Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum meħud mill-kapitlu 10 ta’ San Mark hu mqassam fi tliet xeni mmarkati minn tliet ħarsiet ta’ Ġesù.

L-ewwel xena tippreżenta l-laqgħa tal-Imgħallem ma' wieħed – skont il-pass li jidher ukoll f’San Mattew – li hu deskritt bħala “żgħażugħ”.  Il-laqgħa ta’ Ġesù maż-żgħażugħ.  Dan jiġri lejn Ġesù u jinżel għarkuptejh, isejjaħlu “Mgħallem tajjeb”. Imbagħad jistaqsih: «X’irrid nagħmel biex ikolli l-ħajja ta’ dejjem?», jiġifieri l-hena (v. 17). “Il-ħajja ta’ dejjem” mhix biss il-ħajja ta’ wara din, imma hi ħajja sħiħa, kompluta, mingħajr limiti.  X’irridu nagħmlu biex naslu għaliha? It-tweġiba ta’ Ġesù tiġbor fiha l-kmandamenti dwar l-imħabba lejn il-proxxmu.  F’dak li għandu x’jaqsam ma’ dan, iż-żgħażugħ m’għandu xejn fuq il-kuxjenza; imma hu ċar li t-tħaris tal-preċetti mhux biżżejjed għalih, ma jissodisfax il-ħerqa tiegħu għall-hena sħiħa.  U Ġesù jifhem din ix-xewqa li għandu f’qalbu ż-żgħażugħ; għalhekk it-tweġiba tiegħu issir ħarsa mimlija ħniena u mħabba.  Hekk jgħid l-Evanġelju: «xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba» (v.21).  Induna li kien żgħażugħ tajjeb...... Imma Ġesù jinduna wkoll liema kien il-punt dgħajjef ta’ min kien ikellmu u jagħmillu proposta konkreta: agħti ġidek lill-foqra u ejja warajja.  Imma dak iż-żgħażugħ għandu qalbu maqsuma bejn żewġ sidien: Alla u l-flus, u jitlaq b’qalbu sewda.  Dan juri li l-fidi u r-rabta mar-rikkezza ma jistgħux jgħammru flimkien. B’hekk, il-ħerqa taż-żgħażugħ fl-aħħar tispiċċa biex tiddgħajjef u ssir sekwela li għerqet.

Fit-tieni xena l-Evanġelista jinkwadra għajnejn Ġesù u did-darba hi ħarsa mħassba, ħarsa ta’ twissija” «ta ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: kemm hu iebes għall-għani li jidħol fis-Saltna t’Alla!» (v.23).  Quddiem l-istgħaġib tad-dixxipli li jistaqsu: «allura min jista’ jsalva?» (v.26), Ġesù jwieġeb b’ħarsa ta’ inkoraġġiment – hija t-tielet ħarsa – u jgħid: is-salvazzjoni hi impossibbi għall-bnedmin, imma mhux għal Alla!» ((v.27).  Jekk nafdaw fil-Mulej, inkunu nistgħu ngħelbu l-ostakli kollha li jfixkluna milli nimxu warajH fil-mixja tal-fidi.  Nafdaw fil-Mulej.  Hu jtina l-qawwa, Hu jtina s-salvazzjoni, Hu jakkumpanjana tul il-mixja.

B’hekk wasalna għat-tielet xena, dik li fiha Ġesù jiddikjara solennement: Fis-sewwa ngħidilkom: min iħalli kollox biex jimxi warajja jkollu l-ħajja ta’ dejjem u għal mitt darba aktar fid-dinja (cfr vv 29-30). Din “il-mitt darba aktar” hi magħmula mill-ħwejjeġ li wieħed kien jippossjedi u telaqhom, imma li jerġgħu jinstabu, moltiplikati infinitament.  Aħna niċċaħdu mill-għana u nirċievu t-tgawdija tal-ġid veru; ninħelsu mill-iskjavitù tal-materjali u nirbħu l-libertà tas-servizz għall-imħabba; niċċaħdu minn dak li nippossjedu u nirċievu l-ferħ tal-għotja.  Dak li kien qed jgħid Ġesù: Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu (Atti 20, 35).

Iż-żgħażugħ ma ħalliex il-ħarsa ta’ mħabba ta’ Ġesù tirbħu u b’hekk ma setax jinbidel.  Hu biss meta nilqgħu bi gratitudni umli l-imħabba tal-Mulej li aħna ninħelsu mill-idoli u mill-għama tal-illużjonijiet tagħna.  Il-flus, il-pjaċir, is-suċċess, jagħmuna, imma mbagħad iqarrqu bina: iwiegħdu l-ħajja u jtuna l-mewt.  Il-Mulej jitlobna ninqatgħu minn dan l-għana falz biex nidħlu fil-veru ħajja, il-milja tal-ħajja, awtentika u mdawwla.  U jien nistaqsi lilkom, żgħażagħ, tfajliet u ġuvintur, li tinsabu bħalissa fil-pjazza: “Ħassejtu l-ħarsa ta’ Ġesù fuqkom?  Xi tridu tweġbuH?  Tippreferu tħallu dil-pazza bil-ferħ li jtina Ġesù jew bid-djieqa f’qalbkom li toffrilna l-mondanità?

Il-Verġni Marija tgħinna niftħu qalbna għall-imħabba ta’ Ġesù, għall-ħarsa ta’ Ġesù, li Hu biss jista’ jikkuntenta l-għatx tagħna għall-ferħ.

 

APPELL

Ilbieraħ waslitilna b’djieqa kbira ta’ qalb, l-aħbar tal-istraġi terribbli li seħħet f’Ankara, fit-Turkija.  Niket għall-bosta mejtin.  Niket minħabba l-miġruħin. Niket minħabba li min għamel l-attentat laqat nies bla difiża li kienu qed jimmanifestaw favur il-paċi.  Filwaqt li nitlob għal dak il-pajjiż għażiż, nitlob lill-Mulej biex jilqa’ l-erwieħ tal-mejtin u jfarraġ lil min qed ibati u lill-familjari.

Ngħidu lkoll flimkien, talba fis-skiet.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Nhar it-Tieta li ġej, 13 ta’ Ottubru, jaħbat il-Jum internazzjonali għat-tnaqqis tad-diżastri naturali.  Sfortunatament irridu nammettu li l-effetti ta’ din il-ħsara kbira spiss ikunu aktar gravi minħabba n-nuqqas ta’ kura tal-ambjent min-naħa tal-bniedem.  Ningħaqad ma’ dawk li għax jaraw fil-bogħod, jimpenjaw ruħhom biex iħarsu d-dar komuni tagħna, biex isaħħu l-kultura globali u lokali ħalli jonqsu d-diżastri u l-irkupru minnhom ikun aktar malajr billi jarmoniżżaw il-kuxjenzi l-ġodda ma’ dawk tradizzjonali, b’attenzjoni partikolari lejn il-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini, l-aktar lill-familji u l-gruppi parrokkjali ġejjin mill-Italja u minn bosta nħawi tad-dinja.  Partikolarment id-djakni u s-saċerdoti tal-Kulleġġ Ġermano/Ungariku li ġew ordnati lbieraħ u ninkoraġġihom biex is-servizz tagħhom lill-Knisja jtuh bill-ferħ u l-fiduċja; is-seminaristi ġodda tal-Venerabbli Kulleġġ Ingliż; il-Konfraternità tas-Santa Vera Cruz minn Calahorra.

Insellem lill-fidili mill-parroċċa Sacro Cuore u Santa Margerita Redi minn Arezzo fil-50 anniversarju tal-fondazzjoni tagħhom; kif ukoll lil dawk li ġew minn Camaiore u Capua; il-grupp “Ġesù jħobb” li għamlu ġimgħa ta’ evanġeliżżazzjoni fil-kwartier tat-Trastevere; iż-żgħażagħ ġuvintur u tfajliet li rċevew il-Konfermazzjoni; u fl-aħħar lill-assoċjazzjoni “Davide Ciavattini” li jagħtu għajnuna lit-tfal li jsofru minn mard serju tad-demm.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba  u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber