PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru - 9 ta’ Ġunju 2013

Għeżież ħuti
Ix-xahar ta’ Ġunju huwa minn żmien imbiegħed iddedikat lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, l’ogħla espressjoni umana tal-imħabba ta’ Alla. Proprju nhar il-Ġimgħa li għaddiet, fil-fatt, iċċelebbrajna l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù, u din il-festa tagħti t-togħma lix-xahar kollu. Id-devozzjoni popolari tagħti ħafna importanza lis-simboli, u l-qalb ta’ Ġesù hu l-aqwa simbolu tal-ħniena ta’ Alla; imma mhux simbolu figurattiv, huma simbolu reali, veru, li juri ċ-ċentru, l-għajn li minnha gelglet is-salvazzjoni għall-ġens uman kollu.

Fl-evanġelji nisbu numru ta’ riferimenti għall-qalb ta’ Ġesù, per eżempju fis-silta fejn Kristu stess jgħid: “Ejjew għandi, inthom ilkoll li intom għajjenin u mgħakksin, u jien inserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmat tiegħi u tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt11, 28-29). Silta fundamentali oħra hi r-rakkont tal-mewt ta’ Kristu skont Ġwanni. Dan l-evanġelista fil-fatt jixhed dak li ra fuq il-Kalvarju, jiġifieri li suldat, meta Ġesù kien diġà mejjet, itih daqqa ta’ lanza f’ġenbu u minn dik il-ferita joħorġu demm u ilma (cfr Ġw 19, 33-34). Ġwanni għaraf f’dan is-sinjal, li jidher komuni, it-twettiq tal-profeziji: mill-qalb ta’ Ġesù, Ħaruf maqtil fuq is-salib, igelglu il-maħfra u l-ħajja għall-bnedmin kollha.

Imma l-ħniena ta’ Ġesù mhix biss sentiment, hija qawwa li tagħti l-ħajja, li tqajjem lill-bniedem! Dan jgħidulna wkoll il-vanġelu tal-lum, fl-episodju tal-armla ta’ Najn (Lq 7, 11-17). Ġesù, flimkien mad-dixxipli tiegħu, jasal Najn, raħal tal-Galilija, eżatt fil-ħin meta jkun qed isir il-funeral: ikun se jindifen ġuvni, iben waħdieni ta’ mara armla. Il-ħarsa ta’ Ġesù tieqaf fuq l-omm imbikkma. Jgħidlna l-evanġelista Luqa: “Meta ra, il-Mulej tħassarha” (v. 13). Din il-“kumpassjoni”, dak li ħass Ġesù għal din il-mara, hi l-imħabba ta’ Alla għall-bniedem, il-ħniena tiegħu, jiġifieri l-imġieba ta’ Alla meta jmiss mal-miżerja tagħna, man-nuqqasijiet tagħna, it-tbatija tagħna, id-dwejjaq tagħna. Il-kelma li nsibu fil-Bibbja għal “tħassarha” tfakkar il-ġuf matern: l-omm, fil-fatt, tbati b’mod li hi biss tħoss u tagħraf quddiem it-tbatija ta’ uliedha. Hekk iħobbna Alla, tgħidilna l-iskrittura.

U xinhu l-fortt ta’ din l-imħabba, ta’ din il-ħniena? Hija l-ħajja! Ġesù qal lill-armla ta’ Najn: “Tibkix!”, u mbagħad sejjaħ lill=ġuvni mejjet mill-ġdid għall-ħajja bħallikieku qajjmu minn raqda (cfr. vv. 13-15). Ejjew naħsbu fuq din il-ħaġa sabiħa: il-ħniena ta’ Alla tagħti l-ħajja lill-bniedem, tqajjmu mill-mewt. Il-Mulej dejjem iħares lejn bil-ħniena; ejjew dan ma ninsewhx, iħares lejna dejjem bil-ħniena, jistenniena bil-ħniena. Ejjew ma nibżgħux nersqu lejh! Għandu qalb mimlija ħniena! Jekk aħna nuruh il-feriti li għandna minn ġewwa, dnubietna, Hu dejjem jaħfrilna. Hija biss ħniena! Ejjew immorru għand Ġesù!

Induru lejn il-Verġni Marija: il-qalb bla tebgħa tagħha, qalb ta’ omm, kellha sehem bl-akbar mod tal-kompassjoni ta’ Alla, b’mod speċjali fis-siegħa tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Ħa tgħinna Marija nkunu ta’ qalb ħelwa, umli, u li nuru ħniena ma’ ħutna.


Wara l-Angelus


Għeżież ħuti,
Illum fi Krakovja qed jiġu pproklamati beati żewġ reliġjużi pollakki: Sofia Czeska Maciejowska li fl-ewwel nofs tas-seklu 17 waqqfet il-Kongregazzjoni tax-xebbiet tal-preżentazzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija; u Margherita Lucia Szewczyk, li fis-seklu 19 waqqfet il-Kongregazzjoni tal-ulied tal-Verġni Mqaddsa Marija Addolorata. Flimkien mal-Knisja li hi fi Krakovja, inroddu ħajr lill-Mulej!

Insellem bil-qalb lill-pellegrini kollha li hawn ilum: gruppi parrokkjali, familji, gruppi skolastiċi, għaqdiet, movimenti. Insellem lil kulħadd,

Insellem lill-pellegrini li ġew minn Mumbay, fl-Indja.

Insellem il-Moviment tal-Imħabba Familjari ta’ Ruma, il-konfretajiet u l-voluntiera tas-santwarju ta’ Mongiovino, qrib Perugia; iż-żgħażagħ tal-gruppi Franġiskani tal-Umbria; id-“Dar tal-Karità” ta’ Lecce; il-pellegrini mill-provinċja ta’ Modena, li nħeġġiġhom għall-bini mill-ġdid; u dawk ta’ Ceprano. Insellem il-pellegrini ta’ Ortona, fejn huma meqjuma l-fdalijiet tal-Appostlu Tumas, li temmew il-mixja “Minn Tumas għal għand Pietru”: Grazzi!

Illum ejjew ma ninsewx l-imħabba ta’ Alla, l-imħabba ta’ Ġesù: hu jħares lejna, iħobbna u jistenniena. Hu kollu mħabba u ħniena. Ejjew immorru bil-fiduċja għand Ġesù, hu jaħfrilna dejjem.
Il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba!

 
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia