Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dal-Ħadd l-Evanġelju (cfr Mt 25,1-13) jgħidilna liema hi l-kundizzjoni biex aħna nidħlu fis-Saltna tas-Sema, u jagħmel dan bil-parabbola tal-għaxar xebbiet: dawn huma d-damiġelli li kellhom l-inkargu li jilqgħu u jakkumpanjaw lill-għarus għaċ-ċerimonja tat-tieġ, u minħabba li f’dak iż-żmien kienet drawwa li ċ-ċelebrazzjoni ssir billejl, id-damiġelli kellhom l-imsiebaħ.

Il-parabbola tgħidilna li ħamsa minn dawn ix-xebbiet huma għaqlin u ħamsa boloħ: infatti l-għaqlin ħadu magħhom iż-żejt għall-imsiebaħ, filwaqt li l-boloħ ma ħadux.  L-għarus iddawwar ma’ wasal u kollha ħadhom in-ngħas.  F’nofs tal-lejl tħabbar li l-għarus kien riesaq: allura x-xebbiet boloħ jindunaw li ma kellhomx żejt għall-imsiebaħ tagħhom, u jitolbu lill-għaqlin ituhom minn tagħhom.  Iżda dawn iwieġbu li ma setgħux ituhom għax inkella ma kienx ikun hemm biżżejjed għal kulħadd.  Għalhekk, waqt li l-boloħ marru jfittxu ż-żejt, wasal l-għarus; ix-xebbiet jidħlu miegħu fis-sala tat-tieġ u l-bieb jingħalaq.  Il-ħamsa boloħ jaslu lura tard wisq, iħabbtu l-bieb, imma t-tweġiba hi: “Ma nafkomx “ (v. 12), u jibqgħu barra.

Xi jrid jgħallimna Ġesù b’dil-parabbola?  Ifakkarna li rridu nkunu dejjem lesti għal-laqgħa tagħna miegħu.  Ħafna drabi fl-Evanġelju, Ġesù jħeġġiġna biex nishru u jagħmel l-istess fi tmiem dan ir-rakkont.  Jgħid hekk: “Ishru mela, għax ma tafux la l-jum u lanqas is-siegħa (v. 13).  Iżda b’dil-parabbola jgħidilna li s-sahra ma tfissirx biss li ma torqodx, iżda li tkun lest; infatti x-xebbiet kollha raqdu qabel ma wasal l-għarus, imma meta jqumu, xi wħud huma lesti u oħrajn le.  Hawn għalhekk, tinsab it-tifsira tal-għaqal u l-bluha: ifisser li m’għandniex nistennew l-aħħar waqtiet ta’ ħajjitna biex nikkollaboraw mal-grazzja t’Alla, iżda li nibdew nagħmlu dan minn issa stess.  Ikun tajjeb li naħsbu ftit: ġurnata għad tkun l-aħħar waħda.  Kieku kellu jkun illum, kif jien ippreparat, ippreparata?  Imma għandi bżonn nagħmel dik u l-oħra…..  Nippreparaw ruħna qiesu llum se tkun l-aħħar ġurnata: dan jagħmlilna tajjeb.

Il-musbieħ hu s-simbolu tal-fidi li ddawwal ħajjitna, filwaqt li ż-żejt hu simbolu tal-karità li tmantni, tagħmel għammiel u kredibbli d-dawl tal-fidi.  Il-kundizzjoni biex inkunu mħejjijin għal-laqgħa mal-Mulej mhix il-fidi waħedha, imma ħajja Nisranija għanja bl-imħabba u l-karità lejn il-proxxmu.  Jekk aħna nħallu dak li jidhrilna li hu l-aktar komdu jmexxina, infittxu biss l-interessi tagħna, ħajjitna ssir ħawlija, bla ħila li tagħti l-ħajja lill-oħrajn, u ma nkunu ħżinna ebda żejt għall-musbieħ tal-fidi tagħna; u din – il-fidi – tintefa’ fil-mument li jiġi l-Mulej, jew qabel ukoll.  Jekk minflok, aħna nishru u nfittxu li nagħmlu t-tajjeb, b’ġesti ta’ mħabba, kondiviżjoni, servizz lill-proxxmu li jkun f’diffikultà, nistgħu nibqgħu b’rasna mistrieħa aħna w nistennew il-miġja tal-għarus: il-Mulej jista’ jasal f’kull ħin u anki r-raqda tal-mewt ma tbeżżgħaniex, għax għandna l-ħażna taż-żejt, imġemma’ bl-opri tajba ta’ kuljum.  Il-fidi tispira l-karità u l-karità hi ħarriesa tal-fidi.

Il-Verġni Marija tgħinna biex il-fidi tagħna ssir dejjem aktar ħawtiela permezz tal-karità; ħalli l-musbieħ tagħna jkun jista’ jibda jilma minn issa, waqt il-mixja tal-ħajja, u mbagħad għal dejjem, fil-festa tat-tieġ fis-sema.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Madrid ġew dikjarati beati Vicente Queralt u 20 sħabu martri u  José Maria Fernández Sánchez u 38 sħabu martri.  Uħud mill-Beati l-ġodda kienu membri tal-Kongregazzjoni tal-Missjoni, saċerdoti, aħwa li jgħinu, novizzi; oħrajn kienu lajċi membri tal-Assoċjazzjoni tal-Midalja Mirakoluża.  Ilkoll inqatlu minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi waqt il-persekuzzjoni reliġjuża li seħħet  fi żmien il-gwerra ċivili Spanjola bejn l-1936 u l-1937.  Niżżu ħajr lil Alla għad-don kbir ta’ dawn ix-xhieda eżemplari ta’ Kristu u tal-Evanġelju.

Insellem likom ilkoll, familji, parroċċi, assoċjazzjonijiet u fidili singoli, li ġejtu mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem partikolarment lill-pellegrini ġejjin minn Washingtom, Philadelphia, Brooklyn u New York, lill-kor parrokkjali Santa Mara Maddalena minn Nurgas (Sardinja); lill-fidili minn Tuscania, Ercolano u Venezja; lill-Għaqda tal-Logħob tal-Boċċi minn Rosta u lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Galzignano.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber