Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Illum il-liturġija tfakkar il-konsagrazzjoni tal-bażilka tal-Lateran, li hi l-katridral ta’ Ruma u li t-Tradizzjoni ssejjaħ “l-omm tal-knejjes kollha tal-Belt ta’ Ruma u tad-Dinja”.  Bil-kelma “omm” laqas tant nirreferu għall-bini qaddis tal-bażilka daqs kemm għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li turi ruħa f’dan il-bini, ħidma li tħalli l-frott permezz tal-ministeru tal-Isqof ta’ Ruma, fil-komunitajiet kollha li jibqgħu fl-għaqda mal-Knisju li hu jmexxi.

Kull darba li niċċelebraw il-konsagrazzjoni ta’ knisja, għandna niftakru f’verità fundamentali: il-maqdes materjali mibni mill-ġebel hu sinjal tal-Knsija ħajja li taħdem fl-istorja, jiġifieri hu sinjal ta’ dak it-“tempju spiritwali”, kif jgħid l-appostli Pietru, li tiegħu Kristu stess hu “ġebla ħajja, imwarrba mill-bnedmin, imma magħażula u għażiża quddiem Alla” (1 Pt 2, 4-8).  Ġesù, fil-vanġelu tal-lum, wqt i jitkellem fuq it-tempju, kixef verità li ħawdet lin-nies: jiġifieri li t-tempju ta’ Alla mhux biss il-bini tal-ġebel, imma huwa l-ġisem tiegħu, magħmul minn ġebel ħaj.  Bis-saħħa tal-magħmudija, kull nisrani jsir parti mill-“bini ta’ Alla” (1 Cor 3, 9), anzi jsir il-Knisja ta’ Alla.  Il-bini spiritwai, il-Knisja bħala komunità ta’ bnedmin imqaddsin permezz tad-demm ta’ Kristu u permezz tal-Ispirtu tal-Mulej irxoxt, jitlob minn kull wieħed minnha li nkunu koerenti mad-don tal-fini u li tul ħajjitna nimxu l-mixja tax-xhieda nisranija.  U lkoll nafu li mhux faċli din il-koerenza fil-ħajja bejn il-fidi u x-xhieda; imma aħna għandna nimxu ‘l quddiem u ngħixu din il-koerenza ta’ kuljum f’ħajjitna.  “Dan nisrani!”, imma mhux daqstant minħabba dak li jgħid, imma minħabba dak li jagħmel, għall-mod li bih iġib ruħu.  Din il-koerennza, li tagħtina l-ħajja, hija grazzja tal-Ispirtu s-Santu li għandna nitolbuha.  Il-Knisja, fil-bidu tal-ħajja tagħha u tal-missjoni tagħha fid-dinja, ma kienet xejn għajr komunità mwaqqfa biex tistqarr il-fidi f’Ġesù Kristu Iben Alla u salvatur tal-bnedmin, fidi li taħdem permezz tal-imħabba.  Dawn imorru id f’id! Illum ukoll il-Knisja hija msejjħa biex tkun fid-dinja komunità li, imħawwla fi Kristu permezz tal-magħmudija, tistqarr bl-umiltà u bil-kuraġġ il-fidi fih, billi tagħti xhieda permezz tal-imħabba.  Għal dan il-għan essenzjali għandhom ikunu mfassla anke l-elementi istituzzjonali, l-istrutturi u l-organiżmi pastorali; għal dan il-għan essenzjali: li l-fidi tkun mixhuda permezz tal-imħabba.  L-imħabba m’hi xejn għajr il-mod kif tiġi murija l-fidi u anke l-fidi hija l-ispjegazzjoni u l-pedament tal-imħabba.

Il-festa tal-lum tistedinna biex naħsbu ftit fuq l-għaqda tal-Knejjes kollha, jiġifieri fuq din il-komunità nisranija, u għalhekk għandha tixprunana biex nimpenjaw irwieħna sabiex il-ġens uman ikun jista’ jaqbeż il-fruntieri tan-nuqqas ta’ ħbiberija u tal-indifferenza, sabiex jinbnew pontijiet ta’ fehma u ta’ djalogu, biex issir mill-popli kollha tad-dinja familja waħda ta’ popli magħqudin bejniethom, li jħobbu u jgħidu lil xulxin.  Il-Knisja nfisha hija sinjal u antiċipazzjoni ta’ dan il-ġens uman ġdid, meta hi tgħix u xxerred il-Vanġelu bix-xhieda tagħha, il-messaġġ ta’ tama u ta’ rikonċiljazzjoni għall-bnedmin kollha.

Ejjew insejjħu l-interċessjoni tal-Imqaddsa Marija, sabiex hi tgħina nsiur, bħala “dar ta’ Alla”, tempju ħaj tal-imħabba tiegħu.

______

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

25 sena ilu, fid-9 ta’ Novembru 1989, waqa’ l-ħajt ta’ Berlin, li għal ħafna żmien qasam fi tnejn il-belt u kien simbolu tal-firda ideoloġika tal-Ewropa u tad-dinja kollha.  Il-waqa’ ta’ dal-ħajt seħħet f’daqqa, imma kienet possibbli grazzi għall-impenn fit-tul u mwiegħer ta’ ħafna persuni li għal dan il-għan issieltu, talbu u batew, uħud minnhom billi ssagrifikaw ħajjithom.  Fost dawn il-Papa San Ġwanni Pawlu II kellu rwol ta’ protagonista.  Nitolbu sabiex, bil-għajnuna tal-Mulej u permezz tal-kollaborazzjoni tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, tixxerred u tikber dejjem aktar kultura ta’ djalogu, li kapaċi twaqqa’ l-ħitan kollha li għadhom jaqsmu d-dinja, u sabiex ma jerġa’ jseħħ qatt li persuni innoċenti jkunu persegwitati u saħansitra maqtula minħabba l-fidi u r-reliġjon tagħhom.  Fejn hemm ħajt, hemm qalb magħluqa.  Jinħtieġu l-pontijiet, mhux il-ħitan!

Illum, fl-Italja, jiġi ċelebrat Jum ir-Ringrazzjament, li din is-sena għandu bħala tema “Nitimgħu l-pjaneta.  Enerġija għall-ħajja”, b’referenza għall-Expo Milano 2015 li issa hu fil-qrib.  Ningħaqad mal-Isqfijiet fit-tħeġġiġ għal tiġdid fl-impenn sabiex ħadd ma jkun jonqsu l-ikel għal kull jum, li Alla jagħti lil kulħadd.  Fi ħsiebi ninsab qrib id-dinja tal-agrikultura, u nħeġġeġ sabiex l-arti tiġi kultivata b’mod sostenibbli u magħqud.

F’dan il-kuntest illum f’Ruma qed jiġi mfakkar il-Jum djoċesan għall-ħarsien tal-ħolqien, okkażjoni li hi bil-ħsieb li jitmexxew ‘l quddiem stili ta’ ħajja bbażati fuq ir-rispett lejn l-ambjent, li terġa’ tagħti importanza mill-ġdid lill-għaqda bejn il-bniedem, ħarries tal-ħolqien, u l-Ħallieq tiegħu.

Insellem lill-pellegrini kollha, li ġew minn divesi Pajjiżi, il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-għaqdiet f’din il-ġurnata sabiħa li l-Mulej qed jagħtina llum.

Insellem b’mod partikulari lir-rappreżentanti tal-komunità tal-Venezuela fl-Italja – qed nara l-bandiera hemm – iż-żgħażagħ ta’ Thiene (Vicenza) li rċevew il-Griżma, it-tfajliet universitarji ta’ Urbino; l-insara ta’ Pontecagnano, Sant’Angelo in Formis, Borgonuovo u Pontecchio.

F’dan il-jum sabiħ nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Nitlobkom ma tinsewx titolbu għaija. L-ikla t-tajba u nsellmilkom!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia.