Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb,

Illum niċċelebraw it-tielet Ħadd tal-Avvent karatteriżżat mill-istedina ta’ San Pawl: «Ifirħu dejjem fil-Mulej: intennielkom, ifirħu, il-Mulej qrib» (Fil 4,4-5).  Dan li qed jistedinna għalih l-Appostlu mhux ferħ superfiċjali jew purament emottiv u lanqas hu ferħ mondan jew il-ferħ tal-konsumiżmu.  Xejn minn dan, għax hu ferħ aktar awtentiku li aħna mistednin biex niskopru mill-ġdid it-togħma tiegħu.  It-togħma tal-ferħ veru.  Hu ferħ li jinżel dritt fil-qiegħ tal-intimità ta’ ħajjitna aħna u nistennew lil Ġesù li diġà wasal biex iġib is-salvazzjoni għad-dinja, il-Messija mwiegħed, imwieled f’Betlem mill-Verġni Marija.  Il-liturġija tal-Kelma toffrielna qafas biex nifhmu u ngħixu dan il-ferħ.  Iżaija jitkellem dwar id-deżert, dwar art niexfa, dwar art watja (cfr 35,1); quddiemu l-Profeta għandu idejn dgħajfa, irkupptejn jirtgħodu, qlub mitlufa, għomja, torox u muti (cfr vv. 3-6).  Hi x-xena ta’ sitwazzjoni ta’ deżolazzjoni, ta’ destin li ma nistgħux naħarbu minnu mingħajr Alla.

Imma fl-aħħar, is-salvazzjoni tħabbret: «Kuraġġ, tibżgħux! – jgħid il-Profeta – (....) Hawn hu Alla tagħkom, (.....) Hu ġej biex isalvakom» (cfr Iż 35,4).  U f’ħakka t’għajn kollox jinbidel: id-deżert iwarrad, il-faraġ u l-ferħ jinvadu l-qlub (cfr vv. 5-6).  Dawn is-sinjali mħabbrin minn Iżaija li juru li s-salvazzjoni waslet, isibu l-milja tagħhom f’Ġesù.  Hu stess jafferma dan meta jwieġeb lill-messaġġiera mibgħutin minn Ġwanni l-Battista.  X’jgħdilhom Ġesù lil dawn il-messaġġiera?  «L-għomja jaraw, iz-zoppop jimxu, il-lebbrużi jissaffew, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu» (Matt 11,5).  Dan mhux kliem vojt, huma fatti li juru ċar kif is-salvazzjoni miġjuba minn Ġesù taħkem lill-bniedem sħiħ u ġġeddu.  Alla daħal fl-istorja biex jeħlisna mill-jasar tad-dnub; tella’ t-tinda tiegħu f’nofsna biex jaqsam l-eżistenza tagħna magħna, biex ifejjaq il-ġrieħi tagħna, jinfaxxa l-feriti u jtina ħajja ġdida.  Il-ferħ hu riżultat ta’ dan l-intervent ta’ salvazzjoni u mħabba ta’ Alla.

Aħna msejħin biex nitwaħħdu ma’ dan is-sentiment ta’ eżultanza.  Din l-eżultanza, dan il-ferħ...  Imma Nisrani li mhux ferħan, jonqsu xi ħaġa, jew inkella m’hu Nisrani xejn!   Il-ferħ tal-qalb, il-ferħ ġewwieni li jmexxina ‘l quddiem u jtina l-kuraġġ.  Il-Mulej ġej, ġej f’ħajjitna bħala ħellies, ġej biex jeħlisna mill-jasar ta’ ġo fina u ta’ barra minna.  Dawn is-sinjali li jidhru, jistednuna biex nilqgħu lill-Mulej li dejjem jiġi jħabbat fuq biebna, iħabbat fuq il-qalb tagħna biex joqrob lejna; jistednuna biex nagħrfu l-passi tiegħu fost dawk ta’ ħutna li jgħaddu maġenbna speċjalment l-aktar dgħajfa u fil-bżonn.

Illum aħna mistednin biex nifirħu għax il-miġja tar-Redentur tagħna hi fil-qrib; u mistednin naqsmu dan il-ferħ mal-oħrajn billi nagħtu serħan u tama lill-foqra, lill-morda, lill-persuni waħedhom u mdejqin.  Il-Verġni Marija, il-qaddeja tal-Mulej, tgħinna nisimgħu il-leħen ta’ Alla fit-talb u nservuH bil-kumpassjoni f’ħutna, ħalli naslu għall-appuntament mal-Milied, imħejjijin billi nħejju qlubna biex jilqgħu lil Ġesù.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Kuljum jien qrib, speċjalment bit-talb, tan-nies ta’ Aleppo.  Ma rridux ninsew li Aleppo hi belt li fiha hemm in-nies: familji, tfal, anzjani, persuni morda....  Sfortunatament il-qerda, il-gwerra, issa drajniehom, imma ma rridux ninsew li s-Sirja hi pajjiż mimli storja, kultura u fidi.  Ma nistgħux naċċettaw li dan kollu jkun imċaħħad minħabba l-gwerra li hi ġabra ta’  abbuż ta’ poter u falsità.  Nappella għall-impenn ta’ kulħadd biex issir għażla favur iċ-ċiviltà: le għad-distruzzjoni, iva għan-nies ta’ Aleppo u tas-Sirja.

U nitolbu wkoll għall-vittmi ta’ xi attakki terroristiċi kundannabbli għall-aħħar li dawn l-aħħar siegħat laqtu diversi pajjiżi.  Il-postijiet huma differenti, imma sfortunatament, il-vjolenza li tiżra’ l-mewt u l-qerda hi l-istess, u t-tewġiba għaliha hi waħda: il-fidi f’Alla u li nkunu fehema waħda dwar il-valuri umani u ċivili.  Irrid nesprimi qrubija partikolari mal-għażiż ħija il-Papa Tawadros II (Patrijarka tal-Knisja Kopta Ortodossa) u l-komunità tiegħu filwaqt li nitlob għall-mejta u l-feruti.

Illum, fi Vientiane, fil-Laos, qed ikunu dikjarati Beati Mario Borzaga, saċerdot tal-Missjunarji Oblati ta’ Marija Immakulata, Paolo Thoi Xjooj, katekista lajk u erbatax-il sħabhom li nqatlu minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi. Jalla l-fedeltà erojka tagħhom lejn Kristu  tkun ta’ inkuraġġiment u eżempju għall-missjunarji u speċjalment għall-katekisti, li fl-artijiet tal-missjoni jwettqu ħidma appostolika prezzjuża u insostitwibbli, tant li l-Knisja hi grata lejhom.  U naħsbu f’dawn il-katekisti tagħna: jagħmlu tant xogħol, xogħol tant sabiħ! Li tkun katekista hi ħaġa sabiħa ħafna: hi t-twassil tal-messaġġ tal-Mulej sabiex jikber fina.  Applaws lill-katekisti, ilkoll!

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, għeżież pellegrini li ġejjin minn diversi pajjiżi.  Illum l-ewwel tislima tmur lejn it-tfal u l-adoloxxenti ta’ Ruma, li ġew biex isir it-tberik tradizzjonali tal-Bambini, żjara organiżżata mill-Oratorji parrokkjali u mill-iskejjel Kattoliċi ta’ Ruma.  Għeżież tfal u adoloxxenti, meta titolbu quddiem il-presepju tagħkom, flimkien mal-ġenituri tagħkom,  itolbu lil Ġesù Bambin biex jgħinna nħobbu ‘l Alla u lill-proxxmu.  U ftakru biex titolbu għalija wkoll, kif jien niftakar fikom.  Grazzi.

Insellem lill-għalliema tal-Università Kattolika ta’ Sydney, il-kor Mosteiro de Grijó mill-Portugall, lill-fidili minn Barbianello u Campobasso.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U tinsewx titolbu għalija.  U rrid ngħid ħaġa lit-tfal u lill-adoloxxenti: irridu nisimgħu għanja mingħandkom!  Arrivederci u l-pranzu t-tajjeb.  Kantaw!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber