Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (cfr Mk 3,20-35) jurina li Ġesù kellu jikkonfronta żewġ tipi ta’ nuqqas ta’ fehim: dak tal-iskribi u dak tal-istess familjari tiegħu.

L-ewwel inkomprensjoni.  L-iskribi kienu nies imħarrġin sew fl-Iskrittura Mqaddsa u kellhom l-inkarigu li jispjegawha lill-poplu. Uħud minnhom jintbagħtu Ġerusalemm mill-Galileja, fejn kienet qed tinxtered sew il-fama ta’ Ġesù, biex jippruvaw iwaqqgħulu kliemu quddiem in-nies: biex ikunu ċarlatani, biex inwaqqgħulu ġieħu, ineħħulu l-awtorità, dil-ħaġa mistkerrha.  U dawn intbagħtu biex jagħmlu propju dan.  U dawn l-iskribi jaslu b’akkuża preċiża u terribbli – dawn ma joqgħodux iduru mal-lewża, imorru dritt għall-għan tagħhom u jgħidu hekk: “Dan għandu fih lil Begħelżebul u bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten” (v. 22).    Jiġifieri li kien il-kap tax-xjaten li jimbuttah biex jagħmel dan, li bejn wieħed u ieħor tfisser: “Dan hu indemonjat”.  Infatti Ġesù kien ifejjaq bosta morda, u dawk riedu jinsinwaw li ma kienx jagħmel dan bl-Ispirtu t’Alla – kif kien jagħmel Ġesù – imma bis-saħħa tal-Malinn, bil-qawwa tad-demonju.  Ġesù jirreaġixxi bi kliem iebes u ċar, dan ma jittollerahx, għax dawk l-iskribi, forsi bla ma ntebħu, kienu qed jaqgħu fl-aktar dnub dnub gravi: jiċħdu u jidgħu l-Imħabba t’Alla li jinsab u jaħdem f’Ġesù. U d-dawgħa, id-dnub kontra l-Ispirtu s-Santu, hu d-dnub waħdeini li ma jinħafirx – hekk jgħid Ġesù – għax jibda mill-qalb magħluqa għall-ħniena t’Alla li jopera permezz ta’ Ġesù.

Iżda dan l-episodju fih twissija li tgħodd għalina lkoll.  Infatti jista’ jiġri li għira kbira għat-tjubija u l-opri tajba ta’ xi persuna tista’ timbotta lil dak li jkun biex jagħmel xi akkuża falza.  Hawnhekk hawn verament velenu mortali: il-malizzja li b’mod maħsub minn qabel, għandha l-għan li teqred il-fama tajba tal-ieħor.  Alla jeħlisna minn dit-tentazzjoni terribbli!  U jekk, aħna u neżaminaw il-kuxjenza tagħna, nindunaw li dal-ħaxix ħażin qed jitħawwel ġewwa fina, immorru dritt nistqarruh fis-sagrament ta-Penitenza, qabel ma jibda jnibbet u jipproduċi dawn l-effetti orribbli, li ma jitfejqux.  Oqgħodu attenti għax dan l-atteġġjament jeqred ‘il-familji, il-ħbiberiji, ‘il-komunitajiet u saħansitra lis-soċejtà. 

L-Evanġelju tal-lum ikellimna wkoll dwar aspett ieħor differenti ħafna, ta’ kif Ġesù ma kienx mifhum: kif ma fehmuhx il-familjari tiegħu.  Dawn kienu mħassbin għax il-ħajja tiegħu ta’ ġiri ‘l hawn u ‘l hemm kienu jiqsuha ġenn (cfr v.21).  Infatti Hu kien tant disponibbli għan-nies, l-aktar għall-morda u l-midinbin sal-punt li lanqas biss kien jibqagħlu ħin biex jiekol.  Hekk kien Ġesù: l-ewwel in-nies, iservi lin-nies, jgħin lin-nies, jgħallem lin-nies, ifejjaq in-nies.  Kien għan-nies.  Lanqas kellu ħin biex jiekol.  Għalhekk, il-familjari tiegħu jaqtugħha li jeħduh lura lejn Nażaret, lejn daru.  Jaslu fil-post fejn Ġesù kien qed jipprietka u jibgħatu jsejħulu.  Jgħidulu: “Hawn ommok, ħutek hawn barra, qed ifittxuk” (v. 32).  Hu jwieġeb: “Min hi ommi u min huma ħuti?”, u filwaqt li ħares lejn dawk li kienu quddiemu jisimugħ, żied jgħid: “Din hi ommi, dawn huma ħuti!  Għax min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dawk huma ħuti, ommi” (vv.  33-34).  Ġesù fforma familja ġdida, mhux aktar mibnija fuq ir-rabtiet naturali, imma fuq il-fidi fih, fuq imħabbtu li tilqagħna u tgħaqqadna bejnietna, fl-Ispirtu s-Santu.  Dawk kollha li jilqgħu l-kelma ta’ Ġesù huma wlied Alla u aħwa bejniethom.  Meta nilqgħu l-kelma ta’ Ġesù nsiru aħwa ta’ xulxin.  Meta nqassu dwar l-oħrajn, neqirdu l-fama tal-oħrajn, dan jagħmilna familja tad-demonju.

Dik it-tweġiba ta’ Ġesù mhix nuqqas ta’ rispett lejn ommu u lejn il-familjari tiegħu.  Anzi, għal Marija hu l-akbar rikonoxximent, għax propju Hi hija d-dixxiplu perfetta li obdiet f’kollox ir-rieda t’Alla.  Il-Verġni Marija tgħinna ngħejxu dejjem f’għaqda ma’ Ġesù bl-għarfien tal-opra tal-Ispirtu s-Santu li jaħdem fih u fil-Knisja, bit-tiġdid tad-dinja għal ħajja ġdida.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

nixtieq mill-ġdid inwassal lill-maħbuub poplu Korean ħsieb partikolari ta’ ħbiberija u talb.  Jalla t-taħdidiet li se jsiru fil-jiem li ġejjin f’Singapore ikunu kontribut biex isseħħ mixja pożittiva li tiżgura futur ta’ paċi lill-peniżola u lid-dinja kollha.  Għal dan nitolbu lill-Mulej.  Ilkoll flimkien nitolbu lill-Madonna, Reġina tal-Korea, biex takkumpanja dawn it-taħdidiet.  (Sliem għalik, Marija....)

Illum f’Agen, fi Franza, qed tiġi dikjarata Beata, swor Maria tal-Kunċizzjoni, imwielda Adelaide de Batz de Trenquelléon.  Hi għexet bejn is-seklu tmimtax u s-seklu dsatax u waqqfet l-”Ulied Marja Immakulata” li jgħidulhom il-Marjanisti.  Niżżu ħajr lill-Mulej għal din bintu li kkonsagrat ħajjitha lilu u għas-servizz tal-aħwa.  Applaws lill-beata l-ġdida, applaws mingħand kulħadd.

Insellem lilkom għeżież Rumani u pellegrini: lill-gruppi parrokkjali, lill-familji, lill-assoċjazjzonijiet.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Spanja: minn Murcia, Pamplona u Logroño.  U mill-Italja lil dawk ġejjin minn Napli, liż-żgħażagħ minn Mestrino u lill-grupp sportiv tal-alpini minn Legnago.

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  U, Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber