Għeżież ħuti!

Ilbieraħ f’Vercelli ġie dikjarat Beatu s-saċerdot Giacomo Abbondo, li għex fis-seklu tmintax, bniedem innamrat ma’ Alla, kolt, dejjem disponibbli għall-parruċċani tiegħu.  Ningħaqdu mal-ferħ u r-radd il-ħajr ‘l Alla tad-Djoċesi ta’ Vercelli.  U anki ma’ dik ta’ Monreale, fejn illum qed tkun beatifikata Swor Carolina Santocanale, fundatriċi tas-Sorijiet Kapuċċini tal-Immakoulata ta’ Lourdes.  Imwielda fi ħdan familja nobbli minn Palermo, abbandunat il-kumditajiet u saret fqira fost il-foqra.  Minn Kristu, speċjalment mill-Ewkaristija, kienet tikseb il-forza għall-maternità spiritwali tagħha u għat-tenerezza li kellha mad-dgħajfin.

Fil-qafas tal-Ġublew tal-morda, fil-ġranet li għaddew, f’Ruma tlaqqa’ konvenju internazzjonali dwar il-kura tal-persuni li jbatu mill-marda ta’ Hansen.  Insellem b’rikonoxxenza lill-organiżżaturi u lill-parteċipamti u nawgura li l-impenn fit-taqbida kontra din il-marda jagħti l-frott.

Illum qed ikun iċċelebrat Il-Jum Dinji kontra x-xogħol minorili.  Ilkoll maqgħudin inġeddu l-isforzi tagħna biex jintemmu l-kawżi ta’ din l-iskjavitù moderna, li lill-miljuni ta’ tfal iċċaħdilhom drittijiet fundamentali u tqiegħdhom f’perikli kbar.  Illum fid-dinja hawn bosta tfal li huma skjavi!

Insellem minn qalbi lill-pellegrini li ġew mill-Italja u minn pajjiżi oħra tad-dinja għal dan il-jum ġjubilari.  Nirringrazzja b’mod speċjali lilkom,li ridtu tkunu hawn preżenti minkejja l-kundizzjoni tal-mard jew diżabbiltà tagħkom.  Grazzi minn qiegħ qalbi wkoll imur lejn it-tobba u l-operaturi sanitarji li fl-irqajja mħejjijin apposta biswit il-Bażiliċi Papali, qed joffru visti speċjalistiċi lil mijiet ta’ persuni li jgħixu fit-truf tal-belt ta’ Ruma.  Nirringrazzjakom ħafna!

Il-Verġni Marija, li issa se nduru lejha bit-talb tagħna, takkumpanjana dejjem matul il-mixja tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber