Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-Liturġija tal-lum ittina l-kapitlu 15 tal-Evanġelju ta’ San Luqa, li hu meqjus bħala l-kapitlu tal-ħniena, u jiġbor fih tliet parabboli li bihom Ġesù jagħti tweġiba lill-ilmenti tal-iskribi u l-fariżej.  Huma jikkritikaw l-imġieba tiegħu u jgħidu: “Dan jilqa’ lill-midinbin u jiekol magħhom” (v. 2).  B’dawn it-tliet rakkonti Ġesù jrid ifihem li Alla l-Missier hu l-ewwel wieħed li għandu atteġġjament ta’ laqgħa u ħniena lejn il-midinbin.  Alla għandu dan l-atteġġjament.  Fl-ewwel parabbola Alla hu muri bħala ragħaj li jħalli disgħa u disgħin nagħġa biex imur ifittex lil mitlufa.  Fit-tieni waħda hu mqabbel ma’ mara li tilfet munita u tibqa’ tfittex sa ma ssibha.  Fi-tielet parabbola Alla hu mistħajjel bħala missier li jilqa’ lil ibnu li kien tbiegħed; il-figura tal-missier tikxef x’inhi l-qalb ta’ Alla, ta’ Alla ħanin, li jimmanifesta ruħu f’Ġesù.

Element komuni għat-tliet parabboli huma l-verbi li jfissru ferħ flimkien, issir festa.  Ma jitkellmux dwar li se jkun hemm il-luttu.  Hemm il-ferħ, issir festa.  Ir-ragħaj isejjaħ lill-ġirien u jgħidilhom: “Ifirħu miegħi għax sibt in-nagħġa tiegħi, in-nagħġa l-mitlufa” (v. 6); il-mara ssejjaħ lil ħbieba u tgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt il-munita li kont tlift” (v 9); lil ibnu l-ieħor, il-missier jgħidlu: “Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ ħa l-ħajja” (v. 32).  Fl-ewwel żewġ parabboli l-aċċent qiegħed fuq il-ferħ tant inkontenibbli li kellu jinqasam mal-ġirien u l-ħbieb.  Fit-tielet parabbola l-aċċent hu fuq il-festa li tibda mill-qalb tal-missier ħanin u tinfirex fuq daru kollha.  Dil-festa ta’ Alla għal dawk li jerġgħu lura għandu niedma taqbel perfettament mas-Sena tal-Ġublew li qed ngħejxu bħalissa, kif tgħid l-istess kelma “Ġublew”, jiġifieri ferħ.

B’dawn it-tliet parabboli Ġesù jippreżenta l-veru wiċċ ta’ Alla: Missier b’dirgħajh miftuħa, li lill-midinbin jittrattahom bit-tenerezza u l-kumpassjoni.  Il-parabbola li l-aktar li tqanqallek emozzjoniijiet - tqanqal il kulħadd –, għax turi biċ-ċar l-imħabba infinita ta’ Alla, hi dik tal-missier li jgħannaq miegħu, li jħaddan lil ibnu misjub mill-ġdid.  U dak li l-aktar jolqtok mhux tant l-istorja ta’ swied il-qalb ta’ żgħażugħ li jogħdos fit-tajn, imma l-kliem deċisiv tiegħu: “Inqum u mmur għand missieri” (v. 18).  It-triq lura lejn id-dar hi t-triq tat-tama u tal-ħajja ġdida.  Alla jistenna dejjem li aħna nerġgħu nibdew il-vjaġġ, jistenniena bil-paċenzja, jarana meta nkunu għadna bogħod, jiġi jiltaqa’ magħna bil-ġirja, iħaddanna, ibusna, jaħfrilna.  Hekk hu magħmul Alla!  Hekk hu Missierna!  U l-maħfra tiegħu tħassar il-passat u tkebbisna fl-imħabba.  Jinsa l-passat: di hi d-dgħufija ta’ Alla.  Meta jħaddanna u jaħfrilna, jitlef il-memorja, ma jibqax jiftakar!  Jinsa l-passat.  Meta aħna l-midinbin nikkonvertu u nerġgħu nħallu ‘l Alla jsibna, ma nsibux jistennewna ċ-ċanfir u l-iebes, għax Alla jsalva, jilqa’ lura fid-dar bil-ferħ u jagħmel festa.  Ġesù stess fl-Evanġelju tal-lum jgħid hekk: “Ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta' ndiema. ” (Luqa 15, 7).  U nagħmlilkom mistoqsija: qatt ħsibtu li kull darba li nersqu lejn il-konfessinarju, ikun hemm il-ferħ u festa fis-sema?  Ħsibtuha din?  Dan inissel fina tama kbira, għax m’hemm ebda dnub li waqajna fih li minnu, bil-grazzja t’Alla, ma nistgħux inqumu; m’hemm ebda persuna li ma tistax tinfeda, ħadd mhu mitluf!  Għaliex Alla qatt ma jehda jridilna l-ġid anki meta nidimbu!  U l-Verġni Marija, rifuġju tal-midinbin, tqanqal fi qlubna l-fiduċja li xegħlet fil-qalb tal-iben il-ħali: “Inqum, immur għand missieri u ngħidlu”: “Missier, dnibt” (v. 18).  Fi triq bħal din aħna nkunu nistgħu nferrħu lil Alla, u l-ferħ tiegħu isir il-festa tiegħu u tagħna.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

nixtieq nistieden talba speċjali għall-Gabon, li għaddej minn kriżi politika gravi.  Inħalli f’idejn il-Mulej lill-vittmi tal-ġlied u lill-familjari tagħhom.  Ningħaqad mal-isqfijiet ta’ dak il-pajjiż għażiż tal-Afrika biex nistieden lill-partijiet jiċħdu l-vjolenza u jżommu dejjem fil-mira tagħhom il-ġid komuni.  Nikoraġġixxi lil kulħadd, partikolarment lill-kattoliċi, biex ikunu bennejja tal-paċi b’rispett lejn il-legalità, bid-djalogu u bil-fraternità.

Illum f’Karganda, fil-Każakstan, qed ikun dikjarat Beatu Ladislao Bukowinski, saċerdot u kappillan, ippersegwitat b l-fidi tiegħu.  Kemm bata dar-raġel!  Kemm u kemm!  Matul ħajtu hu wera dejjem imħabba kbira lejn l-aktar dgħajfa u fil-bżonn u x-xhieda tiegħu tidher qiesha konċentrat ta’ opri tal-ħniena spirtiwali u korporali.

Insellem minn qalbi lilkom, Rumani u pellegrini ġejjin minn diversi pajjiżi: lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet.

Insellem lill-fidili mir-Rumanija, lil dawk ġejjin mid-djoċesi ta’ Ferrara-Comacchio, lill-Moviment Fides Vita, lill-gruppi minn Venezja, Cologna Veneta, Caprino Veronese, Serravalle Scrivia u Novara; kif ukoll liċ-ċiklisti minn Borgo Val di Taro u lill-adoloxxenti tal-Griżma minn Rocco Sambuceto.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber