FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 12 ta' Jannar, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Mill-ġdid kelli x-xorti sabiħa li llum, fil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, għammidt xi trabi.  Kien hemm tnejn u tletin.  Nitolbu għalihom u għall-familji tagħhom.

Il-Liturġija ta' dis-sena ttina l-ġrajja tal-Magħmudija ta' Ġesù fir-rakkont tal-Evanġelju skont Mattew (cfr 3,13-17).  L-evanġelista jiddeskrivi d-djalogu li għadda bejn Ġesù, li jitlob biex jitgħammed, u Ġwanni l-Għammiedi, li jirrifjuta u josserva: "Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?" (v. 14).  Did-deċiżjoni ta' Ġesù, lill-Battista taħsdu: infatti, il-Messija m'għandux bżonn jissaffa; huwa Hu li jsaffi.  Imma Alla hu l-Qaddis, triqatu mhumiex triqatna, u Ġesù hu t-triq ta' Alla, triq imprevedibbli.  Niftakru li Alla huwa Alla tas-sorptiżi.

Ġwanni kien stqarr li bejnu u bejn Ġesù hemm qasma li ma titkejjilx, li ma tistax timtela.  "Ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu" (Mt 3,11), kien qal.   Iżda Iben Alla ġie propju biex jimla din id-distanza bejn il-bniedem u Alla.  La Ġesù hu kollu kemm hu fuq in-naħa ta' Alla, huwa wkoll kollu kemm hu fuq in-naħa tal-bniedem, u jgħaqqad dak li kien mifrud.  Għalhekk Hu lil Ġwanni jwieġbu: "Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu, biex intemmu s-sewwa kollu" (v.15).  Il-Messija jitlob li jitgħammed sabiex ikun mitmum is-sewwa kollu, sabiex titwettaq ir-rieda tal-Missier li tgħaddi mit-triq tal-ubbidjenza filjali u tas-solidarjetà mal-bniedem dgħajjef u midneb.  Hi t-triq tal-umiltà u tal-qrubija sħiħa ta' Alla ma' wliedu.

Il-Profeta Iżaija wkoll iħabbar il-ġustizzja tal-Qaddej t'Alla, li jwettaq il-missjoni tiegħu fid-dinja bi stil kuntrarju għall-ispirtu tad-dinja: "Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu fil-pjazez, qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx" (42,2-3).  Hu l-atteġġjament tal-manswetudni - dan jgħallimna Ġesù bl-umiltà tiegħu, bil-manswetudni -, l-atteġġjament tas-sempliċità, tar-rispett, tal-moderazzjoni u tas-satra li llum ukoll mistennija mid-dixxipli tal-Mulej.  Kemm dixxipli tal-Mulej - tħoss qalbek tingħafas meta tgħidha - jiddandnu li huma dixxipli tal-Mulej.  Dak li joqgħod jiddandan mhuwiex dixxiplu tajjeb.  Id-dixxiplu tajjeb huwa l-umli, il-manswet, dak li jagħmel il-ġid fis-satra.  Fil-ħidma missjunarja, il-komunità nisranija għandha s-sejħa li tiltaqa' mal-oħrajn u dejjem tipporponi bla qatt ma timponi, bix-xhieda li tagħti, billi taqsam mal-oħrajn il-ħajja konkreta tan-nies.

Malli Ġesù tgħammed fix-xmara Ġordan, infetħet is-sema u fuqu niżel l-Ispirtu s-Santu f'għamla ta' ħamiema, filwaqt li mill-għoli dewa leħen li qal: "Dan hu Ibni l-għażiż, fih sibt l-għaxqa tiegħi" (Mt 3,17).  Fil-festa tal-Magħmudija ta' Ġesù niskopru mill-ġdid il-Magħmudija tagħna.  Kif Ġesù hu l-Iben il-maħbub tal-Missier, aħna wkoll, imwelldin mill-ġdid bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu, nagħrfu li aħna diġà wlied maħbubin - il-Missier iħobbna lkoll! -, aħna l-gratifikazzjoni ta' Alla, aħwa ta' tant aħwa, mgħobbijin b'missjoni kbira li nkunu xhieda u nħabbru lill-bnedmin kollha l-imħabba bla tarf tal-Missier.

Dil-festa tal-Magħmudija ta' Ġesù tfakkarna fil-Magħmudija tagħna.  Aħna wkoll twelidna mill-ġdid bil-Magħmudija.  Fil-Magħmudija ġie l-Ispirtu s-Santu biex jibqa' jgħammar fina.  Għalhekk hu importanti ħafna li  nkun naf id-data tal-Magħmudija tiegħi, imma mhux dejjem nafuha d-data tal-Magħmudija tagħna.  Żgur li hemm xi ħadd fostkom li ma jafhiex... Biċċa xogħol biex tagħmluha d-dar.  Meta terġgħu lura, staqsu: meta tgħammidt jien?  U f'qalbna, ta' kull sena, nagħmlu festa fid-data tal-Magħmudija tagħna.  Agħmluha din.  Huwa wkoll dmir ta' ġustizzja lejn il-Mulej li, kien tant twajjeb magħna.

Marija Santissma tgħinna nifhmu dejjem aħjar id-don tal-Magħmudija u biex ngħixuha bil-koerenza fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja ta' kuljum.

 

Wara l-Angelus

Għeżież Rumani u pellegrini insellmilkom ilkoll minn qalbi: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet, u fidili individwali.

Insellem liż-żgħażagħ tal-Moviment tal-Fokolari li ġejjin mill-Kolombja, mill-Brażil, mill-Paragwaj u mill-Korea, li ltaqgħu f'Ruma biex jagħmlu kors ta' formazzjoni fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twelid tal-Qaddejja t'Alla Chiara Lubich.

Insellem lill-fidili minn Otranto u lill-kor "Alma Gaudia" minn Manduria.

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber