Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, insellem minn qalbi lilkom ilkoll hawn preżenti, speċjalment lil dawk li ħadu sehem fil-Laqgħa Internazzjonali bi tħejjija għall-assemblea sinodali dwar iż-żgħażagħ, imnedija mid-Dikasteru għall-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, b’kollaborazzjoni mas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.  Din it-tislima tmur ukoll għaż-żgħażagħ kollha li llum, mdwar l-isqfijiet tagħhom, qed jiċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’kull djoċesi tad-dinja.  Hija tappa oħra fil-kbir pellegrinaġġ mibdi minn San Ġwanni Pawlu II, li s-sena li għaddiet laqqgħana fi Krakovja u li se jlaqqgħana fil-Panama f’Jannar tal-2019.

Għal dir-raġuni, min hawn u ftit ieħor, iż-żgħażagħ Pollakki se jagħddu s-Salib tal-Jiem Dinjin taż-Żgħażagħ liż-żgħażagħ tal-Panama, li huma akkumpanjati, kemm dawn u kemm l-oħrajn, mir-Rgħajja tagħhom u mill-Awtoritajiet Ċivili.

Nitolbu lill-Mulej sabiex is-Salib, flimkien mal-ikona ta’ Salus Populi Romani, minn kull fejn jgħaddu, ikattru l-fidi u t-tama billi jirrivelaw l-imħabba ta’ Kristu liu qatt ma tista’ tkun megħluba.

Lil Kristu, li llum jidħol fil-Passjoni, u lill-Verġni Mqaddsa, noffru l-vittmi tal-attentat terroristiku li seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda fi Stokkolma, kif ukoll lil dawk kollha li għadhom għaddejjin mill-prova iebsa tal-gwerra, disżastru tal-umanità.  U nitolbu għall-vittmi tal-attentat li seħħ, sfortunatament, dalgħodu, fil-Kajr, fi knisja Kopta.  Lill-għażiż ħija, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Tawadros II, lill-Knisja Kopta u lill-għażiż nazzjon Eġizzjan kollu, nesprimi l-kondoljanzi l-aktar profondi tiegħi, nitlob għall-mejtin u għall-feruti, jien qrib il-familjari u l-komunità kollha kemm hi.  Jalla l-Mulej jikkonverti l-qalb tal-psersuni li jiżirgħu t-terrur, il-vjolenza u l-mewt, u wkoll il-qalb ta’ dawk li jipproduċu u jittraffikaw l-armi.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber