Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-paġna tal-Evanġelju tal-lum (Mt 14,22-33) tiddeskrivi l-episodju meta wara li għadda l-lejl jitlob fuq ix-xatt tal-Għadira tal-Galileja, Ġesù jersaq lejn id-dixxipli tiegħu miexi fuq l-ilma.  Id-dgħajsa tinsab f’nofs l-għadira mwaħħla hemm minħabba riħ qawwi li qed jonfoħ kontriha.  Meta jaraw lil Ġesù riesaq lejhom miexi fuq l-ilma, id-dixxipli jaħsbuh fantażma u jimtlew bil-biża’.  Iżda hu jserrħilhom rashom: «Kuraġġ, jien hu, tibżgħux!»  (v. 27).  Pietru, impulsiv bħas-soltu, jgħidlu: «Mulej, jekk hu int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma»; u Ġesù jsejjaħlu «Ejja!» (vv. 28-29).  Pietru jinżel mid-dgħajsa u jibda jegħreq.  Allur jgħajjat: «Mulej, salvani!», u Ġesù jnewwilu idu u jaqbdu (vv. 3)-31).

Dar-rakkont tal-Evanġelju hu għani bis-simboliżmu u jġegħelna nirriflettu dwar il-fidi tagħna, kemm individwalment kif ukoll bħala komunità ekkleżjali, kif ukoll dwar il-fidi tagħna lkoll li ninsabu hawn illum, f’dil-pjazza.  Dil-komunità, dil-komunità ekkleżjali għandha fidi?  Kif inhi l-fidi f’kull wieħed u waħda minna u l-fidi tal-komunità tagħna?  Id-dgħajsa hi l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna imma hija wkoll il-ħajja tal-Knisja; ir-riħ kontra jirrappreżenta d-diffikultajiet u l-provi.  L-invokazzjoni ta’ Pietru: «Mulej, ordna li niġi ħdejk!» u l-għajta tiegħu: «Mulej, salvani!» jixbħu ħafna x-xewqa tagħna li nħossu l-qrubija tal-Mulej, imma wkoll il-biża’ u l-ansjetà li jakkumpanjaw il-waqtiet l-aktar iebsin tal-ħajja tagħna u dik tal-komunitajiet tagħna, immarkati bid-dgħufijiet interni u bid-diffikultajiet esterni.

Dak il-ħin, għal Pietru, il-kelma ta’ serħan ir-ras ta’ Ġesù ma kinitx biżżejjed, kelma li kienet tixbaħ ħabel stirat biex jaqbad miegħu ħalli jkun jista’ jaffronta l-ilmijiet ostili u mqallba.  Dan jista’ jiġri lilna wkoll.  Meta aħna ma niggranfawx mal-Kelma tal-Mulej, biex infittxu s-serħan ir-ras nikkonsultaw l-oroskopju u ‘l min jaqra x-xorti, u nibdew negħrqu.  Dan ikun ifisser li l-fidi tagħna mhix tant sħiħa.  L-Evanġelju tal-lum ifakkarna li l-fidi fil-Mulej u l-kelma tiegħu ma tiftħilnhiex triq li fiha kollox jeħfief u jkun kalm; ma toftomnhiex mit-tempesti tal-ħajja.  Il-fidi ttina s-sigurtà ta’ Preżenza, il-preżenza ta’ Ġesù li ttina mbuttatura biex negħlbu l-irwiefen eżistenzjali, iċ-ċertezza li hemm id li qed taħtafna biex tgħinna naffrontaw id-diffikultajiet, li turina t-triq anki meta jkun id-dlam.  Insomma, il-fidi mhix ħarba mill-problemi tal-ħajja, imma rfid fil-mixja u tagħtiha sens.

Dan l-episodju hu xbieha stupenda tar-realtà tal-Knisja ta’ kull żmien: dagħjsa li, tul il-vjaġġ, ikollha taffronta wkoll l-irjieħ kontrieha u t-tempesti, li jheddu li jisħquha.  Dak li jsalvaha mhuwiex il-kuraġġ u l-kwalitajiet ta’ niesha: il-garanzija kontra n-nawfraġju hi l-fidi fi Kristu u f’kelmtu.  Fuq din id-dgħajsa aħna moħħna mistrieħ minkejja l-miżerji u d-dgħufijiet, fuq kollox meta ninżlu għarkuptejna biex naduraw lill-Mulej, bħad-dixxipli, li, fl-aħħar «inxteħtu mintulhom quddiemu u bdew jgħidu: “Tassew dan hu l-Iben t’Alla!» (v. 33).  Kemm hu sabiħ meta ngħidulu dil-kelma lil Ġesù: »Tassew int l-Iben t’Alla!”.  Ngħiduha flimkien, ilkoll f’daqqa?  “Tassew int l-Iben t’Alla!”.

Il-Verġni Marija tgħinna nibqgħu dejjem sodi fil-fidi biex inkunu nistgħu nirreżistu l-buffuri tal-ħajja u biex nibqgħu fuq id-dgħajsa tal-Knisja billi naħarbu t-tentazzjoni li nirkbu fuq id-dgħajjes li jsaħħruna, iżda bl-ideoloġiji periklulużi, tal-modi u tas-solgans.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini li tinsabu hawn: familji, parroċċi, assoċjazzjonijiet u fidili.

Illum ukoll għandi pjaċir insellem xi gruppi ta’ żgħażagħ: l-iscouts minn Treviso u Vicenza, lill-parteċipanti tal-konvenju nazzjonali taż-Żgħażagħ Franġiskani.  Insellem ukoll lis-Sorijiet ta’ Marija Santissima Annunzjata ta’ Napli u l-gurpp ta’ pellegrini li mxew tul it-Triq ‘Francigena’ minn Siena sa Ruma.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jgħoġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber