IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 11 ta' Awwissu, 2019
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Fil-paġna evanġelika tal-lum (cfr Lc 12,32-48), Ġesù jwissi lid-dixxipli tiegħu biex jishru bla heda. Għaliex? Biex jagħrfu l-waqt li Alla jkun għaddej f'ħajjithom, għax Alla qatt ma jheda jmiss il-ħajja. U (Ġesù) juri l-metodi biex din is-sahra tingħex kif imiss: "Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula" (v. 35). Dan hu l-metodu. Qabel xejn "ġenbejkom imħażżma", immaġni li tfakkar fl-atteġġjament tal-pellegrin lest biex jitlaq għal għonq it-triq. Ifisser li ma nħawlux l-għeruq f'xi dwejra komda u żgura, imma li nintelqu, li bil-fiduċja u s-sempliċità inkunu miftuħin għal meta Alla jgħaddi minn ħajjitna, għar-rieda tiegħu li tmexxina lejn id-destinazjzoni li jkun imiss. Il-Mulej dejjem jimxi magħna u bosta drabi jmexxina minn idejna, biex jiggwidana ħalli ma niżbaljawx f'dil-mixja diffiċli. Infatti, min jafda f'Alla jaf tajjeb li l-ħajja tal-fidi mhix xi ħaġa statika, iżda hija dinamika. Il-ħajja tal-fidi hi triq kontinwa, li tmexxina lejn għanijiet dejjem ġodda li l-Mulej innifsu jurina jum wara ieħor. Għaliex hu l-Mulej tas-sorpriżi, il-Mulej tan-novitajiet, imma tan-novitajiet veri.
Imbagħad - l-ewwel metodu kien "il-ġenbejn imħażżmin sewwa" - imbagħad aħna mitlubin "inżommu l-imsiebaħ mixgħula", biex inkunu nistgħu nirriskjaw fid-dlam tal-lejl.
Jiġifieri, aħna mistednin ngħixu fidi awtentika u matura bil-ħila li ddawwal il-bosta "ljieli" tal-ħajja. Nafuha, ilkoll kellna ġranet li kienu verament iljieli spiritwali. Il-lampa tal-fidi titlob li tibqa' tkun mitmugħa bla heda, bil-laqgħa qalb ma' qalb ma' Ġesù fit-talb u fis-smigħ tal-Kelma tiegħu. Intenni ħaġa li għidtilkom bosta drabi: ġorru dejjem magħkom l-Evanġelju fil-but, fil-basket, biex tkunu tistgħu taqrawh. Hija laqgħa ma' Ġesù. Dil-lampa tal-laqgħa ma' Ġesù fit-talb u fil-Kelma tiegħu, ġiet afdata lilna għall-ġid ta' kulħadd: ħadd, għalhekk ma jista' jkun ċert intimament li se jsalva bla ma jagħti każ ħaddieħor. Hi fantasija li bniedem jista' jiddawwal minn ġewwa, waħdu. Le, hija fantasija. Il-vera fidi tiftaħ il-qalb għall-proxxmu u tixpruna lejn komunjoni konkreta ma' ħutna, l-aktar dawk li jinsabu fil-bżonn.
U biex iġagħalna nifhmu dan l-atteġġjament Ġesù jirrakkonta l-parabbola tal-qaddejja li qed jistennew lis-sid ġej lura mill-festa tat-tieġ (vv. 36-40), u b'hekk jippreżentalna aspett ieħor tas-sahra: li nkunu lesti għall-aħħar laqgħa, dik definittiva, mal-Mulej. Kull wieħed u waħda minna se niltaqgħu miegħu, se jsib ruħu f'dak il-jum tal-laqgħa. Kull wieħed u waħda minna għandna d-data ta' dik il-laqgħa personali definittiva. Il-Mulej jgħid: "Imberkin dawk il-qaddejja li meta jiġi lura s-sid isibhom jishru; ... U, kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni jew tat-tielet sahra, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!" (vv. 37-38). B'dal-kliem, il-Mulej ifakkarna li l-ħajja hi mixja lejn l-eternità; għaldaqstant aħna msejħin biex nagħmlu l-frott mit-talenti kollha li għandna, bla qatt ninsew li "hawnhekk ma għandniex belt li tibqa' għal dejjem, iżda qegħdin infittxu dik li għad trid tiġi" (Lhud 13.14). Minn dil-perspettiva, kull mument isir prezzjuż, għalhekk f'din id-dinja għandna ngħixu u naġixxu bin-nostalġija tas-sema: saqajna mal-art, nimxu fuq l-art, naħdmu fuq l-art, nagħmlu l-ġid fuq l-art u qalbna bin-nostalġija tas-sema.
Aħna ma nistgħux nifhmu sewwa fiex tikkonsisti din l-hena suprema. Madnakollu, Ġesù jtina ħjiel bis-similitudni tas-sid li jsib lill-qaddejja jishru meta jasal lura: "jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom (v. 37). L-hena ta' dejjem fil-ġenna hekk turi ruħha: is-sitwazzjoni tinqaleb ta' taħt fuq, u ma jkunux aktar il-qaddejja, jiġifieri aħna, li jaqdu lil Alla, imma jkun Alla nnifsu li jingħata għas-servizz tagħna. U dan Ġesù qed jagħmlu minn issa: Ġesù jitlob għalina, Ġesù jħares lejna u jitlob lill-Missier għalina, Ġesù qed jaqdina issa, hu l-qaddej tagħna. U dan se jkun l-hena definittiv. Il-ħsieb tal-laqgħa aħħarija mal-Missier, għani fil-ħniena, jimliena bit-tama, u jistimulana biex nimpenjaw ruħna bla heda għall-qdusija tagħna u biex nibnu dinja aktar ġusta u fraterna.
Il-Verġni Marija, bl-interċessjoni materna tagħha, ssotni dan l-impenn tagħna.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
għada jaħbat is-s70 anniversarju tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, strumeti ġuridiċi internazzjonali importanti li jimponu limitu fuq l-użu ta-forza u jimmiraw li n-nies ċivili u l-priġunieri fi żmien il-gwerra jkunu mħrsa. Jalla dir-rikorrenza tagħmel lill-istati aktar konxji tal-ħtieġa li ma nistgħux naħarbu minnha, li jħarsu d-dinjità tal-vittmi tal-kunflitti armati. Ilkoll fid-dmir li josservaw il-limitazzjonijiet imposti mid-dritt internazzjonali umanitarju, bil-ħarsien tal-popolazzjonijiet bla difiża u tal-istrutturi ċivili, speċjalment sptarijiet, skejjel, imkejjen tal-kult, kampijiet tar-rifuġjati. U ma ninsew qatt li l-gwerer huma telf gravi għall-umanità kollha. Huma l-akbar telfa għall-umana.
Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi: familji, grupppi parrokkjali u assoċjazzjonijiet.
Illum ukoll hawn preżenti għadd ta' adoloxxenti u żgħażagħ. Insellmilkom minn qiegħ qalbi! Partikolarment lill-adoloxxenti minn Saccolongo u anki dawk minn Creola; u l-grupp tal-pastorali maż-żgħażagħ minn Verona; liż-żgħażagħ minn Cittadella.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber