Għeżież ħuti, il-jum il-tajjeb u l-festa t-tajba

Illum qed nikkuntemplaw is-sbuħija ta’ Marija Immakulata.  L-Evanġelju, li jirrakkonta l-episojdu tat-Tħabbira tal-Anġlu jgħinna nifhmu dak li qed niffesteġġjaw, fuq kollox minħabba t-tislima tal-anġlu.  Hu jsellem lil Marija b’kelma li t-traduzzjoni tagħha hi ħafifa, li tfisser “imfawra bil-grazzja”, “maħluqa bil-grazzja”, “mimlija bil-grazzja” (Luqa 1, 28).  Qabel ma jsejħilha Marija, jgħidilha “mimlija bil-grazzja” u b’hekk jikxef l-isem ġdid li taha Alla li jixirqilha aktar mill-isem li tawha l-ġenituri tagħha.  Aħna wkoll insejħulha hekk f’kull Ave Marija.

Xi tfisser mimlija bil-grazzja?  Ifisser li Marija hi mimlija bil-preżenza t’Alla.  U ladarba hi kollha kemm hi mimlija b’Alla, fiha mhemmx lok għad-dnub.  Hi ħaġa straordinarja, għax, sfortunatament, kull ma’ hawn fid-dinja hu mniġġes mill-ħażen.  Kull wieħed u waħda minna, jekk iħares fih innifsu, jsib l-aspetti mudlama.  L-akbar qaddisin ukoll kienu midinbin u r-realtajiet kollha, anki l-isbaħ, huma mċappsin bil-ħażen: kollha kemm huma minbarra Marija.  Hija l-unika “oasi dejjem tħaddar” tal-umanità.  L-unika mingħajr tebgħa, maħluqa bla ebda ħtija biex bl-”iva” tagħha tilqa’ l-milja ta’ Alla li kien ġej fid-dinja, u b’hekk bdiet storja ġdida.

Kull darba li aħna nagħrfuha bħala mimlija bil-grazzja, inkunu qed nagħmlulha l-akbar kumpliment, l-istess bħalma għamel magħha Alla.  Kumpliment sabiħ li jista’ jsir lill-mara hu li tgħidilha, bil-prudenza, li tidher iżgħar milli hi.  Meta lil Marija ngħidulha mimlija bil-grazzja, f’ċertu sens inkunu qed ngħidulha l-istess ħaġa iżda f’livell aktar għoli.  Infatti aħna nagħrfuha dejjem bħala żgħażugħa, għax qatt ma xejjaħha d-dnub.  Hemm ħaġa waħda li xxejjaħ bis-serjetà: mhux l-età imma d-dnub.  Id-dnub ixejjaħ għax inixxef il-qalb,  jalaqgħa jagħmliha bla ħajja, inixxifha.  Imma dik li hi mimlija bil-grazzja mhemmx dnub fiha, hi meħlusa.  Allura hi dejjem żgħażugħa, hi dejjem “aktar żgħażugħa mid-dnub” u “l-aktar żagħażugħa fost il-ġeneru uman” (G. Bernanos Djarju ta’ Kurat tal-Kampanja, II, 1988, p. 175).

illum il-Knisja tifraħ lil Marija u ssejħilha kollok sbuħija (tota pulchra).  L-istess bħalma ż-żgħożija tagħha ma tinsabx fl-età, daqstant ieħor is-sbuhija tagħha mhix f’dak li jidher.  Kif juri l-Evanġelju tal-lum, Marija mhix persuna li tispikka fid-dieher: minn familja sempliċi, kienet tgħix fl-umiltà f’Nażaret, villaġġ kważi minsi.  Ma kinitx magħrufa: ukoll meta żarha l-anġlu ħadd ma kien jaf, dakinhar ma kien hemm ebda ġurnalist biex jirrapporta.  Il-Madonna lanqas ma kellha xi ħajja komda, imma tħassib u biża’: “tħassbet ħafna” (v. 29), jgħidilna l-Evanġelju, u meta “l-anġlu telaq minn hdejha” (v. 38) il-problemi tagħha żdiedu.

Madankollu, il-mimlija bil-grazzja għexet ħajja sabiħa.  X’kien is-sigriet tagħha?  Nistgħu nifhmuh jekk inħarsu mill-ġdid lejn ix-xena tat-Tħabbira.  F’ħafna pitturi Marija tinsab bilqegħda quddiem l-anġlu bi ktieb żgħir f’idejha.  Dan il-ktieb hu l-Iskrittura.  B’hekk Marija kienet imdorrija tisma’ lil Alla u tiddjaloga miegħu.  Il-Kelma t’Alla kien is-sigriet tagħha: qrib qalbha, imbagħad ħa l-laħam f’ġufha.  Magħquda ma’ Alla, bid-djalogu miegħu f’kull ċirkostanza, Marija sebbħet ħajjitha.  Inħarsu llum bil-feħ lejn il-mimlija bil-grazzja.  Nitolbuha tgħinna biex nibqgħu żgħażagħ billi ngħidu “le’ għad-dnub, u b’hekk ngħixu ħajja sabiħa ngħidu “iva” lil Alla.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem minn qiegħ qalbi likom ilkoll, pellegirni li tinsabu hawn illum, speċjalment il-familji, il-gruppi parrokkjali.  Insellem lill-konfraternità u l-atleti minn Rocca di Papa u lill-istudenti tal-Iskejjel Sależjani minn Milan.

F’dil-festa ta’ Marija Immakulata, l-azzjoni Kattolika Taljana tagħmel it-tiġdid tat-tesserament.  Indawwar ħsiebi lejn l-assoċjazzjonijiet djoċesani u parrokkjali tagħha, u ninkuraġġixxi lil kulħadd biex iseddaq l-impenn ta’ formazzjoni ħalli jkunu xhieda kredibbli tal-Evanġelju.  Il-Verġni tbierek lill-Azzjoni Kattolika sabiex l-għan tagħha li tqadi l-missjoni evanġeliżżatriċi tal-Knisja jibqa’ dejjem jagħti l-frott.

Illum waranofsinhar immur fi Piazza di Spagna biex inġedded it-tradizzjoni tal-att ta’ qima u talb f’riġlejn il-monument tal-Immakulata.  Nitlobkom tingħaqdu miegħi spiritwalment f’dan il-ġest li jesprimi devozzjoni filjali lejn Ommna Ċelesti.  Ilkoll flimkien, fl-ispirtu, quddiem il-Madonna.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba u l-mixja tal-Avvent it-tajba.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber