Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-liturġija tal-lum tippreżentalna paġna oħra mid-diskors tal-Muntanja, li nsibu fl-Evanġelju ta’ Mattew (cfr 5,17-37).  F’dis-silta, Ġesù jrid jgħin lil min qed jisimgħu jara l-liġi Mosajka f’dawl ġdid. Dak li kien intqal fil-Patt l-Antik kollu kien minnu, imma ma kienx kollox: Ġesù ġie biex iġib għall-milja u jxandar b’mod definittiv il-liġi t’Alla, sal-anqas ittra jew tikka (cfr v.18).  Hu juri ċar l-għanijiet oriġinali u jgħid l-aħħar kelma dwar l-aspetti awtentiċi, u jagħmel dan bil-predikazzjoni u, aktar minn hekk, bl-offerta tiegħu nnifsu fuq is-salib.  B’hekk Ġesù juri kif wieħed jagħmel ir-rieda ta’ Alla bis-sħiħ u juża dil-kelma: “b’ġustizzja akbar” minn dik tal-Iskribi u l-Fariżej (cfr v. 20).  Ġustizzja animata mill-imħabba, mill-karità, mill-ħniena, u għalhekk bil-ħila li tqiegħed fis-seħħ is-sustanza tal-Kmandamenti, tevita r-riskju tal-formaliżmu.  Il-formaliżmu: dan nista’ u dan ma nistax; s’hawnhekk nista’ nasal, s’hawnhekk ma nistax....  Le: aktar minn hekk.

Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jeżamina b’mod partikolari tliet aspetti: tliet Kmandamenti: l-omiċidju, l-adulterju u l-ġurament.

Dwar il-Kmandament “la toqtolx”, Hu jafferma li dan ma jinkisirx biss bil-qtil effettiv, imma wkoll b’dawk l-imġibiet li joffendu d-dinjità tal-persuna umana, inkluż il-kliem li joffendi (cfr v, 22).  Ċertament, dan il-kliem ta’ inġurja m’għandux l-istess gravità u ħtija daqs il-qtil, imma jitqiegħed fuq l-istess linja, għax huwa l-premessa tal-qtil u fih l-istess ħsara.  Ġesù jistedinna biex ma nagħmlux gradwatorja tal-offiżi, imma biex inqisuhom kollha ta’ deni, għax għandhom l-għan li jagħmlu ħsara lill-proxxmu.  U Ġesù jagħti l-eżempju. Insult: aħna mdorrijin ninsultaw qiesna qed ngħidu “il-jum it-tajjeb”.  U dak jinsab fuq l-istess xkaffa tal-qtil.  Min jinsulta lil ħuh, f’qalbu jkun qed joqtol lil ħuh.  Jekk jogħġobkom, tinsultawx!  Ma nirbħu xejn....

Tinġieb għall-milja tagħha wkoll il-liġi dwar iż-żwieġ. L-adulterju kien meqjus bħala vjolazzjoni tad-dritt tal-propjetà tar-raġel fuq il-mara.  Iżda Ġesù jinżel fl-għeruq ta’ dan il-ħażen.  L-istess kif bl-inġurji, bl-offiżi u bl-insulti wieħed jista’ jasal biex joqtol, wieħed jasal għall-adulterju permezz tal-intenzjoni li jagħmel tiegħu mara differenti minn martu.  L-adulterju, bħas-serq, il-korruzzjoni u d-dnubiet l-oħra kollha, dejjem jitnisslu fil-qiegħ ta’ qalbna, u ladarba f’qalbna saret l-għażla żbaljata, dawn isiru atti konkreti.  U Ġesù jgħid: min iħares lejn mara li mhix tiegħu bix-xewqa li jagħmilha tiegħu ikun diġà wettaq adulterju f’qalbu, beda t-triq tal-adulterju.  Naħsbu ftit dwar dan: fuq il-ħsibijiet ħżiena li jiġuna f’das-sens.

Imbagħad Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu biex ma jieħdux ġuramenti, għaliex il-ġurament hu sinjal ta’ insigurezza u wiċċ doppju tar-relazzjonijiet umani.  L-awtorità ta’ Alla tiġi strumentaliżżata biex tkun garanzija tal-avvenimenti umani.  Pjuttost, aħna msejħin biex bejnietna, fil-familji tagħna u fil-komunitajiet tagħna, nistabbilixxu klima trasparenti u ta’ fiduċja reċiproka, biex nitqiesu bħala nies sinċieri mingħajr ma jkollna għalfejn nistrieħu fuq interventi mill-għoli biex nitwemmnu.  Id-diffidenza u s-supett reċiproku dejjem huma ta’ theddida għas-serenità!.

Il-Verġni Marija, mara tas-smigħ doċli u tal-ubbidjenza ferrieħa, tgħinna nersqu dejjem aktar lejn l-Evanġelju biex ma nkunux Insara “tal-qoxra”, imma ta’ sustanza!  U dan hu possibbli bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, li jgħinna nagħmlu kollox bl-imħabba, biex b’hekk inwettqu għal kollox ir-rieda ta’ Alla.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini hawn preżenti, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet.

Insellem b’mod partikolari lill-istudenti tal-Istitut “Carolina Coronado” ta’ Armendralejo u lill-fidili minn Tarragona, fi Spanja; kif ukoll lill-gruppi minn Caltanissetta, Valgoglio, Ancona, Pesaro, Torin u Pisa, u lill-komunità neo-katekumentali San Franġisk ta’ Paola ta’ Torin.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U tinsewx, tinsultawx; tħarsux b’għajnejn mikluba, b’għajnejn ta’ pussess lejn il-mara tal-proxxmu.  Tiħdux ġuramenti.  Tliet affarijiet li jgħid Ġesù.  Huwa tant faċli!  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederxi!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber