Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb,

Is-silta tal-Evanġelju tal-lum (Lq 21, 5-19) ittina l-ewwel parti mid-diskors ta’ Ġesù dwar l-aħħar jiem kif jirrakkuntahulna San Luqa.  Dan id-diskors Ġesù jagħmlu waqt li jinsab quddiem it-tempju ta’ Ġerusalemm, u jieħu spunt minn dak li kienu qed jgħidu n-nies li kienu qed jesprimu ammirazzjoni għas-sbuħija tas-santwarju u r-rikkezzi li kellu. (cfr v.5).  Allura Ġesù jgħid: «Għad jasal jum li fih, minn dak li qed taraw ma tibqax ġebla fuq oħra» (v. 6).  Nistgħu nimmaġinaw x’effett kellu dan il-kliem fuq id-dixxipli ta’ Ġesù!  Iżda Hu ma jridx joffendi t-tempju, imma jrid ifiehem lilhom u lilna wkoll illum,  li dak li jibni l-bniedem, anki dak l-aktar sagru, jgħaddi, u aħna m’għandniex nibnu ċ-ċertezzi tagħna fuqu.  Tul ħajjitna, kemm ċertezzi mistħajla ħsibna li kienu definittivi u mbagħad jispiċċaw biex ikunu biss duħħan!  Min-naħa l-oħra kemm problemi dehrulna li m’għandhomx soluzzjoni u mbagħad ingħelbu!

Ġesù jaf li dejjem hemm min jispekula fuq il-ħtieġa tas-serħan il-moħħ li għandu l-bniedem.  Għalhekk jgħid: «Oqgħodu attenti u tħallux lil min iqarraq bikom» (v. 8), u jwissi biex nibżgħu minn tant profeti foloz li jitfaċċaw quddiemna (v. 9).  Illum ukoll hawn minnhom!  U (Ġesù) jżid li m’għandniex inħabblu rasna mill-gwerrer, rivoluzzjonijiet u traġedji għax dawn ukoll jagħmlu parti mir-realtajiet ta’ din id-dinja (cfr vv. 10-11).  L-istorja tal-Knisja hi miżgħuda b’eżempji ta’ persuni li sofrew tribulazzjonijiet u tbatijiet terribbli bis-serenità, konxji li jinsabu solidament f’idejn Alla.  Hu Missier fidil, mimli ħrara, li ma jabbandunax lil uliedu.  Alla qatt ma jabbandunana!  Aħna għandu jkollna din iċ-ċertezza f’qalbna: Alla qatt ma jabbandunana!

Nibqgħu sodi fil-Mulej, f’din iċ-ċertezza li Hu ma jabbandunaniex, nimxu bit-tama, naħdmu biex nibnu dinja aħjar minkejja d-diffikultajiet u l-ġrajjiet ta’ niket li jimmarkaw l-eżistenza personali u kollettiva, dan hu dak li jgħodd verament, dan hu dak li l-komunità Nisranija hi msejħa tagħmel biex tasal għal-laqgħa “tal-jum tal-Mulej”.  Hu fuq dan l-isfond li aħna għandna nqiegħdu l-impenn tagħna li jinbet minn dawn ix-xhur li għexna bil-fidi tul il-Ġublew tal-Ħniena, li llum jintemm fid-Djoċesijiet tad-dinja kollha bl-għeluq tal-Bibien tal-Ħniena fil-knejjes katidrali.  Is-Sena tal-Ġublew min-naħa, qanqlitna biex inżommu ħarsitna fissa fuq il-milja tas-Saltna t’Alla, min-naħa l-oħra qanqlitna biex nibnu l-futur ta’ din l-art, billi naħdmu ħalli nevanġeliżżaw il-preżent ħalli jkun żmien ta’ salvazzjoni għal kulħadd.

Fl-Evanġelju, Ġesù jħeġġiġna biex inżommu tajjeb f’moħħna u fi qlubna ċ-ċertezza li hu Alla li jmexxi l-istorja tagħna u jaf x’inhu l-għan aħħari ta’ kull ħaġa u kull ġrajja.  Taħt il-ħarsa ħanina tal-Mulej tinħatt l-istorja fil-mixja inċerta tagħha u fin-nisġa tat-tajjeb u l-ħażin.  Iżda kull ma’ jiġri hu ppreservat fiH; ħajjitna ma tistax tintilef għax tinsab f’idejH.  Nitolbu lill-Verġni Marija biex tgħinna ħalli tul il-ġrajjiet hienja jew ta’ niket ta’ did-dinja, inżommu sħiħa t-tama tal-eternità u tas-Saltna t’Alla.  Nitolbu lill-Verġni Marija biex tgħinna nifhmu dil-verità fil-fond: Alla qatt ma jabbanduna lil uliedu! 

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Dil-ġimgħa ntradd lura għad-devozzjoni tal-fidili l-aktar kurċifiss tal-injam antik li hemm fil-Bażilika ta’ San Pietru, li hu tas-seklu erbatax.  Wara restawr bir-reqqa reġa’ nagħta l-isplendur antik li kellu u se jitqiegħed fil-kappella tas-Santissmu Sagrament bħala tifkira tal-Ġublew tal-Ħniena.

Illum fl-Italja qed ikun iċċelebrat il-Jum ta’ Radd il-Ħajr għall-frott tal-art u tal-ħidma tal-bniedem.  Ningħaqad mal-Isqfijiet biex nawgura li ommna l-art tkun dejjem ikkultivata b’mod sostenibbli.  Il-Knisja hi qrib id-dinja agrikola b’simpatija u rikonoxxenza u tħeġġeġ biex ma ninsewx lil min, f’ħafna nħawi tad-dinja, hu nieqes mill-ħtiġijiet essenzjali bħalma huma l-ikel u l-ilma.

Insellem lilkom ilkoll, familji parroċċi, assoċjazzjonijiet u fidili, li ġejtu mill-Italja u minn bosta nħawi oħra tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari u rrodd ħajr lill-assoċjazzjonijiet li f’dawn il-ġranet animaw il-Ġublew tal-persuni emarġinati.  Grazzi ħafna għall-ħidma tagħkom u l-għajnuna!  Insellem lill-fidili li gejjin minn Rio de Janeiro, Salerno, Piacenza, Veroli u Acri, kif ukoll il-konsultorju “La Famiglia” ta’ Milan u Fraternitajiet Taljani tal-Ordni Sekulari Trinitarju.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber