Il-Papa Frangisku

Angelus,

Il-Ħadd, 12 ta' Jannar 2014

 

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Illum hi l-festa tal-magħmudija tal-Mulej.  Dalgħodu għammidt tnejn u tletin tarbija tat-twelid.  Flimkien magħkom nirringrazzja lil Alla għal dawn il-ħlejjaq u għal kull ħajja ġdida.  Tassew nieħu gost ngħammed it-tfal!  Kull tabija li titwieled hu rigal ta’ ferħ u tama, u kull tarbija li titgħammed hu miraklu tal-fidi u festa għall-familja ta’ Alla.

Is-silta tal-vanġelu tal-lum tfakkarna li, wara li Ġesù irċieva l-magħmudija minn Ġwanni fix-xmara Ġordan, “ifetħu s-smewwiet għalih” (Mt 3,16).  Dan iwassal fis-seħħ il-profeziji.  Fil-fatt, hemm il-vokazzjoni li l-liturġija tal-Avvent tfakkarna minn żmien għal żmien: “Mhux li kien iċċarrat is-smewwiet u tinżel!” (Iż. 63,19).  Jekk is-smewwiet jibqgħu magħluqin, l-orizzont tal-ħajja tagħna fuq din l-art jibqa’ mdallam, imċaħħad mit-tama.  Imma, bit-tifkira tal-Milied, il-fidi tagħna għal darb’oħra taċċertana li s-smewwiet reġgħu iċċartu bil-miġja ta’ Ġesù.  U f’jum il-magħmudija ta’ Ġesù għal darb’oħra nħarsu lejn is-smewwiet miftuħa.  Id-dehra tal-Iben ta’ Alla fuq l-art timmarka l-bidu ta’ żmien qawwi ta’ ħniena, wara li d-dnub kien għalaq is-smewwiet, u tella’ bħal qisu ħajt bejn il-bniedem u l-Ħallieq tiegħu.  Bit-twelid ta’ Ġesù is-smewwiet jinfetħu!  F’Ġesù Alla jtina l-garanzija ta’ mħabba li ma tistax tinqered.  Minn mindu l-Verb sar bniedem nistgħu għalhekk naraw is-smewwiet miftuħa.  Dan kien possibblu għar-rgħaja ta’ Betlehem, għall-Maġi li ġew mil-Lvant, għall-Għammiedi, għall-Appostli ta’ Ġesù, għal San Stiefnu, l-ewwel martri, li għajjat: “Qed nara s-smewwiet miftuħa!” (Att 7,56).  U dan huwa possibli għal kull wieħed u waħda minna, jekk inħallu l-imħabba ta’ Alla taħkimna, din l-imħabba li tingħatalna għall-ewwel darba fil-magħmudija permezz tal-Ispirtu s-Santu.  Ejjew inħallu l-imħabba ta’ Alla taħkimna! Dan hu ż-żmien qawwi tal-ħniena!  Tinsewx: dan hu ż-żmien qawwi tal-ħniena!

Meta Ġesù rċieva l-magħmudija tal-indiema minn Ġwanni l-Battista, billi juri s-solidarjetà mal-poplu niedem – Hu, li hu bla dnub, m’għandux bżonn ta’ konverżjoni –, Alla l-Missier semma’ leħnu mis-sena “Dan hu Ibni, il-maħbub: fih insib l-għaxqa tiegħi” (v 17).  Ġesù jirċievi l-approvazzjoni tal-Missier tas-sema, li bagħtu fid-dinja proprju biex jaċċetta li jaqsam magħna l-qagħda tagħna, il-faqar tagħna.  Li taqsam xi ħaġa ma’ xi ħadd hu l-veru mod kif turi kemm tħobbu.  U għalhekk lilna jagħmilna ulied, flimkien miegħu, ta’ Alla l-Missier.  Din hi l-wirja u l-għajn tal-imħabba vera.  Dan hu iż-żmien qawwi tal-ħniena.

Ma jidhrilkomx li fi żmienna hemm bżonn ta’ żjieda fl-imħabba fraterna u fil-qsim tal-beni?  Ma jidhrilkomx li lkoll għandna bżonn żjieda fl-imħabba lejn il-proxxmu? Mhux dik il-karità li sseraħ il-kuxjenza billi tagħti xi ħaġa darba kultant b’mod li ma tagħtix każ, b’mod indifferenti, imma dik il-karità li permezz tagħha veru naqsmu dak li għandna, li tħoss it-tbatija u d-dwejjaq tal-aħwa.  X’togħma differenti tieħu l-ħajja meta nħallu l-imħabba ta’ Alla taħkimna!

Nitolbu lill-Verġni Mqaddsa biex tqawwija bit-talb tagħha fl-impenn tagħna biex nimxu wara Ġesù tul it-triq tal-fidi u tal-imħabba, it-triq li ntwerietilna fil-magħmudija tagħna.

 

Wara l-Angelus i-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżiż ħuti

insellem lilkom ilkoll, b’mod speċjali l-familji  l-insara li ġew minn ħafna parroċċi fl-Italja u minn pajjiżi oħra, kif ukoll lill-għadiet u l-gruppi li hawn preżenti.

Illum naħseb b’mod speċjali fil-ġenituri li ġabu lil uliedhom għall-magħmudija u f’dawk kollha li qd jippreparaw irwieħhom għall-magħmudija ta’ xi wild minn tagħhom.  Ningħaqad ma’ dawn il-familji fil-ferħ, magħhom inrodd ħajr lil Alla, u nitlob sabi il-magħmudija tal-ulied tgħin lill-ġenituri stess biex biex jagħrfu mill-ġdid il-ġmiel tal-fidi sabiex jerġgħu jieħdu sehem mill-ġdid fil-ħajja sagramentali tal-komunità b’ħeġġa ġdida

Bħalma diġà tħabbar fit-22 ta’ Frar li jmiss, il-festa tal-Kattedra ta’ San Pietru, se jkolli x-xorti li nniedi Konċistorju, li fih se ninnomina 16-il kardinal ġdid, li jirrappreżentaw ir-rabta qawwija li hemm bejn il-Knisja ta’ Ruma u l-Knejjes l-oħra madwar id-dinja. Dawn ġejjin minn 12-il pajjiż minn kull parti tad-dinja.

L-għada mmexxi ċelebrazzjoni solenni ma’ dawn il-Kardinali ġodda, waqt li fl-20 u l-21 ta’ Frar se nniedi Konċistorju mal-kardinali kollha biex nirriflettu fuq it-tema tal-familja.

Dawn huma l-ismijiet tal-Kardinali l-ġodda:

1 – Mons. Pietro Parolin, Arċisqof titulari ta’ Acquapendente, Segretarju tal-Istat.

2 – Mons. Lorenzo Baldisseri, Arċisqof titulari ta’ Diocleziana, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

3 - Mons. Gerhard Ludwig Müller, Arċisqof-Isqof emeritus ta’ Regensburg, Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.

4 – Mons. Beniamino Stella, Arċisqof titulari ta’ Midila, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kleru.

5 – Mons. Vincent Gerard Nichols, Arċisqof ta’ Westminster (l-Ingliterra).

6 – Mons. Leopoldo José Brenes Solórzano, Arċisqof ta’ Managua (Nicaragua).

7 – Mons. Gérald Cyprien Lacroix, Arċisqof ta’ Québec (Canada).

8 – Mons. Jean-Pierre Kutwa, Arċisqof ta’ Abidjan (Ivory Coast).

9 – Mons. Orani João Tempesta, O.Cist., Arċisqof ta’ Rio de Janeiro (Brażil).

10 – Mons. Gualtiero Bassetti, Arċisqof ta’ Perugia-Città della Pieve (Italja).

11 – Mons. Mario Aurelio Poli, Arċisqof ta’ Buenos Aires (Arġentina).

12 – Mons. Andrew Yeom Soo jung, Arċisqof ta’ Seoul (Korea).

13 – Mons. Ricardo Ezzati Andrello, S.D.B., Arċisqof ta’ Santiago (Ċile).

14 – Mons. Philippe Nakellentuba Ouédraogo, Arċisqof ta’ Ouagadougou (Burkina Faso).

15 – Mons. Orlando B. Quevedo, O.M.I., Arċisqof ta’ Cotabato (Filippini).

16 – Mons. Chibly Langlois, Isqof ta’ Les Cayes (Haïti).

Flimkien magħhom, se ngħaqqad mal-membri tal-Kulleġġ Kardinalizju tlett Arċisqfijiet li huma magħrufa għas-servizz li huma taw lis-Santa Sede u lill-Knisja:

Mons. Loris Francesco Capovilla, Arċisqof titulari ta’ Mesembria;

Mons. Fernando Sebastián Aguilar, Arċisqof emeritus ta’ Pamplona;

Mons. Kelvin Edward Felix, Arċisqof emeritus ta’ Castries, fl-Antilles.

 

Nitolbu għall-Kardinali l-ġodda, sabiex imxedda bil-virtujiet u x-xewqat tal-Mulej Ġesù, ir-Ragħaj it-tajjeb, ikunu jistgħu jgħinu b’mod aħjar lill-Isqof ta’ Ruma fis-servizz tiegħu lill-Knisja universali.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba! Insellmilkom!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.