Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dar-raba’ Ħadd tar-Randan, imsejjaħ il-Ħadd “laetare”,  “ifraħ”, għax hekk tgħid l-antifona tad-dħul tal-liturġija Ewkaristika li tistedinna għall-ferħ: Ifraħ, Ġerusalemm (...) - għalhekk hija sejħa għall-ferħ – "Ifirħu u thennew, intom li kont mnikktin”.  Hekk tibda’ l-quddiesa.  X’inhi r-raġuni ta’ dan il-ferħ?  Ir-raġuni hi l-imħabba kbira ta’ Alla lejn l-umanità, kif jurina l-Evanġleju tal-lum: “Għaliex Alla tant ħabb lid-dinja li bagħat lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw. 3, 16).  Dal-kliem li Ġesù jistqarr fid-djalogu ma’ Nikodemu, jiġbor fil-qosor tema li hi l-qofol tal-aħbar Nisranija: anki meta s-sitwazzjoni tidher iddisprata, Alla jidħol fl-azzjoni biex lill-bniedem joffrilu s-salvazzjoni u l-ferħ.  Infatti, Alla ma jibqax imwarrab iżda jidħol fl-istorja tal-umanità, “jitħallat” mal-ħajja tagħna, jidħol biex jagtiha l-ħajja bil-grazzja tiegħu u jsalvaha.

Aħna msejħin biex nagħtu widen għal din l-aħbar billi niċħdu t-tentazzjoni li nħossuna ċerti minna nfusna, li jidhrilna li rridu ngħaddu mingħajr Alla, jew li hu dritt assolut tagħna li ngħejxu ħielsa minnu u minn Kelmtu.  Meta nsibu mill-ġdid il-kuraġġ li nagħrfu dak li aħna – jeħtieġ il-kuraġġ għal dan! - nindunaw li aħna bnedmin imsejħin biex nagħmlu l-kontijiet mad-dgħufijiet tagħna u l-limitazzjonijiet tagħna.  Allura jista’ jkun li ninħakmu mill-ansjetà, mill-inkwiet dwar x’se jiġri għada, mill-biża’ tal-mard u tal-mewt.  Dan jispjega għaliex tant bnedmin ifittxu mnejn se jaħarbu u jaqbdu toroq “short cut” bħal, per eżempju, il-mina tad-droga jew dik tas-superstizzjonijiet jew tar-ritwali maġiċi, li jirvinawhom.  Tajjeb li nagħrfu liema huma l-limitazzjonijiet tagħna, id-dgħufijiet tagħna, għandna dmir nagħrfu liema huma, imma mhux biex niddispraw, iżda biex noffruhom lill-Mulej; huwa Hu li jgħinna fit-triq tal-fejqan, li jaqbadna minn idejna u qatt ma jħallina waħedna, qatt!  Alla magħna u għal dan għandi nkun ferħan, nifirħu llum: “Ifraħ, Ġerusalemm”, jgħidilna, għax Alla magħna.

U aħna għandna t-tama vera u kbira fil-Missier Alla għani fil-ħniena, li tana lil Ibnu biex isalvana, u dan hu l-ferħ tagħna.  Ikollna wkoll bosta niket, imma, meta aħna Nsara ta’ veru, fina hemm it-tama li hi ferħ ċkejken li joktor u jtik is-serħan ir-ras.  M’għandniex naqtgħu qalbna meta nindunaw bil-limitazzjonijiet tagħna, bi dnubietna, bid-dgħufijiet tagħna: Alla hu qrib, Ġesù jinsab fuq is-salib biex ifejjaqna.  Din hi l-imħabba t’Alla. Inħarsu lejn il-Kurċifiss u ġewwa fina ngħidu: “Alla jħobbni”.  Huwa minnu li hemm dawn il-limitazzjonijiet, dawn id-dgħufijiet, dawn id-dnubiet, imma huwa Hu akbar mid-dgħufijiet tagħna, mill-infedeltajiet tagħna, mid-dnubiet tagħna.  U lill-Mulej naqbduh minn idejh, inħarsu lejn il-Kurċifiss u nibqgħu mexjin.

Marija, Omm il-Ħniena, tnissel fi qlubna ċ-ċertezza li aħna maħbubin minn Alla.  Jalla tkun qribna fil-waqtiet li fihom inħossuna waħedna, meta nħossu t-tentazzjoni li nċedu quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja.  Jalla ttina s-sentimenti ta’ Binha Ġesù sabiex il-mixja tagħna tar-Randan issir esperjenza ta’ maħfra, ta’ laqgħa u ta’ karità.

 

Wara  l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem llilkom ilkoll, Rumani u pellegrini li ġejtu mil-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment lil dawk ġew minn Agropoli, Padova, Troina, Foggia u Caltaniassetta, u liż-żgħażagħ tal-parroċċa Sant Antnin ta’ Padova, fi Serra di Pepe.

Insellem lill-komunità Brażiljana ta’ Ruma, lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Tivoli flimkien mal-Isqof tagħhom, liż-żgħażagħ minn Avigliano u lill-adoloxxenti minn Saronno.

Tislima speċjali lill-istudenti universitarji ġejjin minn diversi nħawi tad-dinja u miġburin għall-ewwel “Vatican Hackaton”, imniedi mid-Dikasteru għall-Komunikazzjoni: għeżież żgħażagħ hu sabih li tqiegħdu l-intelliġenza li Alla jirregalalna għas-servizz tal-verità u ta’ min hu l-aktar fil-bżonn.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arriverderci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber