Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-lum hemm mistoqsija mtennija tliet darbiet: «X’għandna nagħmlu?» (Luqa 3, 10.12.14).  Din jagħmluha lil Ġwanni l-Battista tliet kategoriji ta’ persuni: l-ewwel, il-folla; it-tieni il-publikani, jew aħjar dawk li kienu jiġbru t-taxxi; u t-tielet, xi suldati.  Kull wieħed minn dawn il-gruppi jistaqsi lill-Profeta dwar x’għandu jagħmel biex jikseb il-konverżjoni li kien qed jipprietka (l-Battista).  It-tweġiba ta’ Ġwanni għall-misoqsija tal-folla hi li jaqsmu dak li hu meħtieġ għalihom.  Jiġifieri, lill-ewwel grupp, il-folla, jgħidilhom biex jaqsmu dak li hu neċessarju għalihom fil-ħajja ta’ kuljum u jgħidilhom hekk: «Min għandu żewġ ilbiesi jagħti waħda li min m’għandux, u min  għandu x’jiekol jagħmel l-istess» (v. 11).  Imbagħad lit-tieni grupp, lil dawk li jiġbru t-taxxi jgħidilhom biex ma jitolbu xejn aktar minn dak li n-nies ikollhom jagħtu (v. 13).  Xi jfisser dan?  Tfittxux li tixxaħħmu.  Il-Battista hu ċar.  U lit-tielet grupp, lis-suldati, jitlobhom biex ma jisirqu lil ħadd imma jikkuntentaw bil-paga li għandhom (v. 14).  Huma t-tliet tweġibiet lil dawn it-tliet gruppi. Tliet tweġibiet li jmexxu fl-istess triq tal-konverżjoni, li tidher f’impenn konkret ta’ ġustizzja u ta’ solidarjetà.  Hija t-triq li juri Ġesù fil-predikazzjoni kollha tiegħu: it-triq tal-imħabba lejn il-proxxmu fil-prattika.

Minn dawn it-twissijiet ta’ Ġwanni l-Battista nifhmu x’kienu t-tendenzi ġenerali ta’ min kellu l-poter f’idejh dak iż-żmien.  L-affarijiet ma nbidlux wisq.  Madankollu, ebda kategorija ta’ persuni mhi mbarrija milli timxi fit-triq tal-konverżjoni biex tikseb is-salvazzjoni, lanqas il-publikani, li huma meqjusin bħala l-midinbin per eċċellenza; lanqas huma m’huma esklużi mis-salvazzjoni.  Il-possibbiltà tas-salvazzjoni Alla ma jħalli lil ħadd barra minnha.  Huwa – biex ngħidu hekk – ansjuż biex juża l-ħniena, biex jużaha ma’ kulħadd u biex jilqa’ lil kulħadd fit-tgħannieqa tenera tar-rikonċiljazzjoni u tal-maħfra.

Din il-mistoqsija –x’għandna nagħmlu? – inħossuha wkoll tagħna.  Il-liturġija tal-lum ittennielna, bi kliem Ġwanni, li jeħtieġ nikkonvertu, jeħtieġ nibdlu r-rotta u nibdew mexjin fit-triq tal-ġustizzja, tas-solidarjetà, tas-sobrijetà: huma valuri li l-eżistenza umana sħiħa u awtentika ma tistax tgħaddi mingħajrhom.  Ikkonvertu!  Hija s-sinteżi tal-messaġġ tal-Battista.  U l-liturġija ta’ dan it-tielet Ħadd tal-Avvent tgħinna niskopru mill-ġdid dimensjoni partikolari tal-konverżjoni: il-ferħ.  Min jikkonverti joqrob lejn il-Mulej, iħoss il-ferħ.  Il-Profeta Sofonija llum jgħidilna: «Ifirħu wlied Sijon!», hu u jindirizza lil Ġerusalemm (Sof. 3,14); u l-Appostlu Pawlu hekk iħeġġeġ lill-Insara: «Ifirħu dejjem fil-Mulej» (Fil. 4,4).  Illum trid tkun kuraġġuż biex titkellem dwar il-ferħ, fuq kollox hi meħtieġa l-fidi!  Id-dinja llum hi tturmentata minn tant problemi, il-futur tagħha hu mtaqqal b’misteri u biżgħat.  Madankollu, in-Nisrani hu persuna ferħana, u l-ferħ tiegħu mhux xi ħaġa superfiċjali jew effimera, imma hu profond u stabbli, għax hu rigal tal-Mulej li jimla’ l-ħajja.  Il-ferħ tagħna jitnissel miċ-ċertezza li «l-Mulej hu qrib» (Fil, 4,5): hu qrib bit-tenerezza tiegħu, bil-ħniena tiegħu, bil-maħfra tiegħu u bl-imħabba tiegħu.

Il-Verġni Marija tgħinna nsaħħu l-fidi tagħna, ħalli nagħrfu nilqgħu lil Alla tal-hena, ‘l Alla tal-ħniena, li dejjem irid jgħammar fost uliedu.  U l-Omm tagħna tgħallimna naqsmu d-dmugħ ma’ min jibki, ħalli nkunu nistgħu naqsmu wkoll it-tbissima.


Wara l-Angelus:

Il-konferenza dwar il-klima li għadha kif intemmet f’Pariġi waslet għal ftehim li ħafna qed jiddeskrivuh bħala wieħed storiku.  Biex dan jitqiegħed fis-seħħ jeħtieġ impenn ġenerali u dedikazzjoni ġeneruża min-naħa ta’ kulħadd.  Bl-awgurju li tingħata attenzjoni partikolari lill-popolazzjonijiet l-aktar dgħajfa, inħeġġeġ lill-komunità internazzjonali kollha biex tkompli miexja bil-ħeffa fit-triq li nbdiet, bħala sinjal ta’ solidarjetà li tkun dejjem aktar fattiva.

Nhar it-Tlieta li ġej, 15 ta’ Diċembru, f’Nairobi se tibda Konferenza Ministerjali tal-Organiżżazzjoni Internazzjonali tal-Kummerċ.  Nappella lill-pajjiżi li se jkunu qed jieħdu sehem biex id-deċiżjonijiet li se jittieħdu jżommu quddiem għajnejhom il-ħtiġijiet tal-foqra u tal-persuni l-aktar dgħajfa, kif ukoll tal-aspriazzjonijiet leġittimi tal-pajjiżi l-anqas żviluppati u tal-familja umana kollha kemm hi.

Fiil-Katidrali kollha tad-dinja, qed jinfetħu l-Bibien tal-Ġublew, sabiex il-Ġublew tal-Ħniena jkun jista’ jingħex fil-milja tiegħu fil-knejjes partikolari.  Nawgura li dan il-mument qawwi jqanqal ‘il ħafna biex isiru strumenti tat-tenerezza t’Alla.  Bħala sinjal tal-opri tal-ħniena, qed jinfetħu wkoll “Il-Bibien tal-Ħniena” fil-postijiet fejn hemm id-diffikultajiet u l-emarġinazzjoni.  F’dar-rigward, nixtieq insellem lill-ħabsin tal-ħabsijiet tad-dinja kollha, speċjalment tal-ħabs ta’ Padova, li llum huma magħqudin magħna spiritwalment, bħalissa, fit-talb, u rroddilhom ħajr għall-kunċert li taw bħala rigal.

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn tant inħawi fid-dinja.  Insellem b’mod partikolari lil dawk li ġew minn Varsavja u minn Madrid. Ħsieb sġeċjali jmur lejn il-Fundazzjoni Dispensario Santa Marta tal-Vatikan: lill-ġenituri u ‘l uliedhom, lill-volontarji u lis-Sorijiet Ulied tal-Karità; grazzi għax-xhieda tagħkom ta’ solidarjetà u akkoljenza!  U nsellem ukoll lill-membri tal-Moviment tal-Fokolarini flimkien mal-ħbieb minn xi komunitajiet Iżlamiċi.  Komplu mexjin,!  Komplu mexjin bil-kuraġġ fit-triq tagħkom ta’ djalogu u fraternità, għax aħna lkoll ulied Alla!

Nawgura lil kulħadd minn qalbi l-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba.  Tinsewx, jekk jogħġobkom, titolbu għalija.  Arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber