Il-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

10 ta' Novembru, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-paġna evanġelika tal-lum (cfr Lq 20,27-38) toffrilna tagħlima stupenda ta' Ġesù dwar il-qawmien mill-imwiet.  Xi sadduċej, nies li ma kinux jemmnu bil-qawmien, jikkonfrontaw lil Ġesù u jipprovokawh b'mistoqsija żlejali: fil-qawmien mart min se tkun, mara  li kienet iżżewġet seba rġiel, kollha aħwa, li wieħed wara l-ieħor ikunu mietu?  Ġesù ma jinqabadx fin-nassa u jwieġeb li dawk li jkunu qamu fid-dinja l-oħra "la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu: infatti ma jistgħux imutu aktar għax isiru bħall-anġli, u għax huma wlied il-qawmien huma wkoll ulied Alla" (vv 35-36).  Hekk iwieġeb Ġesù.

B'dit-tweġiba, qabel xejn, Ġesù jistieden lil min kien qed jisimgħu - u lilna wkoll - biex jifhem li din id-dimensjoni terrena li qed ngħixu fiha bħalissa mhix l-unika dimensjoni, iżda hemm oħra li mhix aktar taħt il-madmad tal-mewt u li fiha jkun jidher ċar li aħna wlied Alla.  Nimtlew b'faraġ kbir u tama meta nisimgħu dil-kelma sempliċi ta' Ġesù dwar il-ħajja ta' wara l-mewt; neħtieġuha ħafna speċjalment fi żmienna, tant għani fl-għarfien dwar l-univers imma tant fqir fl-għerf dwar il-ħajja ta' dejjem.

Din iċ-ċertezza ċara kristall ta' Ġesù dwar il-qawmien tieqaf kollha kemm hi fuq il-fedeltà ta' Alla, li hu Alla tal-ħajja.  Fil-fatt il-mistoqsija tas-sadduċej taħbi mistoqsija oħra ferm aktar profonda: mhux biss mart min tkun l-armla ta' seba' aħwa, imma ta' min se tkun ħajjitha.  Huwa dubju li jmiss lill-bniedem ta' kull żmien u lilna wkoll: wara dal-pellegrinaġġ fid-dinja, x'se jsir minn ħajjitna?  Se ssir xejn, se tkun tal-mewt?

Ġesù jwieġeb li l-ħajja hi ta' Alla li jħobbna u jinkwieta ħafna għalina, tant illi jorbot ismu ma' tagħna: huwa "Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk u Alla ta' Ġakobb.  Mhux Alla tal-mejtin imma tal-ħajjin: għax kulħadd jgħix għalih" (vv 37-38).  Il-ħajja teżisti kull fejn hemm rabta, komunjoni, fratellanza; u hija ħajja li tiżboq il-mewt dment li hi mibnija fuq relazzjonijiet veri u rabtiet ta' fedeltà.  Bil-maqlub m'hemmx ħajja fejn hemm il-pretensjoni li bniedem huwa tiegħu nnifsu u jgħix għalih waħdu, qiesu gżira: f'dawn l-atteġġjamenti toħroġ rebbieħa l-mewt.  Huwa l-egoiżmu.  Jekk jien ngħix għalija nnifsi, għal rasi, inkun qed niżra' l-mewt f'qalbi.

Il-Verġni Marija tgħinna ngħejxu kuljum fl-istennija ta' dak li nistqarru fi tmiem il-Kredu: "Nistenna l-qawma mill-imwiet u l-ħajja taż-żmien li ġej".  Nistennew dak li ġej wara.

Wara l-Anġelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ fi Granada, fi Spanja, ġiet ipproklamata Beata Maria Emilia Riquelme y Zayas, fundatriċi tas-Sorijiet MIssjunarji tas-Santissmu Sagrament u ta' Marija Immakulata.  U llum fi Braga, il-Portugall,  qed tkun iċċelebrata l-quddiesa ta' radd il-ħajr għall-kanoniżżazzjoni ekwivalenti ta' San Bartilmew Fernandes dei Martiri.  Il-Beata l-ġdida kienet eżemplari fil-ħrara tagħha lejn l-adorazzjoni Ewkaristika u ġeneruża fis-servizz lejn min hu fil-bżonn; filwaqt li l-qaddis il-ġdid kien evanġeliżżatur kbir u ragħaj ta' niesu.  Applaws liż-żewġ Beati l-ġodda!

Indur bi ħsieb speċjali lejn l-għażiż poplu tas-Sudan t'Isfel, li jien se nżuru s-sena d-dieħla.  Bil-fakra tal-irtir spiritwali, li għadu frisk f'moħħi, li għamlu l-awtoritajiet tal-pajjiż, li sar fil-Vatikan f'April li għadda, nixtieq inġedded l-istedina tiegħi lill-atturi kollha tal-proċess politiku nazzjonali biex ifittxu dak li jgħaqqad u jegħlbu dak kollu li jifred, fi spirtu ta' fratellanza vera.  Il-poplu tas-Sudan t'Isfel sofra wisq matul dawn l-aħħar snin u jistenna b'tama kbira t-tmiem tal-kunflitti u paċi dejjiema darba għal dejjem.  Għalhekk inħeġġeġ lil min hu responsabbli biex bla heda jibqa' jfittex u jimpenja ruħu fi djalogu inklussiv ħalli jinkiseb kunsens għall-ġid tan-nazzjon.  Minbarra dan nawgura li l-komunità internazzjonali ma tinsiex takkumpanja lis-Sudan t'Isfel fil-mixja tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali.  Nistedinkom ilkoll biex titolbu flimkien għal dal-pajjiż li jien għandi f'qalbi b'mod partikolari. (Sliem għalik, Marija..).

Nixtieq li intom titolbu wkoll għas-sitwazzjoni fil-maħbuba Bolivja, ġara tal-patrija tiegħi.  Nistieden lill-Bolivjani kollha, partikolarment lill-atturi politiċi u soċjali biex jistennew bi spirtu kostruttiv u mingħajr ebda kundizzjonijiet, fi klima ta' paċi u serenità, ir-riżultati tal-proċess tar-reviżjoni tal-elezzjonijiet li għaddej bħalissa.  Fil-paċi.

Illum fl-Italja qed ikun iċċelebrat il-Jum Nazzjonali ta' Radd il-Ħajr għall-frott tal-art u tax-xogħol.  Ningħaqad mal-Isqfijiet biex infakkar fir-rabta kbira li hemm bejn il-ħobż u x-xogħol, u nawgura li l-politika tax-xogħol tkun kuraġġuża u tagħti kas tad-dinjità u s-solidarjetà u sabiex tilqa' bil-quddiem ir-riskji tal-korruzzjoni.  Jalla l-ħaddiema ma jkunux sfruttati, jalla jkun hemm xogħol għal kulħadd imma xogħol veru mhux xogħol ta' lsira.

Irrodd ħajr lilkom ilkoll li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem lill-pellegrini minn Haaren (il-Ġermanja), minn Darwin (l-Awstralja) u lill-istudenti minn Neuilly (Franza); kif ukoll lill-fidili mid-Djoċesi ta' Piacenza-Bobbio, lil dawk minn Bianzè u minn Burano.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Grazzi.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber