Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan it-tieni Ħadd tar-Randan jippreżentalna r-rakkont tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù (cfr Mt 17,1-9).  Hu ħa miegħu lil tlieta mill-Appostli, Pietru, Ġakbu u Ġwanni u tela’ magħhom fuq muntanja għolja, hemmhekk seħħ dan il-fenomenu singolari: wiċċ Ġesù «idda bħax-xemx u ħwejġu saru bojod bħas-silġ» (v.2).  B’hekk, il-Mulej bidel f’dawl jgħammex il-persuna divina tiegħu stess, persuna li tista’ tkun milqugħa bil-fidi fil-predikazzjoni tiegħu u fil-ġesti mirakolużi tiegħu.  U fuq il-muntanja, flimkien mat-trasfigurazzjoni, dehru wkoll Mosè u Elija, «li kienu qed jitkellmu miegħu» (v.3).

Il-qawwa tad-dawl li jikkaratteriżża dan l-avveniment straordinarju hu wkoll simbolu tal-għan tiegħu li jdawwal l-imħuħ u l-qlub tad-dixxipli biex ikunu jistgħu jifhmu ċar min hu l-Imgħallem tagħhom.  Hi roqgħa dawl li tinfetaħ f’daqqa fuq il-misteru ta’ Ġesù u ddawwal il-persuna tiegħu u l-istorja kollha tiegħu.

Issa, li kien sejjer Ġerusalemm biex ma jerġax lura, fejn kellu jsofri l-kundanna għall-mewt bit-tislib, Ġesù jrid iħejji lil tiegħu għal dan l-iskandlu, - l-iskandlu tas-salib – għal dan l-iskandlu wisq iebes għall-fidi tagħhom, u fl-istess ħin biex iħabbar il-qawmien tiegħu billi jimmanifesta ruħu bħala l-Messija, l-Iben t’Alla.  U Ġesù jħejji għal dak il-waqt ta’ tant niket u tant tbatija.  Fil-fatt Ġesù kien qed juri ruħu bħala Messija differenti minn dak li kien mistenni, minn dak li kienu qed jimmaġinaw dwar il-Messija, kif kien il-Messija: mhux re setgħani u glorjuż, imma qaddej umli u bla difiża; mhux xi sinjur ta’ għana bla qies, sinjal ta’ barka, imma bniedem fqir li ma kellux fejn imidd rasu; mhux xi patrijarka b’dixxendenza kbira, imma għażeb mingħajr dar u mingħajr bejta.  Hu propju r-rivelazzjoni ta’ Alla rasha ‘l isfel, u s-sinjal l-aktar skunċertanti ta’ din ir-rivoluzzjoni huwa s-salib.  Imma propju permezz tas-Salib Ġesù jasal għall-qawmien glorjuż, li kelllu jkun definittiv, mhux bħal dit-trasfigurazzjoni li damet ftit waqtiet, leħħa ta’ berqa.

Ġesù trasfigurat fuq il-muntanja Tabor, ried juri lid-dixxipli tiegħu l-glorja tiegħu mhux biex jeħles lilhom mis-salib, imma biex jurihom fejn iwassal is-salib.  Min imut ma’ Kristu, ma’ Kristu jerġa’ jqum.  U s-salib hu l-bieb tal-qawmien.  Min jitqabad flimkien miegħu, iqum miegħu.  Dan hu l-messaġġ ta’ tama li fih is-salib ta’ Ġesù, tħeġġiġa biex nibqgħu sodi fl-eżistenza tagħna.  Is-salib Nisrani mhux xi vażun fuq biċċa mobbli jew xi tiżjin li jintlibes, imma s-salib Nisrani hu sejħa għall-imħabba li biha Ġesù ssagrifika ruħu biex isalva l-umanità mill-ħażen tad-dnub.  F’daż-żmien tar-Randan, nikkuntemplaw bid-devozzjoni x-xbieha ta’ Ġesù Kurċifiss, Ġesù fuq is-salib: huwa s-simbolu tal-fidi Nisranija, hu l-emblema ta’ Ġesù li miet u rxoxta għalina.  Ejjew nagħmlu s-Salib punt ta’ kull fażi tal-mixja tagħna tar-Randan biex nifhmu dejjem aħjar il-gravità tad-dnub u l-valur tas-sagrifiċċju li bih ir-Redentur salvana lkoll.

Il-Verġni Mqaddsa għarfet tikkontempla l-glorja ta’ Ġesù moħbija fl-umanità tiegħu.  Ħa tgħinna hi nibqgħu miegħu bit-talb fis-skiet, li nħallu l-preżenza tiegħu iddawwalna, biex waqt l-iljieli l-aktar mudlama, inġorru fi qlubna rifless tal-glorja tiegħu.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-poplu tal-Gwatemala, li jinsab f’luttu minħabba n-nirien kbar u ta’ niket li faqqgħu fid-dar tal-kenn Refugio Virgen de la Asunción, li ħallew vittmi u feruti fost it-tfajliet li jgħammru fiha.  Il-Mulej jilqa’ ‘l ruħhom, ifejjaq il-feruti, ifarraġ lill-familji tagħhom imnikktin u lin-nazzjon kollu.  Nitlob ukoll, u nitlob likom titolbu miegħi għaż-żgħażagħ kollha tfajliet u ġuvintur vittmi tal-vjolenza, trattament ħażin, sfruttament u gwerrer.  Din hi ġerħa, din hi għajta moħbija li jeħtieġ tkun mismugħa minna lkoll li ma nistgħux inkomplu nagħmlu tabirruħna li mhux naraw u mhux nisimgħu.

Nagħti tislima minn qalbi lilkom ilkoll preżenti, fidili minn Ruma u minn tant inħawi tad-dinja.

Insellem lill-pellegrini minn Freiburg u Mannheim, fil-Ġermanja, kif ukoll lil dawk li ġew mill-Libanu u l-maratoneti mill-Portugall.

Insellem lill-gruppi parrokkjali li ġejjin minn Gioiosa Ionica u Pachino; liż-żgħażagħ minn Lodi li qed jitħejjew għall-“Professjoni tal-Fidi”’ lill-istudenti  minn Dalmine u Busto Arsizio: hu minnu dak li tgħidu intom: “Le għall-kultura tal-iskart” (kien hemm poster kbir fil-pjazza); u lill-kor taż-żgħażagħ “Goccia doppo Goccia (Qatra wara Qatra) minn Bergamo.

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb.  Arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber