Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-Ħadd li għadda bdejna l-Avvent bl-istedina biex nishru; illum, it-tieni Ħadd ta’ daż-żmien ta’ tħejjija għall-Milied, il-liturġija qed turina x’inhu eżattament il-kontenut (ta’ daż-żmien): hu żmien biex fih nagħrfu l-vojt li jrid jimtela fil-ħajja tagħna, biex inwittu l-ħotob tal-kburija u nagħmlu wisa’ għal Ġesù li ġej.

Il-Profeta Iżaija jdur lejn il-poplu biex iħabbarlu t-tmiem tat-turufnament fil-Babilonja u r-ritorn lejn Ġerusalemm.  Hu jipprofetiżża: Leħen jgħajjat fid-deżert: “Ħejju t-triq għall-Mulej... wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri” (40,3).  Il-widien li għandhom jitwittew huma l-vojt tal-imġieba tagħna quddiem Alla, id-dnubiet tal-omissjoni kollha tagħna.  Vojt fil-ħajja tagħna jista’ jkun li ma nitolbux jew li nitolbu ftit.  Allura l-Avvent hu waqt favorevoli biex nitolbu b’aktar ħerqa, biex lill-ħajja spiritwali tagħna ntuha l-post importanti li jixirqilha.  Vojt ieħor jista’ jkun in-nuqqas ta’ karità, speċjalment lejn il-persuni l-aktar fil-bżonn tal-għajnuna mhux biss materjali, iżda wkoll spiritwali.  Aħna msejħin biex inkunu aktar attenti għall-ħtiġijiet tal-oħrajn, inkunu aktar qribhom.  B’hekk, bħal Ġwanni l-Battista, inkunu nistgħu niftħu t-triq tat-tama fid-deżert tal-qlub niexfa qoxqox ta’ tant persuni.

“Kull muntanja u kull għolja jitniżżlu” (v.4), jeżorta Iżaija mill-ġdid.  Il-muntanji u l-għoljiet li jeħtieġ jitniżżlu huma l-kburija, is-suppervja, il-prepotenza.  Fejn hemm il-kburija, fejn hemm il-prepotenza, fejn hemm is-suppervja l-Mulej ma jistax jidħol għax il-qalb tkun mimlija bil-kburija, bil-prepotenza, bis-suppervja.  Għalhekk, għandna nitfu fina dil-kburija.  Għandu jkollna atteġġjamenti ta’ manswetudni u umiltà, mingħajr ma ngħollu leħinna, nisimgħu, nitkellmu bil-ħlewwa biex b’hekk inħejju l-miġja tas-Salvatur, Hu li hu ta’ qalb ħelwa u umli (cfr Mt 11,29).  Imbagħad aħna mitlubin inneħħu l-ostakli kollha li nqegħedu bejna u bejn l-għaqda tagħna mal-Mulej: “kull art imħarbta titwitta kull art imħarbta ssir magħqad.  U tfiġġ il-glorja tal-Mulej – jgħid Iżaija – u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa” (Iż 40, 4-5).Imma dawn l-azzjonijiet għandhom isiru bil-ferħ għax l-għan tagħhom hu t-tħejjija għall-miġja ta’ Ġesù.  Meta nkunu d-dar nistennew ġej lil xi ħadd għażiż għalina, inħejju kollox bl-attenzjoni u l-ferħ.  Bl-istess mod għandna norganiżżaw ruħna għall-miġja tal-Mulej: nistennewh kuljum bil-ħerqa, biex meta jiġi nimtlew bil-grazzja tiegħu.

Bil-grazzja tiegħu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, bil-qawwa tal-imħabba, is-Salvatur li qed nistennew għandu ħila jaqilbilna ħajjitna ta’ taħt fuq.  Infatti l-Ispirtu s-Santu jimlielna qlubna bl-imħabba t’Alla, għajn bla tarf ta’ tisfija, ħajja ġdida u libertà.  Il-Verġni Marija għexet din ir-realtà fil-milja tagħha, għax ħalliet lill-Ispirtu s-Santu “jgħammidha”, l-Ispirtu li rifidha bil-qawwa tiegħu.  Hi, li ħejjiet il-miġja ta’ Kristu bl-eżistenza tagħha kollha, tgħinna nimxu fuq l-eżempju tagħha u tmexxi l-passi tagħna biex niltaqgħu mal-Mulej li ġej.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

illum se jingħata l-Premju Nobel għall-Paċi lill-Kampanja Internazzjonali biex jinqerdu l-armamenti nuklejari.  Dan l-għarfien qed jaħbat mal-Jum tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet Umani, u dan jisħaq fuq kemmhi qqwwija r-rabta bejn id-drittijiet umani u d-diżarm nuklejari.  Infatti, l-impenn għall-ħarsien tad-dinjità tal-bnedmin kollha, b’mod partikolari l-aktar dgħajfa u svantaġġjati, jfisser ukoll ħidma determinata biex tinbena dinja mingħajr armamenti nuklejari.  Alla jtina l-ħila li nikkollaboraw biex nibnu din id-dar komuni tagħna: aħna għandna l-libertà, l-inteliġenza u l-ħila li mmexxu t-teknoloġija, li nillimtaw is-setgħa tagħna għas-servizz tal-paċi u l-progress veru (cfr Enċiklika Laudato Sì, 78, 112, 202).

Pitgħada f’Pariġi se jitlaqqa’ s-summit “Our Planet Summit”.  Wara sentejn li daħal fis-seħħ il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima, dil-laqgħa qed issir bl-għan li jiġġedded l-impenn ħalli titqiegħed fis-seħħ u tissaħħaħ strateġija maqbula biex tiġġieled il-fenomenu ta’ tħassib kbir tat-tibdil fil-klima.  Nawgura minn iqegħ qalbi li dan is-summit, l-istess bħall-inizjattivi l-oħra li jimmiraw lejn l-istess direzzjoni, ikun ta’ fejda biex bil-kuxjenza nifhmu kemm hu meħtieġ li jitqegħdu fis-seħħ deċiżjonijiet realment effikaċi biex jibdlu r-rotta tat-tibdil fil-klima, u fl-istess waqt, jikkumbattu l-faqar u jmexxu ‘l quddiem l-iżvilupp integrali uman.

F’dal-qafas irrid nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-popolazzjonijiet Indjani li ntlaqtu miċ-ċiklun Okhi, speċjalment il-familji ta’ tant sajjieda mitlufin; u wkoll il-popolazzjonijiet tal-Albanija, milqutin minn għarar kbir.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber