Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan il-Ħadd ta’ wara l-Epifanija niċċelebraw il-Magħmudija ta’ Ġesù u niftakru bi gratitudni fil-Magħmudija tagħna. F’dal-kuntest, dalgħodu, jiena għammidt 26 tarbija tat-twelid: nitolbu għalihom.

L-Evanġelju jippreżentalna lil Ġesù li fl-ilma tax-xmara Ġordan, hu l-protagonist ta’ rivelazzjoni divina.  San Luqa jikteb: «Wara li Ġesù kien tgħammed hu wkoll, filwaqt li kien qed jitlob, is-smewwiet infetħu u niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu f’sura ta’ ħamiema, u mis-sema nstama’ leħen jgħid: “Inti Ibni l-maħbub, li fih insib l-għaxqa tiegħi”» (Luqa 3, 21-22).  B’hekk Ġesù jiġi konsagrat u muri mill-Missier bħala l-Messija salvatur u ħellies.

F’dan l-avveniment – li jirrakkunatwh l-erbgħa Evanġelji – seħħ il-passaġġ mill-magħmudija ta’ Ġwanni l-Battista, ibbażat fuq is-simbolu tal-ilma, lejn il-Magħmudija ta’ Ġesù «bl-Ispirtu s-Santu u n-nar» (Luqa 3, 16).  Infatti, fil-Magħmudija Nisranija, l-Ispirtu s-Santu hu l-attur prinċipali: huwa Hu li jaħraq u jeqred id-dnub oriġinali u lill-imgħammed itih lura s-sbuħija tal-grazzja divina; huwa Hu li jieħles mill-ħakma tad-dlam, jiġifieri tad-dnub, u jeħodna fis-saltna tad-dawl, cioè tal-imħabba, tal-verità u tal-paċi: din hi s-saltna tad-dawl.  Naħsbu ftit għal liema dinjità tgħollina l-Magħmudija! «Liema mħabba tana l-Missier biex nissejħu wlied Alla, u hekk aħna!» (1 Ġwanni 3,1), jesklama l-Appostlu Ġwanni.  Din ir-reltà stupenda li nkunu wlied Alla tgħabbina bir-responsabbiltà li nimxu wara Ġesù, il-Qaddej ubbidjenti, u nagħmlu bħalu billi nnislu fina l-karatteristiċi tiegħu: jiġifieri l-manswetudni, l-umiltà u t-tenerezza. Dan mhux faċli, speċjalment meta madwarna għandna tant intolleranza, suppervja, għebusija.  Imma bil-qawwa li tiġina mill-Ispirtu s-Santu hu possibbli.

L-Ispirtu s-Santu, li rċevejna għall-ewwel darba fil-jum tal-Magħmudija tagħna, jiftħilna qalbna għall-Verità, għall-Verità kollha.  L-Ispirtu jmexxi ‘l ħajjitna fit-triq impenjattiva imma mimlija ferħ tal-karità u s-solidarjetà ma’ ħutna.  L-Ispirtu jtina t-tenerezza tal-maħfra divina u jimlina bil-qawwa tal-ħniena t’Alla li xejn ma jegħlibha.  Ma ninsewx li l-Ispirtu s-Santu huwa preżenza ħajja u li tagħti l-ħajja f’min jilqgħu.  Hu jitlob fina u jimlina bil-ferħ spiritwali.

Illum, festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù, niftakru fil-jum tal-Magħmudija tagħna.  Ilkoll ġejna mgħammdin, irroddu ħajr għal-dar-rigal. U nagħmlilkom mistoqsija: min minnkom jaf id-data tal-Magħmudija tiegħu?  Żgur li mhux kulħadd.  Għalhekk nistedinkom ilkoll biex tmorru tfittxu d-data billi ssaqsu lill-ġenituri tagħkom, lin-nanniet, lill-parrini jew inkella tmorru fil-parroċċa.  Importanti ħafna li nkunu nafuha għax hi data li għandna nagħmlulha festa: hi d-data tat-twelid mill-ġdid tagħna bħala ulied Alla.  Għaldaqstant, xogħol għad-dar għal dil-ġimgħa: immur infittex id-data tal-Magħmujdija tiegħi.  Li  nagħmel festa f’dak il-jum ifisser li nkun qed nafferma mill-ġdid li jien ma’ Ġesù, bl-impenn li ngħixu ta’ Nsara, membri tal-Knisja u ta’ umanità ġdida li fiha lkoll inkunu aħwa.

Il-Verġni Marija, l-ewwel dixxiplu ta’ Binha Ġesù, tgħinna ngħejxu bil-ferħ u b’ħeġġa appostolika l-Magħmudija tagħna, billi kuljum nilqgħu fina r-rigal tal-Ispirtu s-Santu, li jagħmilna wlied Alla.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellmilkom ilkoll, fidili li ġejtu minn Ruma u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra.

Insellem b’mod partikolari lill-istudenti  tal-Istitut Bachille Diego Sánchez de Talavera La Real, minn Spanja; il-kor tal-Alpini minn Martinengo flimkien mal-familji tagħhom; il-grupp tal-adolexxenti minn San Bernardo f’Lodi.

Kif kont qed ngħid, f’dal-jum tal-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù, skont it-tradizzjoni, għammidt ħafna trabi.   Issa rrid inwassal benedizzjoni speċjali lit-trabi kollha li kienu mgħammdin dan l-aħħar, imma wkoll liż-żgħażagħ u lill-adulti li reċentement irċevew is-Sagramenti tal-inizjazzjoni Nisranija jew li qed jitħejjew għalihom.  Il-grazzja tal-Mulej tkun dejjem magħhom!

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Tinsewx il-“homework”: infittex id-data tal-Magħmudija tiegħi.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mil-Taljan minn Joe Huber.