Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Illum niċċelebraw il-festa tal-magħmudija tal-Mulej li tagħlaq iż-żmien tal-Milied.  Il-vanġelu jitkellem fuq dak li ġara fuq xatt il-Ġordan.  Fil-mument meta Ġwanni l-Battista jgħammed lil Ġesù, is-smewwiet jinfetħu. “Hekk kif ħareġ mill-ilma, – jgħid San Mark – ra s-smewwiet jinfetħu” (1, 10). Dan ifakkarna fit-talba tal-profeta Iżaija: “Mhux li ċċarrat is-smewwiet u tinżel!” (Is 63, 19).  Din ix-xewqa nqatgħet fil-ġrajja tal-magħmudija ta’ Ġesù.  Hekk jispiċċa ż-żmien tas-“sema magħluqa”, li jfissru l-firda bejn Alla u l-bniedem minħabba d-dnub.  Id-dnub ibegħdna minn Alla u jaqta’ l-kuntatt bejn l-art u s-sema, u jpoġġi fis-seħħ il-miżerja tagħna u l-falliment ta’ ħajjitna.  Is-smewwiet miftuħa juru li Alla ta il-grazzja tiegħu biex l-art tagħti l-frott tagħha (cfr Salm 85, 13).  Hekk l-art saret l-għamara ta’ Alla fost il-bnedmin u kull wieħed minna jista’ jiltaqa’ mal-Iben ta’ Alla, u jagħmel esperjenza tal-imħabba u l-ħniena bla tarf tiegħu.  Nistgħu niltaqgħu miegħu fil-preżenza reali tiegħu fis-sagramenti, speċjalment fl-Ewkaristija.  Nistgħu nagħrfuh fil-ħarsa ta’ ħutna, speċjalment f’dik tal-fqar, tal-morda, tal-ħabsin, tal-maħruba:  huwa tassew il-laħam ħaj ta’ Kristu batut, u x-xbiha viżibbli ta’ Alla li ma jidhirx.

Permezz tal-magħmudija ta’ Ġesù mhux biss is-smewwiet jinfetħu, imma Alla jitkellem mill-ġdid u jsemma leħnu: “Int ibni l-għażiż: fik sibt l-għaxqa tiegħi” (Mk 1, 11).  Il-leħen tal-Missier tħabbar il-misteru li hu moħbi fir-Raġel mgħammed mill-Prekursur.

Imbagħad hemm l-inżul tal-Ispritu s-Santu fix-xbieha ta’ ħamiema:  dan jagħti l-qawwa lil Kristu, il-Midluk tal-Mulej, biex jagħti bidu għall-missjoni tiegħi, li hija s-salvazzjoni tagħna.  L-Ispirtu s-Santu: dak il-persunaġġ kbir li dejjem ninsew fit-talb tagħna.  Spiss nitolbu lil Ġesù; nitolbu wkoll lill-Missier, speċjalment fil-“Missierna”; imma mhux daqstant spiss nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, hux?  Hu l-minsi.  Imma għandna bżonn nitolbu l-għajnuna tiegħu, il-qawwa tiegħu, l-ispirazzjoni tiegħu.  L-Ispirtu s-Santu li mexxa bis-sħiħ il-ħajja u l-ħidma ta’ Ġesù hu l-istess Spirtu li llum imexxi l-eżistenza nisranija, l-eżistenza ta’ kull raġel u mara li jgħidu li jridu jkunu nsara.  Li npoġġu mill-ġdid taħt il-ħidma tal-Ispritu s-Santu l-ħajja  tagħna u l-missjoni li lkoll irċevejna fil-Magħmudija jfisser li nsibu mill-ġdid l-istess qawwa tal-appostli, il-qawwa li għandna bżonn biex negħlbu l-ħajm u l-kumdità li tippreżentalna d-dinja.  Mill-banda l-oħra, nisrani jew komunità “torox” għal-leħen tal-Ispirtu, li jqanqal biex jitwassal il-Vanġelu sat-tarf tad-dinja u tas-soċjetà, isiru wkoll nisrani jew komunità “muti” li ma jitkellmux u ma jevanġelizzawx.

Imma ftakru dan:  hemm bżonn nitolbu spiss lill-Ispirtu s-Santu biex jgħinna, iqawina, idawwalna u jmexxina ‘l quddiem.

Marija, Omma Alla u Omm il-Knisja, timxi ma’ kull mgħammed fil-mixja tiegħu; tgħinna nikbru fl-imħabba lejn Alla u fil-ferħ tas-servizz tal-Vanġelu, biex nagħtu tifsira sħiħa lill-ħajja tagħna.

___

Wara l-Anġelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

insellem lilkom ilkoll, Rumani  u pellegrini!

Bil-ferħ insellem lill-grupp ta’ studenti mill-Istati Uniti tal-Amerka, kif ukol l-Associazione Laici Amore Misericordioso.  Hawn ħafna bżonn tal-ħniena llum, u għalhekk huwa importanti li l-insara lajċi jgħixuha u jwassluha f’diversi ambjenti soċjali.  Isa! Aħna qed ngħixu ż-żmien tal-ħniena, dan huwa ż-żmien tal-ħniena.

Għada filgħaxija nitlaq għal vjaġġ appostoliku fis-Sri Lanka u fil-Filippini.  Grazzi ħafna tal-awguri tagħkom f’dak il-banner, grazzi ħafna!   Nitlobkom biex tivvjaġġjaw miegħi permezz tat-talb tagħkom u nitlob ukoll lin-nies mis-Sri Lanka u mill-Filippini li jinsabu f’Ruma biex jitolbu b’mod speċjali għalija matul dan il-vjaġġ. Grazzi!

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, avolja t-temp naqra ikrah, imma xorta jibqa’ Ħadd tajjeb.  Illum huwa wkoll ġurnata sabiħa biex niftakru fil-magħmudija tagħna.  Ftakru f’dak li għedtilkom, fittxu d-data tal-magħmudija tagħkom, ħalli kulħadd ikun jista’ jgħid: jien tgħammidt fit-tali ġurnata.  Jalla llum ikun hawn il-ferħ tal-Magħmudija.

Tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia