Għeżież ħuti,

B’niket riċevejt l-aħbar dwar il-konsegwenzi gravi mħollija mill-uragan li fil-ġranet li għaddew laqat lill-Karajbi, partikolarment lil Ħaiti, u li ħalla warajħ bosta vittmi u nies bla dar, minbarra li kkawża ħsarat materjali bla qies.  Nagħti l-assikurazzjoni tiegħi li ninsab qrib il-poplu u nesprimi t-tama fis-sens li jsibu s-solidarjtà tal-Komunità Internazzjonali, l-istituzzjonijiet Kattoliċi u l-persuni ta’ rieda tajba.  Nitlobkom tingħaqdu miegħi fit-talb għal dawn ħutna milqutin tant iebes.

Ilbieraħ f’Oviedo (Spanja) ġew dikajarati Beati s-saċerdot Gennaro Fueyo Castañón flimkien ma’ tliet fidili lajċi.  Niżżu ħajr lill-Mulej għal dawn ix-xhieda erojċi tal-fidi, li daħlu mal-qtajja tal-martri li offrew ħajjithom f’isem Kristu.

Nagħti tislima minn qalbi lilkom ilkoll, għeżież pellegrini, li ħadtu sehem f’dal-Ġublew Marjan.  Grazzi tal-preżenza tagħkom!  Magħkom irid intenni l-kliem li qal San Ġwanni Pawlu II nhar it-8 ta’ Ottubru, 2000, meta kien qed jagħmel l-att ta’ affidament ġjubilari lil Marija:  «Omm tagħna, irridu nerħu f’idejk il-futur li qed jistenniena.  L-umanità tista’ tagħmel ġnien minn did-dinja jew inkella tirriduċieha f’rovina sħiħa».  F’dan salib it-toroq, il-Verġni tgħinna nagħżlu l-ħajja billi nilqgħu u nqiegħdu fil-prattika l-Evanġelju ta’ Kristu Salvatur.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber