħajja,  inkunu fidil lejh, li jneħħi d-dnub tad-dinja, u mill-ġdid insibu  fiH  tama u qawmien spiritwali.

 


 Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Illum hija l-Ġurnata Dinjija tal-Immigrant u r-Refuġjat. Dalgħodu ċċelebrajt il-Quddiesa ma’ numru sabiħ ta’ immigranti u refuġjati li joqogħdu fid-djoċesi ta’ Ruma. Fil-messaġġ tiegħi għal din il-ġurnata sħaqt li l-immigrazzjoni hi sinjal taż-żmenijiet. “Kull barrani li jħabbat biebna  hu okkażjoni li tlaqqagħna ma’ Ġesù Kristu li jidentifika ruħu ma’ dak il-barrani li nilqgħuh jew inwarrbuh f’kull żmien ( ara Mt 25, 35-43)...Dwar dan nixtieq nerġa’ nisħaq li t-tweġiba komuni tagħna tista’ tinġabar f’erba’ verbi: nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw, li huma bbażati fuq il-prinċipji tad-duttrina tal-Knisja”.Minn issa ‘l quddiem, minħabba raġunijiet pastorali, il-Ġurnata Dinjija tal-Immigrant u r-Refuġjat ser tibda tkun ċelebrata fit-tieni Ħadd ta’ Settembru. Dik li jmiss, il-mija u ħames waħda, ser tkun fit-8 ta’ Settembru  2019.

Għada ser nibda l-vjaġġ tiegħi fiċ-Ċile u l-Peru. Nitlobkom tkunu miegħi f’dan il-vjaġġ appostoliku bit-talb tagħkom.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini: il-familji, il-gruppi parrokkjali u l-għaqdiet.

Tislima speċjali lill-komunita’ latina-amerikana ta’ Santa Lucia f’Ruma, li qed tiċċelebra l-25 sena mit-twaqqif tagħha.  En este felíz aniversario, le pido al Señor que los colme de bendiciones para que puedan seguir dando testimonio de su fe en medio de las dificultades, alegrías, sacrificios y esperanzas de su experiencia migratoria. Gracias.

Nawgura l-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd. U nitlobkom: tinsewx titolbu għaliha. L-ikla t-tajba u arrivederċi!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard