Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-Vanġelu tal-lum jippreżentalna lil Ġesù miexi lejn Ċesarea ta’ Filippu li jistaqsi lid-dixxipli: «In-nies min jgħidu li jien?» (Mk 8,27).  Huma wieġbu b’dak li kienu jgħidu n-nies: uħud jgħidu Ġwanni l-Battista li reġa’ qam, oħrajn Elija jew wieħed mill-Profeti l-Kbar.  In-nies kienu japprezzaw lil Ġesù, kienu jqisuh mibgħut minn Alla, imma ma kienx għad irnexxilhom jagħrfuh bħala l-Messija, dak il-Messija mħabbar u mistenni minn kulħadd.  Ġesù jħares lejn l-Appostli u jistaqsi mill-ġdid: «Imma intom, min tgħidu li jien?» (v. 26).  Din hi l-mistoqsija l-aktar importanti, li biha Ġesù jindirizza direttament lil dawk li kienu miegħu, biex jittestja l-fidi tagħhom.  F’isem kulħadd, Pietru jistqarr bis-sinċerità: «Int Kristu» (v.29).  Lil Ġesù tolqtu l-fidi ta’ Pietru, jagħraf li hi frott ta’ grazzja, ta’ grazzja speċjali ta’ Alla l-Missier.  Allura jiżvela bla tlaqliq lid-dixxipli dak li kien qed jistennih f’Ġerusalemm, jiġifieri li «Bin il-Bniedem kellu jbati ħafna... joqtluh u wara tliet ijiem iqum» (v.31).

Malli sama’ dan, Pietru, li kien għadu kif stqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù bħala l-Messija, jibqa’ skandaliżżat.  Jieħu lill-Imgħallem fil-ġenb u jlumu.  Kif jirreaġixxi Ġesù?  Min-naħa tiegħu Ġesù jċanfar lil Pietru bi kliem iebes ħafna: «Itlaq minn quddiemi Satana!»  Isejjaħlu Satana! – “Għax int ma taħsibx kif jaħseb Alla imma kif jaħsbu l-bnedmin!” (v. 33).  Ġesù jinduna li f’Pietru, bħad-dixxipli l-oħra... u bħalma jiġri lilna lkoll! – it-tentazzjoni tal-Malinn teħodha kontra l-grazzja t’Alla biex tifridna mir-rieda tiegħu.  Meta ħabbar li kellu jbati u li se joqtluh biex imbagħad iqum, Ġesù ried ifiehem lil min jimxi warajh li Hu huwa l-Messija umli u qaddej,  Hu l-qaddej ubbidjenti għall-kelma u għar-rieda tal-Missier, sas-sagrifiċċju aħħari tal-għotja ta’ ħajtu.  Għalhekk, idur fuq il-folla li kellu madwaru u jiddikjara li min irid ikun dixxiplu tiegħu irid jaċċetta li jkun qaddej, kif sar qaddej Hu, u jwissi: «Jekk xi ħadd minnkom irid jiġi warajja, għadnu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jiġi warajja» (v.35).

Is-sekwela ta' (li nimxu wara) Ġesù tfisser li nerfgħu salibna – ilkoll għandna...... – biex nakkumpanjawH fil-mixja tiegħu, mixja skomda li mhix dik tas-suċċess, tal-glorja li tgħaddi, imma dik li tieħu lejn il-libertà vera, dik li teħlisna mill-egoiżmu u mid-dnub.  Ifisser li nirrifjutaw kategorikament il-mentalità mondana li tqiegħed “il-jien” u l-interessi personali fiċ-ċentru tal-eżistenza: dan mhux dak li jrid minna Ġesù!.  Minflok, Ġesù jistedinna nitilfu ħajjitna għaliH, għall-Evanġelju, biex tintraddilna lura mġedda, imwettqa u awtentika.

Aħna ċerti, bil-grazzja ta’ Ġesù, li din it-triq twassalna għall-għan tal-qawmien, għall-milja tal-ħajja definittiva ma’ Alla.  Il-fatt li niddeċiedu li nsegwuH, l-Imgħallem tagħna u l-Mulej li sar qaddej ta’ kulħadd, jitlob minna li nimxu warajh u nisimgħuH bl-attenzjoni fil-Kelma li jtina – ftakru: aqraw kuljum silta mill-Evanġelju – u fis-Sagramenti.

Fil-pjazza hawn iż-żgħażagħ: ġuvintur u tfajliet.  Jien nistaqsikom: qatt ħassejtu x-xewqa li timxu wara Ġesù aktar mill-qrib?  Aħsbu, itolbu.  U ħallu lill-Mulej ikellimkom.

Il-Verġni Marija, li mxiet wara Ġesù sal-Kalvarju, tgħinna nsaffu dejjem il-fidi tagħna minn xbiehat foloz ta’ Alla, biex nitwaħħdu għal kollox ma’ Kristu u mal-Evanġelju tiegħu.

 


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Illum fl-Afrika t’Isfel qed jiġi dikjarat Beatu Samwel Benedittu Daswa, missier ta’ familja, li nqatel fl-1990 – appena 25 sena ilu – u kien inqatel minħabba l-fedeltà tiegħu lejn l-Evanġelju.  Matul ħajtu wera dejjem koerenza kbira, l-atteġġjamenti tiegħu kien dawk ta’ Nisrani kuraġġuż li rrifjuta d-drawwiet mondani u pagani.  Ix-xhieda tiegħu għandha tgħin, speċjalment lill-familji, biex iferrxu l-verità u l-karità ta’ Kristu.  Ix-xhieda tiegħu tingħaqad max-xhieda ta’ tant ħutna, żgħażagħ, anzjani, ġuvnotti, tfal, ippersegwitati, imkeċċijin, maqtulin għax jistqarru lil Ġesù Kristu.  Li dawn il-martri kollha, Samwel Benedittu Daswa u l-oħrajn kollha, nirringrazzjawhom għax-xhieda tagħhom u nitolbuhom jidħlu għalina.

Insellem minn qalbi lir-Rumani u lill-pellegrini kollha li ġejjin minn diversi Pajjiżi: lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet.  Insellem lill-fidili mid-djoċesi ta’ Friburgu, l-assoċjazzjoni “L’Albero di Zaccheo” ta’ Aosta, lill-fidili minn Corte Franca u Orzinuovi, liż-żagħażagħ tal-Azzjoni Kattolika minn Alpago u l-grupp tal-muturi minn Ravenna.

Insellem lill-għalliema “prekarji” li ġew minn Sardinja u nawgura li l-problemi tad-dinja tax-xogħol ikunu affrontati fl-isfond konkret tal-familja u tal-ħtiġijiet tagħha.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija!  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 


Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber