Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jgħid: «Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom» (Mt 11,28).  Il-Mulej mhux qed jirriserva dal-kliem għal xi ħadd minn ħbiebu, le, imma qed jgħidu lil “kull min” hu għajjien u mgħakus mill-ħajja.  U min jista’ jħossu mbarri minn din l-istedina?  Il-Mulej jaf kemm tista’ tkun iebsa l-ħajja.  Jaf li hemm ħafna ħwejjeġ li jtaqqlu l-qalb: delużjonijiet u ġrieħi tal-passat, piżijiet li jtaqqluna, ħtijiet li jkollna nġorru fil-preżent u tħassib dwar il-futur.

Quddiem dan kollu, l-ewwel kelma ta’ Ġesù hi stedina, stedina biex niċċaqalqu u nirreaġixxu: “Ejjew”.  L-iżball, kull meta l-affarijiet imorru ħażin, ikun li nibqgħu ċassi, mitluqin hemm.  Tidher ħaġa evidenti, imma kemm hu diffiċli li tirreaġixxi u tinfetaħ!  Mhux faċli.  Fil-waqtiet mudlama hi ħaġa naturali li ningħalqu fina nfusna, immaħħu dwar kemm il-ħajja hi inġusta, dwar kemm l-oħrajn huma ingrati u kemm hi kiefra d-dinja, u affarijiet bħal dawn.  Ilkoll kemm aħna nafuh dan.  Imma hekk, magħluqin fina nfusna, naraw kollox iswed.  Allura nispiċċaw ukoll biex insiru familjari mas-swied il-qalb.  Imma Ġesù jrid joħroġna minn dawn il-“quicksands” u għalhekk jgħid lil kull wieħed u waħda minna: “Ejja!” – “Min?” - “Int, int, int....”. It-triq tal-ħelsien tinsab fir-relazzjoni, filli toħroġ idek, filli terfa’ ħarstek lejn min iħobbna tassew.

Infatti, mhux biżżejjed li noħorġu minna nfusna, hemm bżonn inkunu nafu fejn sejrin.  Għax bosta huma d-destinazzjonijiet illużorji: iwegħedu distrazzjoni għal ftit ħin, ituk ċertezza tal-paċi u jtuk id-divertiment, u jħalluk fis-solitudni li tkun bdejt biha, huma “nar tat-tiben”.  Hu għalhekk li Ġesù jurina fejn għandna mmorru: “Ejjew għandi”.  U ħafna drabi, quddiem it-toqol tal-ħajja jew sitwazzjoni li tnikkitna, nippruvaw nitkellmu ma’ xi ħadd li jismagħna, ma’ ħabib, ma’ espert... Hu ta’ ġid kbir li nagħmlu dan, imma ma ninsewx lil Ġesù!  Ma ninsewx ninfetħu għaliH u nirrakkuntawlu ħajjitna, inqiegħdu f’idejh lill-persuni u s-sitwazzjonijiet.  Forsi fil-ħajja tagħna hemm xi “rqajja” li qatt qabel ma ftaħniehomlu u li baqgħu mudlama, għax qatt ma raw id-dawl tal-Mulej.  Kull wieħed u waħda minna għandna l-istorja tagħna.  U jekk xi ħadd għandu din “ir-roqgħa” mudlama, ifittex lil Ġesù; immorru għand missjunarju tal-ħniena, immorru għand saċerdot, immorru....  Imma morru għand Ġesù u rrakkuntawlu kollox.

Illum Hu qed jgħid lil kulħadd: “Kuraġġ, tħallix it-toqol tal-ħajja jgħaffġek, tingħalaqx quddiem il-biżgħat u d-dnubiet, imma ejja għandi!”.

Hu jistenniena, jinstenniena dejjem, mhux biex iħoll il-problemi tagħna bil-maġija imma biex isaħħaħna quddiem il-problemi tagħna.  Ġesù ma jneħħilniex it-tgħabijiet tal-ħajja, imma d-diqa tal-qalb; ma jneħħilniex is-salib imma jġorru magħna.  U miegħu kull piż isir ħafif (cfr v. 30) għax Hu s-serħan li qed infittxu.  Meta Ġesù jidħol fil-ħajja, tiġi l-paċi, dik li tibqa’ anki waqt il-provi, waqt it-tbatijiet.  Immorru għand Ġesù, intuh ħinna, niltaqgħu miegħu kuljum bit-talb, bi djalogu mimli fiduċja, u personalment; insiru midħla tal-Kelma tiegħu, infittxu mill-ġdid mingħajr biża’, il-maħfra tiegħu, nitrejqu bil-Ħobż tal-ħajja tiegħu: u nħossuna maħbubin, inħossuna mfarrġin minnu.

Huwa Hu nnifsu li qed jitlobna dan, kważi b’insistenza.  Itennih mill-ġdid fi tmiem l-Evanġelju tal-lum: «Tgħallmu minni (....) u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom» (v. 29).  U b’hekk nitgħallmu mmorru għand Ġesù, u filwaqt li tul ix-xhur tas-sajf infittxu ftit mistrieħ minn dak li jgħejji l-ġisem, ma ninsewx infittxu l-mistrieħ veru fil-Mulej.  Tgħinna nagħmlu dan il-Verġni Marija Ommna, li dejjem tieħu ħsiebna meta nkunu għajjenin u magħkusin biex takkompanjana għal għand Ġesù.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini mill-Italja u minn pajjiżi differenti.  Kuraġġużi intom, b’dix-xemx, b’dis-sħana, fil-pjazza.  Bravi!

Irrid insellem b’mod partikolari lill-fidili li ġew bir-roti minn Chelm, arċidjoċesi ta’ Lubjana (il-Polonja), ħsieb ukoll lejn il-pellegrinaġġ kbir li llum il-familja Pollakka ta’ Radju Marija qed tagħmel fis-Santwarju ta’ Ċestokova.  Nakkumppanjaw lil dal-pellegrinaġġ tal-poplu Pollakk, ilkoll flimkien bl-Ave Maria.

 [Is-Sliem għalik, Marija…]

Nilqa’ bil-ferħ lis-Sorijiet Qaddejja tal-Beata Verġni Immakulata u nbierek il-ħidma tal-kaptilu ġenerali tagħhom li jibda’ llum; kif ukoll is-saċerdoti minn pajjiżi differenti li qed jieħdu sehem fil-kors għal dawk li jagħtu l-formazzjoni fis-seminarji, kors organiżżat mill-Istitut Sacerdos ta’ Ruma.

Tislima speċjali liż-żgħażagħ tal-kor Puzangalan – li tfisser “tama” – minn Taiwan.  Grazzi tal-kant tagħkom!  U nsellem uskoll lill-kor tal-Alpini minn Palazzolo sull’Oglio; u l-fidili minn Coversano.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jgħoġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber