SOLENNITÁ TAL-KUNĊIZZJONI IMMAKULATA

TAL-VERĠNI MARIJA

Il-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 8 ta' Diċembru, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum niċċelebraw is-solennità ta' Marija Immakulata li ġiet fil-kuntest tal-Avvent, żmien ta' stennija:  Alla jwettaq dak li kien wiegħed.  Iżda fil-festa tal-lum jitħabbrilna li xi ħaġa diġà twettqet fil-persuna u fil-ħajja tal-Verġni Marija.  Illum aħna qed nikkuntemplaw il-bidu ta' dak kollu li jaf il-bidu tiegħu sa minn qabel it-twelid ta' Omm il-Mulej.  Infatti, il-kunċizzjoni immakulat tagħha jeħodna f'dak il-waqt eżatt li fih il-ħajja ta' Marija bdiet tħabbat fil-ġuf ta' ommha: hemmhekk diġà kien hemm l-imħabba li tqaddes ta' Alla, billi ħelisha mit-tebgħa tad-dnub, il-wirt komuni tal-familja umana.

Fl-Evanġelju tal-lum tidwi t-tislima tal-Anġlu lil Marija: "Hienja int, mimlija bil-grazzja: il-Mulej miegħek" (Lq 1, 28).  Kienet fil-ħsieb ta' Alla li riedha minn dejjem skont il-pjanijiet mhux mifhuma tiegħu, bħala ħlejqa mimlija bil-grazzja, jiġifieri mfawwra bl-imħabba tiegħu.  Imma biex nimtlew bil-grazzja jeħtieġ li nagħmlu l-wisa', nitbattlu, ninsew lilna nfusna.  L-istess kif għamlet Marija, li għarfet toqgħod għall-Kelma t'Alla, tafda ruħha għal kollox fir-rieda tiegħu u tilqagħha bla riservi f'ħajjitha.  Tant hu hekk li fiha l-Kelma saret laħam.  Dan seta' jsir bis-saħħa tal-'iva' tagħha.  Lill-Anġlu li jistaqsieha jekk riditx issir omm Ġesù Marija twieġeb: "Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħalli jsir minni skont kelmtek" (v. 38).

Marija ma tintiflix f'ħafna raġunamenti, ma ttellax ħitan bejna u bejn il-Mulej, imma bla telf ta' żmien turi fiduċja u tagħmel il-wisa' għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu.  Minnufih lil Alla ttih lilha nfisha kollha kemm hi flimkien mal-istorja personali tagħha sabiex ikunu l-Kelma u r-rieda ta' Alla li jiffrumawhom u jwasluhom għall-milja. Bil-kollaborazzjoni perfetta tagħha mal-proġett ta' Alla għaliha, Marija ssir "kollha sabiħa", "kollha qdusija", imma mingħajr ebda ħjiel ta' sodisfazzjon personali, ta' kburija.  Hija umli.  Hi kapulavur, imma tibqa' umli, ċkejkna, fqira.  Fiha tidher bħal f'mera s-sbuħija ta' Alla li hi kollha kemm hi mħabba, grazzja, għotja.

Nixtieq nisħaq fuq il-kelma li biha Marija tiddeskrivi lilha nfisha hi u tingħata kollha kemm hi lil Alla: tistqarr li hi "qaddejja tal-Mulej".  L-'iva' ta' Marija lil Alla sa mill-bidunett fih atteġġjament ta' servizz, ta' attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-oħrajn.  Dan muri konkretament mill-fatt taż-żjara lil Eliżabetta, minnufih wara t-Tħabbira.  Id-disponibbiltà lejn Alla tidher fid-disponibbiltà li tieħu fuq spallejha l-bżonnijiet tal-proxxmu.  Dan kollu bla daqq ta' trombi u xenati, bla ma fittxet il-postijiet tal-unur, bla pubbliċità, għax il-karita u l-opri tal-ħniena m'hemmx għalfejn ikunu mxandra qieshom xi trofew.  L-opri tal-ħniena jsiru fis-skiet, bis-satra bla ma wieħed jiftaħar bihom.  Fil-komunitajiet tagħna wkoll, aħna msejħin biex nimxu fuq l-eżempju ta' Marija, u nużaw l-istil tad-diskrezzjoni u s-satra.

Il-festa tal-Omma tgħinna sabiex ħajjitna nagħmluha kollha kemm hi 'iva' għal Alla billi nadurawh u b'ġesti ta' mħabba u servizz li nagħmlu kuljum.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f'Huehuetenango, fil-Guatemala kien beatifikat  Giacomo Miller, reliġjuż tal-Aħwa tal-Iskejjel Insara, li nqatel minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi fl-1982, fil-kuntest tal-gwerra ċivili.  Il-martirju ta' dan l-edukatur eżemplari taż-żgħażagħ, li ħallas b'ħajtu s-servizz lill-poplu u lill-Knisja tal-Guatemala, għandu jsaħħaħ lil dak in-nazzjon għażiż fil-mixja lejn il-ġustizzja, il-paċi u s-solidarjetà.  Applaws lill-Beatu l-ġdid.

Għada f'Pariġi se ssir laqgħa bejn il-Presidenti tal-Ukranja, tal-Russja u ta' Franza flimkien mal-Kanċillier Federali tal-Ġermanja - magħruf bħala "l-Format tan-Normandija -  biex ifittxu soluzzjoni għall-kunflitt tal-akbar dieqa li ilu snin inikket l-Ukranja tal-lvant.  Jien qed nakkumpanja dil-laqgħa bit-talb, b'talb mimli ħrara, għax hemmhekk hemm bżonnn il-paċi, u nitlobkom tagħmlu bħali sabiex din l-inizjattiva ta' djalogu politiku tkun kontribut li jħalli frott ta' paċi fil-ġustizzja lil dak it-territorju u l-popolazzjoni tiegħu.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment lill-fidili Pollakki minn Varsavja u Lubjana, lill-puluzija Irlandiżi u liż-żgħażagħ minn Sorbara (Modena).  Tislima speċjali lill-Ulied is-Salib, li ftit ilu ingħataw ir-rikonoxximent bħala Assoċjazzjoni Pubbilka  mill-Kardinal Vigarju.

F'dil-festa tal-Immakulata, fil-parroċċi Taljani jiġġedded it-tesserament tal-Azzjoni Kattolika.  Nawgura lis-soċi kollha u lil-gruppi, mixja ta' formazzjoni tajba u ta' servizz u xhieda.

Inbierek lill-fidili minn Rocca di Papa u l-fjakkola li biha se jixgħelu l-istilla kbira fuq il-fortizza t' belthom ad unur ta' Marija Immakulata.  U ħsiebi jdur ikoll lejn is-Santwarju ta' Loreto fejn illum se jinfetaħ il-Bieb tal-Ġublew Lawretan: jalla jkun għani bil-grazzja għall-pellegrini tad-Dar Imqaddsa.

Illum waranofsinhar immur Santa Maria Maggiore biex nitlob lill-Madonna u wara fi Piazza di Spagna għall-omaġġ tradizzjonali f'riġlejn il-moument tal-Immakulata.  Nitlobkom tingħaqdu miegħi spiritwalment f'dal-ġest li jesprimi d-devozzjoni filjali lejn Ommna ċelesti.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba u l-mixja t-tajba tal-Avvent lejn il-Milied bil-gwida ta' Marija Verġni.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber