Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-liturġija tal-lum ittina l-parabbola msejħa “tas-Sammaritan it-tajjeb”, meħuda mill-Evanġelju ta’ Luqa (10,25-37).  Bir-rakkont sempliċi u stimolanti tagħha turina stil ta’ ħajja, li l-fus tagħha mhux aħna stess, imma l-oħrajn, bid-diffikultajiet tagħhom, dawk li niltaqgħu magħhom fi triqtna u li huma sejħa għalina.  U meta l-oħrajn mhux qed ikunu sejħa għalina, hemmhekk ikun hemm xi ħaġa li mhix taħdem; xi ħaġa li mhix nisranija f’dik il-qalb.  Ġesù juża dil-parabbola fi djalogu ma’ duttur tal-liġi, dwar il-kmandament doppju li bis-saħħa tiegħu nistgħu nidħlu fil-ħajja eterna: Ħobb ‘l Alla b’qalbek kollha u ħobb lill-proxxmu bħalek innifsek (vv. 25-28).  “Iva – iwieġeb dak id-duttur tal-liġi – imma għidli, min hu l-proxxmu tiegħi? (v.29).  Aħna wkoll nistgħu nagħmlu din il-mistoqsija lilna nfusna: min hu l-proxxmu tiegħi?  Lil min għandi nħobb bħali nnifsi?  Lill-qrabati?  Lill-ħbiebi? Lin-nies ta’ pajjiżi?  Lil dawk li għandhom l-istess reliġjon tiegħi?...  Min hu l-proxxmu tiegħi?

U Ġesù jwieġeb b’dil-parabbola.  Raġel li kien fi triqtu minn Ġerusalemm lejn Ġeriko qabżu fuqu l-ħallelin, sawwtuh u abbandunawh.  Minn dik it-triq għaddew, l-ewwel saċerdot u warajh levita, li minkejja li raw lir-raġel miġrugħ, ma waqfux u baqgħu għaddejjin dritt. (vv 31-32).  Imbagħad għadda Sammaritan, jiġfieri abitant tas-Samarija, u għalhekk iddisprezzat mil-Lhud għax ma josservax il-veru reliġjon; u madankollu, hu, propju hu, meta jara lil dal-povru żvinturat, «ġietu ħniena minnu.  Resaq lejh, infaxxalu l-ġrieħi (....), ħadu f’lukanda u ħa ħsiebu» (vv.33-34); u l-għada ħallih f’idejn sid il-lukanda u qallu li jekk jonfoq aktar kien se jtih id-differenza (cfr v.35).

F’dal ħin Ġesù jdur lejn id-duttur tal-liġi u jistaqsih: «Min, minn dawn it-tlieta – is-saċerdot, il-levita, is-Sammaritan – jidhirlek i kien il-proxxmu ta’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?».  U dak, naturlament – għax kien inteliġenti – iwieġeb: «Min ġietu ħniena minnu» (vv.36-37).  B’hekk Ġesù qaleb ta’ taħt fuq il-perspettiva li kien beda biha d-duttur tal-liġi – u tagħna wkoll! -: lill-oħrajn m’għandix inqegħedhom f’katalgu biex niddeċiedi minhu proxxmu u min le.  Jekk inkun jew ma nkunx proxxmu jiddependi minni – id-deċiżjoni hi tiegħi -, jiddependi minni jekk inkunx proxxmu tal-persuna li niltaqa’ magħha u li tinsab fil-bżonn, anki jekk hi stranġiera jew ukoll ostili.  U Ġesù jikkonkludi: «Mur u agħmel hekk int ukoll» (v.37).  Lezzjoni sabiħa!  U jtenni dan lilna wkoll: «Mur u agħmel hekk int ukoll», sir proxxmu ta’ ħuk, oħtok, li tarahom f’diffikultà. «Mur u agħmel hekk int ukoll”.  Opri tajba u mhux biss kliem li jtir mar-riħ.  Qed tiġini f’moħħi din il-kanzunetta: “Parole, parole, parole”.  Le.  Aġixxi. Agħmel.  U bis-saħħa tal-opri tajba li nagħmlu mal-proxxmu bl-imħabba u bil-ferħ, il-fidi tagħna twarrad u tagħti l-frott.

Nistaqsu lilna nfusna – kull wieħed u waħda minna jwieġeb f’qalbu – nistaqsu: il-fidi tagħna hi għammiela?  Il-fidi tagħna tipproduċi opri tajba?  Jew pjuttost hi sterili, u għalhekk aktar mejta milli ħajja?  Jien inkun proxxmu jew sempliċiment nibqa’ għaddej?  Jien wieħed/waħda minn dawk li nagħżel skont il-gosti tiegħi?  Hu tajjeb li nagħmlu dawn il-mistoqsijiet u li nagħmluhom ta’ spiss, għax fl-aħħar mill-aħħar se nkunu ġudikati fuq l-opri tal-ħniena.  Il-Mulej jista’ jgħidilna: Imma int, tiftakar f’dik id-darba meta kont fit-triq minn Ġerusalemm lejn Ġeriko?  Dak ir-raġal nofsu mejjet kont jien.  Tiftakar?  Dak it-tifel bil-ġuħ kont jien.  Tiftakar?  Dak il-migrant li ħafna jridu jkeċċu ‘l hinn kont jien.  Dawk in-nanniet waħedhom, abbandunati fid-djar tal-anzjani, kont jien.  Dak il-marid waħdu fl-isptar, li ħadd ma jmur jarah, kont jien.

Ill-Verġni Marija tgħinna nimxu fit-triq tal-imħabba, imħabba ġeneruża, lejn l-oħrajn, it-triq tas-Sammaritan it-tajjeb.  Jalla tgħinna ngħejxu l-kmandament ewlieni li ħallielna Kristu.  Din hi t-triq li minnha aħna nidħlu fil-ħajja ta’ dejjem.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Illum huwa “Ħadd il-Baħar”, sostenn tal-kura pastorali tal-baħħara.  Nagħmel kuraġġ lill-baħħara u lis-sajjieda fix-xogħol tagħhom spiss iebes u ta’ riskju, kif ukoll lill-kappillani u lill-volontarji fil-ħidma prezzjuża li jagħmlu.  Marija, Kewkba tal-Baħar tħariskom!

U nsellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u minn tant inħawi oħra tal-Italja u tad-dinja.

Nagħti tislima speċjali lill-pellegrini minn Puerto Rico; lill-Pollakki li għamlu vjaġġ (staffetta) minn Krakovja sa Ruma – bravi! -; u nestendi t-tislima tiegħi lill-parteċipanti tal-pellegrinaġġ il-kbir tal-Familja ta’ Radju Marija li qed isir fis-Santwarju ta’ Czestochowa, li wasal fil-25 edizzjoni tiegħu.  Imma hemmhekk jien smajt ukoll xi nies minn pajjiżi li mhux qiegħdin ħalqhom magħluq.  Lill-Arġentinni li jinsabu hawn, u li qed jagħmlu dan l-istorbju - que hacen lío – tislima speċjali!

Insellem lill-familji tad-djoċesi ta’ Adria-Rovigo, lis-sorijiet Ulied il-Karità tad-Demm l-Aktar Għażiż, l-Ordni Tereżjan Sekulari, lil-fidili minn Limbiate u l-Komunità Missjunarja Ġwanni Pawlu II.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, u Ħadd sħun!  Tinsewx titolbu għalija, jekk jogħġobkom.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber