Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba

Fil-vanġelu ta’ dan il-Ħadd Ġesù jkellimna fuq it-tweġiba li tingħata għall-istedina ta’ Alla – li hawn jidher bħala r-re – biex in-nies jieħdu sehem fl-ikla tat-tieġ (cfr Mt 22, 1-14).  L-istedina għandha tlett aspetti: hija b’xejn, hija ġeneruża, hija għal kulħadd.  Il-mistednin huma ħafna, iżda tiġri ħaġa tal-iskantament: ħadd minn dawk il-magħżula ma jaċċetta li jieħu sehem f’din il-festa, jgħidu li għandhom affarijiet oħra x’jagħmlu; anzi, uħud minnhom juru nuqqas ta’ interess, nuqqas ta’ ħbiberija u anke fastidju.  Alla huwa twajjeb magħna, joffrilna b’xejn il-ħbiberija tiegħu, joffrilna b’xejn il-ferħ tiegħu, is-salvazzjoni, imma ħafna drabi ma nilqgħux ir-rigali tiegħu, inpoġġu fl-ewwel post il-ħsibijiet materjali tagħna, l-interessi tagħna u anke metal-Mulej isejjħilna, kultant qisu qed itina fastidju.

Uħud mill-mistednin saħansitra jaħqru u joqtlu lill-qaddejja li jwasslu l-istedina.  Imma, minkella li dawk l-imsejħin ma jwieġbux għall-istedina, il-proġett ta’ Alla ma jitħassarx.  Quddiem iċ-ċaħda tal-ewwel mistednin ma jaqtax qalbu, ma jħassarx il-festa, imma jerġa’ joħroġ l-invit u jwessgħu aktar ‘il barra minn fejn twassal ir-raġuni, u jibgħat lill-qaddejja fil-pjazez u f’salib it-toroq biex jiġbru lil dawk kollha li jsibu.  Il-mistednnin il-ġodda huma nies komuni, fqar, nies abbandunati u mwarrba, saħansitra tajbin u ħżiena – anke l-ħżiena huma mistiedna – bla ebda distinzjoni.  U s-sala timtela bl-“imwarrbin”.  Il-Vanġelu, meta jiġi mwarrab minn xi ħadd, isib laqgħa mhux mistennija minn ħafna qlub oħra.

It-tjieba ta’ Alla m’għandhiex limitu u ma tħalli barra lil ħadd: għalhekk il-mejda tar-rigali tal-Mulej hija universali, għal kulħadd.  Lil kulħadd tingħata l-possibilità biex jilqa’ l-istedina, is-sejħa tiegħu; ħadd ma għandu dritt iħossu privileġġjat aktar minn oħrjan jew li jidhirlu li s-sejħa hi għalih biss.  Dan kollu jwassalna biex nirbħu fuq id-drawwa li npoġġu lilna nfusna f’post komdu, fiċ-ċentru tal-attenzjoni, kif kienu jagħmlu l-kapijiet tas-saċerdoti u tal-fariżej.  Dan m’għandux isir; aħna rridu nkunu miftuħa għall-periferiji, u nagħrfu li anke min jinsab fit-tarf, saħansitra min hu mwarrab u mgħajjar mis-soċjetà, hu l-oġġett tal-ġenerożità ta’ Alla.  Aħna lkoll imsejjħin biex ma nċekknux is-Saltna ta’ Alla għall-konfini tal-“knisja ċkejkna” – il-“knisja ċkejkna” tagħna – imma biex nwessgħu il-Knisja għad-daqs tas-Saltna ta’ Alla.  Iżda hemm kundizjoni waħda: kulħadd irid jilbes għat-tieġ, jiġifieri għandu jkun xhud tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.

Ejjew inħallu f’idejn l-interċessjoni ta’ Marija Santissima id-dieqa u t-tamiet ta’ ħafna minn ħutna, imwarrbin, dgħajfa, mkeċċija, maħqura, anke dawk li huma persegwitati minħabba l-fidi tagħhom, u nsejjħu l-protezzjoni tagħha anke fuq ix-xogħol li qed isir fis-Sinodu tal-Isqfijiet miġburin f’dawn il-ġranet fil-Vatikan.

L-Anġlu ta’ Alla....

 

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

 

Għeżież ħuti,

Dalgħodu, f’Sassari, ġie proklamat Beatu s-saċerdot Francesco Zirano, ptari tal-Ordni tal-Franġiskani Konventwali: hu agħżel li jinqatel milli jiċħad il-fidi.  Inroddu ħajr lil Alla għal dan is-saċerdot martri, xhud qalbieni tal-Vanġelu.  Il-fedeltà kuraġġjuża tiegħu lejn Kristu hija att li jfisser ħafna, speċjalment fil-kuntest attwali ta’ persekuzzjonijiet kontra l-insara.

F’dal-mument ħsiebna jmur lejn il-belt ta’ Geonva, li għal darb’oħra ġiet milquta b’għarar qawwi.  Nassigura t-talb tiegħi għal dik il-persuna li mietet u għal dawk kollha li sofrew xi ħsara.  Jalla l-Madonna della Guardia tqawwi lill-poplu għażiż ta’ din il-belt fl-imenn sod biex jirbħu din il-prova iebsa.  Ejjew nitolbu lkoll flimkien lill-Madonna della Guardia: Sliem għalik, Marija.... Jalla l-Madonna tħares lil Genova!

Insellem lill-pellegrini kollha, speċjalment lill-familji u lill-gruppi parrokkjali.  Insellem kordjalment b’mod partikulari lill-grupp ta’ pellegrini mill-Kanada li ġew Ruma għall-quddiesa ta’ ringrazzjament għall-kanonizzazzjoni ta’ François de Laval u Marie de l’Incarnation: jalla daż-żewġ qaddisin iqajjmu fil-qalb taż-żgħażagħ Kanadiżi l-ħeġġa għall-appostolat.

Insellem lill-grupp tal-“Office Chrétien des personnes handicapées” li ġie minn Franża, il-familji tal- Collegio Reinado Corazón de Jesus ta’ Madrid, l-insara ta’ Segovia, il-Pollakki li hawn miġbura li ppromovew opri speċjali ta’ karità fl-okkażjoni ta’ Jum il-Papa.  Insellem il-grupp kbir ta’ l-Associazione Amici di San Colombano per l’Europa li ġew fl-okkażjoni tal-fuħ tal-14-il ċentinarju mill-mewt ta’ San Kolumbani, evanġelizzatur kbir tal-Kontinent Ewropew.  Insellem lill-Figlie di Maria Ausiliatrice li qed jieħdu sehem fil-kapitlu ġenerali, l-insara tal-parrokka ta’ Marija Immakulata ta’ Carenno, ir-rappreżentanti tad-djoċesi ta’ Lodi li ġew Ruma għall-Ordinazzjoni episkopali tar-Ragħaj tagħhom, flimkien mal-insara ta’ Bergamo u Marne.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Nitlobkom biex tkomplu titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u nsellmilkom!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.