Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-vanġelu tal-lum jippreżentalna l-episodju ta’ Ġesù li jimxi fuq l-ilma tal-għadira (cfr Mt 14, 22-33). Wara t-tkattir tal-ħobż u l-ħut, Hu jistieden lid-dixxipli biex jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu fuq ix-xatt tan-naħa l-oħra, waqt li hu jibgħat lill-folla, biex imbagħad jinġabar waħdu fuq għolja jitlob sa tard billejl.  Fl-istess ħin fl-għadira tinqala’ tempesta, u proprju f’nofs din it-tempesta Ġesù jilħaq id-dgħajsa tad-dixxipli, miexi fuq l-ilma ta’ din l-għadira.  Meta jarawh id-dixxipli jimtlew bil-biża, u jaħsbuh fantażma, imma hu jserrħilhom rashom: «Agħmlu l-qab, hiena hu, tibżgħu xejn!» (v. 27). Pietru, bil-ħeġġa tas-soltu tiegħu, kważi jitolbu prova ta’ dak li kien qed jgħid: «Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejt fuq l-ilma»; u Ġesù jgħidlu «Ejja!» (vv 28-29).  Pietru jinżel mid-dgħajsa u jibda miexi fuq l-ilma; imma r-riħ qawwi jaħkmu u jibda jegħreq. Għalhekk jgħajjat: «Mulej, salvani!» (v. 30), u Ġesù joffrilu idu u jerfgħu.

Dar-rakkont huwa ikona sabiħa tal-fidi tal-Appostlu Pietru.  Fil-leħen ta’ Ġesù li jgħidlu: «Ejja!», hu jagħaraf l-eku tal-ewwel laqgħa li kellu miegħu fuq ix-xatt tal-istess għadira, u malajar, għal darb’oħra, jitlaq id-dgħajsa u jmur lejn l-Imgħallem.  U jimxi fuq l-ilma!  It-tweġiba mimlija fidi u f’waqtha għas-sejħa tal-Mulej dejjem twassa biex isiru affarijiet barra min-normali.  Imma Ġesù stess qalilna li aħna nistgħu nagħmlu l-miraklu bil-fidi tagħna, bil-fidi fih, bil-fidi fil-Kelma tiegħu, bil-fidi fil-leħen tiegħu.  Iżda Pietru jibda jegħreq fil-mument li fih ineħħi ħarstu minn fuq Ġesù u jħalli l-kuntrari ta’ madwari ixekkluh.  Imma l-Mulej dejjem qiegħed hemm, u meta Pietru jsejjaħlu, Ġesù jsalvah mill-periklu.  Fil-persunaġġ ta’ Pietru, bil-ħeġġa tiegħu u bid-dgħufijiet tiegħu, naraw deskrizzjoni tal-fidi tagħna: dejjem fraġli u fqajra, imħabbta u fl-istess ħin rebbieħa, il-fidi tan-nisrani timxi lejn il-Mulej irxoxt, f’nofs it-tempesti u f’nofs il-perikli tad-dinja.

L-aħħar xena hija importanti ħafna wkoll. «Hekk kif telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf.  Dawk li kienu fuq id-dgħajsa nxteħtu jqimuh, jgħidu: “Tassew int l-Iben ta’ Alla”!» (vv 32-33).  Fuq id-dgħajsa hemm id-dixxipli kollha, li dak li jgħaqqadhom flimkien kienet l-esperjenza tad-dgħufija, tad-dubju, tal-biża, tal-«fidi żgħira».  Imma meta fuq dik id-dgħajsa jerġa’ jitla’ Ġesù, it-temp jinbidel: ilkoll iħossuhom magħqudin permezz tal-fidi fih. Ilkoll kemm huma, żgħar u mbeżżgħin, isir kbar fil-mument li jinxteħtu għarkubbtejhom  u jagħrfu fl-Imgħallem tagħhm l-Iben ta’ Alla.  Kemm-il darba lilna wkoll jiġrilna l-istess! Mingħajr Ġesù, ‘il bogħod minn Ġesù, inħossuna mbeżżgħin u inutli sal-punt li naħsbu li mhux se nirnexxu.  Tonqosna l-fidi! Imma Ġesù huwa dejjem magħna, forsi jinsab mistoħbi, imma dejjem hemm lest biex iqawwina.

Din hija xbiha tajba tal-Knisja: dgħajsa li trid tissielet mal-maltemp u xi drabi tidher qisha se tegħreq.  Dak li jsalvaha mhumiex il-kapaċatijiet u l-kuraġġ tan-nies tagħha, imma l-fidi, il-fidi li twassal lill-bniedem saħansitra biex jimxi fid-dlam, f’nofs id-diffikultajiet.  Il-fidi ttina s-serħan tal-preżenza ta’ Ġesù li jinsab tejjeb qribna, ta’ jdejh li dejjem lesta taħtafa biex toħroġna mill-periklu.  Aħna lkoll ninsabu fuq din id-dgħajsa, u hawn inħossuna protetti minkejja l-limitazzjonijiet u d-dgħufijiet tagħna.  U l-aktar li nkunu protetti hu meta nagħrfu ninżlu għarkubbtejna quddiem Ġesù, il-Mulej waħdieni tal-ħajja tagħana, nadurawh.  Għal dan dejjem issejħilna l-Madonna, Ommna. Ejjew induru lejha bil-fidi.

 

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

l-aħbarijiet li qed jaslu mill-Iraq qed iħalluna imnikkna u ma rridux nemmnu: eluf ta’ persuni, fosthom ħafna nsara, imkeċċija minn djarhom bl-aktr mod brutali; tfal mejtin bil-għatx u bil-ġuħ waqt il-ħarba; nisa misruqa; persuni mbiċċra; vjolenza ta’ kull tip; qerda ma’ kullimkien; qerda ta’ djar, ta’ patrimonji reliġjużi, storiċi u kulturali.  Dan kollu joffendi bil-kbir lil Alla u lill-umanità.  Ma jistax ikun li titwassal il-mibgħeda f’isem Alla! Ma tistax issir il-gwerra f’isem Alla!  Ejjew nagħmlu mument ta’ silenzju u ta’ talb waqt li naħsbu f’din il-qagħda u f’dawn in-nies.

(silenzju)

Niżżi ħajr lil dawk kollha li, bil-kuraġġ, qed jgħinu lil dawn ħutna, u nittama tinsab soluzzjoni politika fuq livell internazzjonali u lokali sabiex dawn l-atti kriminali jieqfu u terġa’ tidħol l-ordni.  Sabiex żgur inwassal il-ħsieb tiegħi lil dawk il-popli għażiża għażilt bħala l-Mibgħut Personali tiegħi fl-Iraq lill-Karidnal Fernando Filoni, li għada se jitlaq minn Ruma.

F’Gaża wkoll, wara waqfa qasira, reġgħet bdiet il-gwerra, li qed iċċaħħad mill-ħajja vittmi innoċenti, tfal... u dan mhux qed iwassal ħlief biex tkompli jiqliel il-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.

Ejjew nitolbu flimkien lil Alla tal-paċi, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija: Agħti l-paċi, Mulej, lil żminijietna, u għamilna strumenti tal-paċi u tal-ġustizzja.  Marija, Sultana tal-paċi, itlob għalina!

Nitolbu wkoll għall-vittmi tal-virus “ebola” u għal dawk kollha li qed jaħdmu biex iwaqqfuh.

Insellem lill-pellegrini kollha u lir-Rumani, b‘mod partikulari liż-żgħażagħ ta’ Verona, Cazzago San Martino, Sarmeola u Mestrinu, u lit-tfajliet ta’ Treviso.

Minn nhar l-Erbgħa li ġej sat-Tnejn 18 ta’ Awwissu se nkun qed nagħmel vjaġġ appostoliku fil-Korea: nitlobkom biex tagħmlu dan il-vjaġġ miegħi fit-talb, għax għandi bżonn! Grazzi. Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba.

Insellmilkom.

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia