Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħames Ħadd tar-Randan (cfr Ġwanni 8,1-11) hu tant sabiħ, jien inħobb ħafna naqrah u nerġa’ naqrah.  Jippreżentalna l-episodju tal-mara adultera, u jġbdilna l-attenzjoni fuq it-tema tal-ħniena t’Alla, li qatt ma jrid il-mewt tal-midneb, imma li jikkonverti u jgħix.  Ix-xena sseħħ fil-wesgħa tat-tempju.  Immaġinawha hemmhekk, fuq iz-zuntier (tal-Bazilika ta’ San Pietru).  Ġesù qed jgħallem lin-nies, u hekkhu li jaslu xi Skribi u Fariżej li jkaxkru għal quddiemu mara li nqabdet f’adulterju.  Dik il-mara għalhekk issib ruħha fin-nofs bejn Ġesù u l-folla (cfr v.3), bejn il-ħniena tal-Iben t’Alla u l-vjolenza, ir-rabja ta’ min kien qed jakkużaha.  Fil-verità huma ma ġewx għand l-Imgħallem biex jitolbuh parir – kienu nies brikkuni -, imma biex jonsbuh.  Infatti, jekk Ġesù jimxi fuq is-severità tal-liġi u japprova t-tħaġġir tal-mara, jitlef il-fama tal-manswetudni u t-tjubija li tant isaħħru lill-poplu; jekk, minflok,  ikun ħanin, ikun irid imur kontra l-liġi, li Hu stess kien qal li ma jridx ineħħiha imma jsaħħaħha (cfr Mattew 5,17).  U ‘l Ġesù jqiegħduh f’din is-sitwazzjoni.

Din l-intenzjoni disgustanti hi moħbija fil-mistoqsija li jagħmlu lil Ġesù: «Int xi tgħid?» (v. 5).  Ġesù ma jweġibx, jibqa’ sieket u jagħmel ġest misterjuż: «Niżel jikteb b’sebgħu fit-trab» (v. 7).  Forsi kien qed jagħmel xi disinji, uħud jgħidu li kien qiegħed jikteb id-dnubet tal-Fariżej... madankollu kien qed jikteb, kien qiesu xi mkien bogħod.  B’hekk jistieden lil kulħadd jikkalma, biex ma jħallux l-impuls imexxihom, u biex ifittxu l-ġustizzja t’Alla.  Imma dawk, brikkuni, jinsistu u jistennew tweġiba mingħandu.  Donnu kellhom l-għatx għad-demm.  Allura Ġesù jgħolli ħarstu u jgħid: «Min hu mingħajr dnub, jitfgħala l-ewwel ġebla» (v. 7).  Dit-tweġiba tfixkel lil dawk li kienu qed jakkużawha, tħallihom bla kliem fil-veru sens tal-kelma: kollha niżżlu “l-armi”, jiġifieri l-ġebel li kien lest għat-tfigħ, kemm dawk li kienu lesti għall-mara kif ukoll dawk li kienu moħbijin, lesti għal kontra Ġesù.  U filwaqt li Ġesù jkompli jikteb fit-trab, jiddisnja.... ma nafx...., dawk li kienu jakkużawha telqu wieħed wieħed, ibda mix-xjuħ, li l-aktar kienu jagħrfu li mhumiex mingħajr dnub.  Kemm hu tajjeb li aħna wkoll nagħrfu li aħna midinbin!  Meta nqassu dwar l-oħrajn – affarijiet li nafuhom tajjeb -, kemm jagħmlilna tajjeb  li jkollna l-kuraġġ li nitfgħu fl-art il-ġebel li għandna lesti biex nitfgħuhom lill-oħrajn, u naħsbu ftit dwar dnubietna!

Baqgħu Ġesù u l-mara waħedhom: il-miżerja u l-ħniena, quddiem xulxin.  U kemm-il darba dan jiġri lilna meta nieqfu quddiem kunfessinarju, bil-mistħija, biex nuru l-miżerja tagħna u nitolbu maħfra!  «Mara, fejn huma?» (v. 10), jgħidilha Ġesù.  Biżżejjed din l-affermazjzoni, u l-ħarsa tiegħu mimlija ħniena, mimlija mħabba biex lil dik il-persuna jġegħelha tħossa – forsi għall-ewwel darba – li għandha dinjità, li hi mhix dnubha, hi għandha dinjità ta’ persuna; li tista’ tibdel ħajjitha, tista’ toħroġ mill-iskjavitù tagħha u timxi fi triq ġdida.

Għeżież ħuti, dik il-mara tirrappreżenta lilna lkoll, li aħna midinbin, cioè adulteri quddiem Alla, tradituri tal-fedeltà tiegħu.  U l-esperjenza tagħha tirrappreżenta r-rieda t’Alla għal kull wieħed u waħda minna: hux il-kundanna tagħna, imma s-salvazzjoni tagħna permezz ta’ Ġesù.  Hu l-grazzja, li teħles mid-dnub u mill-mewt.  Hu kiteb fl-art, fit-trab li bih hu magħmul kull bniedem (cfr Ġen 2,7), is-sentenza t’Alla: “Jien marridx li inti tmut, imma li tgħix”.   Alla ma jsammarniex mad-dnub tagħna, ma jagħrafniex mill-ħażen li nkunu wettaqna.  Għandna isem, u Alla ma jagħrafx dan l-isem mid-dnub li nkunu għamilna.  Irid jeħlsina u jrid li aħna nkunu rridu dan flimkien miegħu.  Hu jrid li l-libertà tagħna tikkonverti mill-ħażin għat-tajjeb, u dan hu possibbli – huwa possibbli! – bil-grazzja tiegħu.

Il-Verġni Marija tgħinna biex aħna nintelqu għal kollox fil-ħniena ta’ Alla, biex insiru ħlejjaq ġodda.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellmilkom ilkoll, intom li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn pajjiżi diversi, partikolarment il-pellegrini minn Siviglia, Freiburg (il-Ġermanja), Innsbruck u minn Ontario (il-Kanada).

Insellem lill-volontarji tad-Dar “Mater Dei” minn Vittorio Veneto.  Insellem lill-gruppi parrokkjali numerużi, fosthom lill-fidili minn Boiano, Potenza, Calenzano, Zevio u Agropoli.  Kif ukoll liż-żgħażagħ minn tant inħawi tal-Italja: ma nistax insemmihom ilkoll, imma nfakkar lil dawk minn Compiobbi u Mozzanica, lil membri tal-Azzjoni Kattolika mid-djoċesi ta’ Latina-Terracina-Sezze-Piverno, lil dawk li se jagħmlu l-konfermazzjoni minn Scandicci u Milano-Lambrate.

U issa irrid inġedded il-ġest li nirregalalkom kopja tal-but tal-Evanġelju.  Hu l-Evanġelju skont San Luqa, li qed naqraw fil-Ħdud ta’ din is-sena liturġika.  Il-ktejjeb jismu hekk: “L-Evanġelju tal-Ħniena skont San Luqa”; infatti l-evanġelista jtina kliem Ġesù: «Ħennu bħalma hu ħanin il-Missier tagħkom» (6,36), li minnu ttieħdet it-tema ta’ din is-Sena tal-Ġublew.  Se jingħatalkom b’xejn mill-volontarji tad-Dispensarju Pedjatriku “Santa Marta” tal-Vatikan, minn xi anzjani u nanniet ta’ Ruma.  Kemm huma validi n-nanniet irġiel u nisa li jgħaddu l-fidi lin-neputijiet tagħhom!  Nistedinkom tieħdu dan l-Evanġelju u taqrawh, silta kuljum; b’hekk il-ħniena tal-Missier tgħammar f’qalbkom u tkunu tistgħu ttuha lil kull min tiltaqgħu miegħu.  U fl-aħħar, fil-paġna 123, hemm is-seba’ opri tal-ħniena tal-ġisem u s-seba’ opri tal-ħniena spiritwali.  Ikun sabiħ li titgħallmuhom bl-amment għax b’hekk ikun aktar ħafif li tagħmluhom!  Nistedinkom tieħdu dan l-Evanġelju biex il-ħniena tal-Missier isseħħ bikom.  U intom, voluntieri, nanniet, li se tqassmu l-Evanġelju, aħsbu fin-nies li hemm fi Pjazza Piju XII – jidher li ma setgħux jidħlu – biex huma wkoll jirċievu dan l-Evanġelju.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber