Papa Franġisku

Angelus

Il-Ħadd, 9 ta' Marzu 2014

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-ewwel Ħadd tar-Randan jippreżentalna llum l-episodju tat-tentazzjonijiet ta' Ġesù, meta l-Ispirtu s-Santu, wara li niżel fuqu fil-Magħmudija fil-Ġordan, qabel ma' beda l-missjoni pubblika tiegħu, ħadu fid-deżert għal-erbgħin jum biex ikun affrontat apertament minn Satana.

It-tentatur jipprova jbiegħed lil Ġesù mill-proġett tal-Misser, jiġifieri mit-triq tas-sagrifiċċju, tal-imħabba, li joffri lilu nnifsu bi tpattija; ried itih triq faċli, ta' suċċess u poter.  Id-dwell bejn Ġesù u Satana jsir bi kwotazzjonijiet mill-Iskrittura Mqaddsa.  Infatti, biex ibiegħed lil Ġesù mit-triq tas-salib, ix-xitan jippreżentalu tamiet messjaniċi foloz: il-ġid ekonomiku, li jidher mill-possibiltà li jibdel il-ġebel f'ħobż; l-isitl spettakolari u mirakolistiku, bl-idea li jintefa' għal isfel minn fuq l-għola quċċata tat-Tempju ta' Ġerusalemm biex jiġu jsalvawh l-Anġli u, fl-aħħar, l-iqsar triq lejn il-poter u d-dominju jekk jagħmel att ta' adorazzjoni lil Satana.  Dawn huma t-tlett gruppi ta' tentazzjonijiet li anki aħna nafuhom tajjeb!

Ġesù jirrifjuta bil-qawwa dawn it-tentazzjonijiet kollha u jtenni r-rieda soda li jimxi fit-triq li stabbilixxa l-Missier, mingħajr ebda kompromess mad-dnub u mal-loġika tad-dinja.  Osservaw tajjeb kif wieġeb Ġesù.  Hu ma jiddjalogax ma' Satana kif għamlet Eva fil-ġnien tal-Eden.  Ġesù jaf tajjeb li ma' Satana ma tistx tiddjaloga għax moħħu jilħaqlu ħafna.

Għaldaqstant minflok iddjaloga kif kienet għamlet Eva, jagħżel li jsib kenn fil-Kelma t'Alla u jwieġeb bil-qawwa ta' din il-Kelma.  Niftakru dan: fil-waqt tat-tentazzjoni, tat-tentazzjonijiet tagħna, ebda argument ma' Satana, imma dejjem imħarsin mill-Kelma t'Alla!  U dan isalvana.

Fit-tweġibiet tiegħu lil Satana, il-Mulej, bl-użu tal-Kelma t'Alla, ifakkarna qabel kollox li “mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b'kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4,4: Dt 8,3).  U dan itina l-qawwa, isostnina fit-taqbida kontra l-mentalità mondana li twaqqa' 'l-bniedem biex ikun irid il-ħtiġijiet primarji, u ttelliflu l-ġuħ għal dak li hu veru, tajjeb u sabiħ, il-ġuħ għal Alla u l-imħabba tiegħu.

Ġesù jfakkar ukoll li “hemm miktub: iġġarrabx lil Mulej Alla tiegħek” (v. 7) għax it-triq tal-fidi tgħaddi ukoll mid-dlam, mid-dubju, u titrejjaq bil-paċenzja u l-istennija perseveranti.  Fl-aħħar Ġesù jfakkar li “hemm miktub: Tadura biss lill-Mulej Alla tiegħek: lilu biss tqim” (v. 10), jew li jeħtiġilna nneħħu l-idoli, l-affarijiet fiergħa u nibnu ħajjtina fuq dak li hu essenzjali.

Dan il-kliem, Ġesù mbagħad iwettqu fl-azzjonijiet tiegħu.  Il-fedeltà assoluta tiegħu fil-pjan ta' mħabba ta' Alla twasslu, wara xi tliet snin, biex jagħmel il-kontijiet mal-prinċep ta' din id-dinja (Gw 16,11), fil-ħin tal-passjoni u tas-salib, u hemm, Ġesù jiskeb ir-rebħa definittiva, ir-rebħa tal-imħabba!

Għeżież ħuti, iż-żmien tar-Randan hu okkażjoni propizja għalina lkoll biex nimxu fit-triq tal-konverżjoni, billi bis-sinċerità nikkonforontaw ruħna ma' din il-paġna tal-Evanġelju.  Inġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna: niċħdu lil Satana, l-għemil kollu u t-tlellix fieragħ tiegħu – għax hu seduttur – biex nimxu fil-mogħdijiet ta' Alla u naslu għall-Għid bil-ferħ tal-Ispirtu (Il-Kolletta tal-ewwel Ħadd tar-Randan Sena A).

 

 

Wara l-Angelus

Insellem minn qalbi lill-fidili kollha ta' Ruma u lill-pellegirini kollha.

Insellem lill-gruppi parrokkjali min Biella u Vercelli, min Laura di Paestum, San Marzano, Aosta, Latina, Avellino u Pachino.

Bl-Ispanjol qal: insellem lill-Kulleġġ “Santa Marija” ta' Elche, Spanja.

Tislima speċjali liż-żgħażagħ ta' Rosolina li l-Ħadd li ġej se jirċievu l-Konfermazzjoni, lil dawk tat-Toscana li qegħdin Ruma biex jagħmlu wegħda li jimxu wara Ġesù u lil dawk ta' Paderno, Dugnano, Seregno, Bellaria u Curno.  Insellem ukoll lill-ġenituri u lit-tfal minn Cabiate.

Matul dan ir-Randan inżommu f'moħħna l-istedina tal-Caritas Internationalis fil-kampanja li qed tagħmel kontra l-ġuħ fid-dinja.  Nawgura lil kulħadd li l-mixja tar-Randan li għadu kif beda, tkun għanja fil-frott; u lilkom nitlobkom tiftakru fija u fil-kollaboraturi  tiegħi tal-Kurja Rumana, li llejla se nibdew ġimgħa ta' Eżerċizzi Spiritwali.  Grazzi.

Il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba.  Arriverderci!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.