Papa Franġisku

Angelus

Il-Ħadd, 9 ta’ Frar 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd, li jiġi eżatt wara s-silta tal-Beatitudnijiet, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: «Intom il-melħ tal-art... Intom id-dawl tad-dinja» (Mt 5, 13.14).  Meta naħsbu ftit fuq min kellu quddiemu Ġesù meta qal dan il-kliem niskataw xi naqra.  Min kienu dawk id-dixxipli?  Kienu sajjieda, nies sempliċi... Imma Ġesù jħares lejhom bl-għajnejn ta’ Alla, u għalhekk l-affermazzjoni tiegħu naslu biex nifhmuha għax hija konsegwenza tal-Beatitudnijiet.  Hu jrid ifisser: jekk intom tkunu fqar fl-ispirtu, jekk tkunu b’qalbkom ħelwa, jekk tkunu safja f’qalbkom, jekk turu ħniena... tkunu l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja!

Biex nifhmu aħjar dawn ix-xbihat inżommu quddiem għajnejna li l-Liġi tal-Lhud kienet trid li jitpoġġa ftit melħ fuq kull offerta li tingħata li Alla, bħala sinjal tal-patt.  Id-dawl, imbagħad, kien għall-poplu ta’ Iżrael is-simbolu tar-rivelazzjoni messjanika li tirbaħ fuq id-dlamijiet tal-paganiżmu. L-insara, il-poplu l-ġdid ta’ Iżrael, jiċievu missjoni li tolqot lill-bnedmin kollha: bil-fidi u bl-imħabba jistgħu jmexxu fit-triq it-tajba, jikkonsagraw u jgħallmu lill-ġens tal-bnedmin biex jagħmel il-frott.  Aħna l-imgħammdin kollha ninsabu fost id-dixxipli missjunarji u aħna msejħin biex insiru vanġelu ħaj fid-dinja: permezz ta’ ħajja qaddisa nagħtu “togħma” lill-ambjenti differenti li niffrekwentaw u nħarsuhom mit-taħsir, kif jagħmel il-melħ; u nwasslu d-dawl ta’ Kristu bix-xhieda tal-imħabba ġenwina.  Imma jekk aħna l-insara nitilfu t-togħma tal-melħ u nitfu d-dawl tal-preżenza tagħna nitilfu l-kapaċità tagħna li tista’ tagħmel differenza.  Imma kemm hi sabiħa din il-missjoni li nagħtu d-dawl lid-dinja! Hija missjoni li kull wieħed minna għandu.  U hi missjoni sabiħa!  U hija wkoll ħaġa sabiħa li nżommu ħaj id-dawl li rċevejna mingħand Ġesù, li nieħdu ħsiebu u nżommuh ħaj.  In-nisrani għandu jkun persuna li tixħet id-dawl, li ġġib id-dawl, li dejjem jagħti d-dawl!  Dawl li mhux tiegħu, imma li hu r-rigal ta’ Alla, ir-rigal ta’ Ġesù.  U aħna nġorru fina dan id-dawl.  Jekk in-nisrani jitfi dan id-dawl, ħajtu ma jkollhiex sens.  Imma jien nixtieq insaqiskom issa: intom kif tixtiequ tgħixu? Bħal musbieħ mixgħul jew bħal musbieħ mitfi?  Mixgħul jew mitfi? Kif tridu tgħixu?  [In-nies iwieġbu: Mixgħul!] Musbieħ mixgħul! Hu Alla li jtina dan id-dawl, u aħna ngħadduh lill-oħrajn.  Musbieħ mixgħul! Din hija l-vokazzjoni nisranija.


Wara l-Angelus:

Pitgħada, nhar il-11 ta’ Frar, niċċelebraw il-memorja tal-Imqaddsa Verġni ta’ Lourdes, u ngħixu flimkien il-Jum Dinji tal-Morda.  Hija l-aħjar okkażjoni biex inpoġġu fiċ-ċentru tal-komunità il-morda.  Nitolbu għalihom u magħhom, inkunu qrib tagħhom.  Il-Messaġġ tiegħi għal dan il-Jum tnissel minn espressjoni ta’ San Ġwann: Fidi u mħabba: «aħna wkoll għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa» (1 Ġw 3,16).  Nistgħu b’mod partikulari nixbħu lil Ġesù l-imġieba tiegħu lejn il-morda, morda ta’ kull tip: il-Mulej jieħu ħsien kull wieħed, jaqsam magħhom it-tbatija tagħhom u jiftħilhom qalbhom għat-tama.

Naħseb ukoll f’dawk kollha li jaħdmu fil-kamp tas-saħħa: x’xogħol prezzjuż jagħmlu! Grazzi ħafna tax-xogħol prezzjuż tagħkom.  Fil-morda huma kuljum jiltaqgħu mhux biss ma’ iġsma mmarkati bid-dgħufija, imma ma’ persuni li lilhom joffru l-attenzjoni u t-tweġibiet meħtieġa.  Id-dinjità tal-persuna mhix ridotta biss għal dak li kapaċi u tiflaħ tagħmel, u ma tiġix nieqsa meta l-persuna tiddgħajjef minn saħħitha, issir invalida u tiġi fil-bżonn tal-għajnuna.  Naħseb ukoll fil-familji fejn hija ħaġa normali li jieħdu ħsieb il-morda tagħhom; imma niftakru wkoll li xi drabi s-sitwazzjonijiet jistgħu jkunu aktar tqal... Ħafna nies jiktbuli, u llum nixtieq nassigura lil dawk il-familji kollha t-talb tiegħo u ngħidilhom: tibżgħux mill-fraġilità! Tibżgħux mill-fraġilità! Għinu lil xulxin bl-imħabba, u tħossu l-preżenza ta’ Alla li ġġib is-sabar.

L-imġieba ġeneruża u nisranija lejn il-morda hi melħ tal-art u dawl tad-dinja.  Jalla l-Verġni Marija tgħinna npoġġu dan il-prattika, u ġġib Hi l-paċo u s-sabar lil dawk kollha li qed ibatu.

F’dawl il-ġranet ġewwa Sochi, fir-Russja, qed isir il-Logħob Olimpiku tax-xitwa.  Nixtieq inwassal it-tislima tiegħu lil dawk kollha li qed jorganizzaw u lill-atleti li qed jieħdu sehem, bix-xewqa li jkunu verament festa ta’ sport u ta’ ħbiberija.

Insellem lill-pellegrini kollha hawn preżenti, il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-għaqdiet.  Insellem b’mod partikulari lill-għalliema u lill-istudenti li ġew mill-Ingilterra; il-grupp ta’ teoloġi nsara nisa li ġew minn diversi pajjiżi fl-Ewropa f’Ruma għal konvenju ta’ studju; l-insara tal-parroċċi ta’ Santa Maria Immacolata u San Vinċenz de Paoli f’Ruma, dawk li ġew minn Cavallina u Montecarelli nel Mugello, minn Lavello u minn Affi, il-Comunità Sollievo, u l-iskola ta’ San Luca-Bovalino fil-Calabria.

Nitlob għal dawk kollha li qed ibatu l-ħsarat u l-iskomdi minħabba d-diżgrazzji naturali f’diversi pajjiżi – anke hawn f’Ruma – ninsab qrib tagħhom.  In-natura tisfidana biex inkunu aktar attenti u magħqudin fil-ħarsien tal-ħolqien, anke biex nevitaw, sakemm dan huwa possibbbli, konsgwenzi aktar serji.

Qabel ma nsellmilkom, qed tiġini f’rasi dik il-mistoqsija li għamilt: musbieħ mixgħul jew mitfi? Xi tridu? Mixgħul jew mitfi? In-nisrani jġib id-dawl! Hu musbieħ mixgħul! Nimxu dejjem ‘il quddiem bid-dawl ta’ Ġesù!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba. Insellmilkom!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.