Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-qari fis-Solennità tal-lum, festa tal-Kunċizzjoni Immakulata tal-Beata Verġni Marija, jippreżentalna żewġ mumenti kruċjali tal-istorja tar-relazzjonji bejn il-bniedem u Alla: nistgħu ngħidu li jeħduna lejn l-oriġini tat-tajjeb u tal-ħażen.  Dawn iż-żewġ siltiet jeħduna lejn l-għajn tat-tajjeb u tal-ħażen.

Il-ktieb tal-Ġenesi jurina l-ewwel “le”, il-“le” tal-oriġini, il-“le” uman meta l-bniedem għażel li jħares lejh innifsu pjuttost milli lejn il-Ħallieq tiegħu, ried jagħmel ta’ rasu, qatagħha li hu waħdu biżżejjed għalih innifsu.  Imma meta għamel hekk, meta twarrab mill-komunjoni ma’ Alla, tilef propju lilu nnifsu u beda jibża’, jistaħba u jakkuża lil min kien qribu (cfr Ġen 3,10.12).  Dawn huma s-sintomi: il-biża’ hi dejjem sinjal tal-“le” lil Alla; il-bniedem li jakkuża lil ħaddieħor u jħarisx fih innifsu juri li qed jitbiegħed minn Alla.  Dan hu d-dnub.  Imma l-Mulej ma jħallix lill-bniedem jaqdef għal rasu fil-ħażen tiegħu; mill-ewwel jibda’ jfittxu u jagħmillu mistoqsija mimlija ansjetà:«fejn qiegħed?” (v.9).  Qiesu qed jgħidlu: “Ieqaf, aħseb: fejn int?”.  Hi l-mistoqsija ta’ missier jew omm li jfittxu lil binhom mitluf: “Fejn int?  Liema sitwazzjoni dħalt fiha?”  U Alla dan jagħmlu b’ħafna paċenzja, sakemm jimla l-vojt tad-distanza li nħolqot fl-oriġini.  Din hi waħda mis-siltiet tal-qari.

It-tieni silta kruċjali, li naqraw illum fl-Evanġelju, hi meta Alla jiġi jgħammar fostna, isir bniedem bħalna.  U dan sar possibbli permezz ta’ “iva” kbira - dak tad-dnub kien il-“le” – din hi l-“iva”, l-“iva” l-kbira – l-“iva” ta’ Marija fil-waqt tat-tħabbira.  Minħabba din l-iva Ġesù beda l-mixja tiegħu fit-toroq tal-umanità; bdieha f’Marija, u għadda l-ewwel xhur ta’ ħajtu fil-ġuf ta’ ommu: ma deherx bħala bniedem adult u qawwi, imma għadda mill-esperjenzi li jgħaddi minnhom il-bniedem.  Sar bħalna f’kollox minbarra f’ħaġa waħda, dik il-“le”, minbarra d-dnub.  Għalhekk għażel lil Marija, l-unika kreatura mingħajr dnub, immakulata.  Fl-Evanġelju, hemm kelma waħda, hi tiddejjaħ mill-ewwel “bil-grazzja mimlija” (Lu 1,28), jiġifieri mingħajr tebgħa.  Ifisser li Hi mimlija bil-grazzja minnufih, m’hemmx wisa’ għad-dnub. Aħna wkoll, meta nduru lejHa, nagħrfu dan il-ġmiel: ninvokawHa bħala “mimlija bil-grazzja”, mingħajr ebda dell ta’ dnub.

Marija twieġeb għall-istedina ta’ Alla u tgħid: «Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej» (v. 38).  Ma tgħidx: «Tajjeb, did-darba nagħmel ir-rieda t’Alla, nuri li jien disposta, imbaħgad wara naraw....”  Le, l-”iva” tagħha hi sħiħa, għal ħajjitha kollha, mingħajr kundizzjonijiet.  U bħalma dik il-“le” tal-oriġini kienet għalqet it-triq ta’ bejn Alla u l-bniedem, dik l-“iva” ta’ Marija fetħet it-triq biex Alla jiġi fostna.  Hi l-“iva” l-aktar importanti tal-istorja, l-“iva” fidila li tfejjaq id-diżubbidjenza, l-“iva” disponibbli li taqleb ta’  taħt fuq l-egoiżmu tad-dnub.

Aħna wkoll, kull wieħed u waħda minna għandna storja ta’ salvazzjoni magħmula minn iva u le.  Però  kultant aħna esperti biex ngħidu nofs iva, aħna bravi biex nagħmlu tabirruħna li mhux nifhmu dak li jrid Alla u dak li tkun qed tissuġġerilna l-kuxjenza.  Moħħna jilħqilna biżżejjed biex ma ngħidux le veru lil Alla u ngħidu: “Skużani, imma ma nistax”, “mhux illum imma għada”; “għada nkun aħjar, għada fi ħsiebni nitlob, nagħmel il-ġid, għada”.  U dil-makakkerija tbegħedna mill-iva, tbegħedna minn Alla u tressaqna lejn il-le, il-le tad-dnub, il-le tal-medjokrità.  Il-famuża “iva.... imma”; “iva, Mulej, imma......”  Però b’hekk nagħlaqu l-bieb għat-tajjeb u l-ħażen japprofitta ruħu minn dawn il-ħafna “iva” bla ħeġġa ta’ xejn.  Kull wieħed u waħda minna għandna kollezzjoni minn dawn ġo fina.  Naħsbu ftit, u nsibu tant “iva” li m’għidniex.  Iżda kull iva sħiħa lil Alla hi l-bidu ta’ storja ġdida: l-iva lil Alla hi xi ħaġa verament “oriġinali”, hi oriġini, mhux id-dnub li jxejjaħna minn ġewwa.  Qatt ħsibtuha din, li d-dnub ixejjaħna minn ġewwa?  Ixejjaħna f’qasir żmien.  Kull iva lil Alla hu l-bidu ta’ storja ta’ salvazzjoni għalina u għall-oħrajn.  Bħal Marija bl-iva tagħha.

F’dil-mixja tal-Avvent, Alla jixtieq iżurna u qed jistenna l-iva tagħna.  Naħsbu: jien, illum, liema iva għandi ngħid lil Alla?  Naħsbu ftit għax jagħmlilna tajjeb.  U nsibu leħen il-Mulej ġewwa fina, leħen Alla li qed jitlob xi ħaġa minna, pass ‘il quddiem.  “Nemmen fik, nittama fik, inħobbok; ħa tittwettaq fija r-rieda tiegħek”  Din hi l-iva.  Bil-ġenerożità u bil-fiduċja, bħal Marija, illum ngħidu, kull wieħed u waħda minna, din l-iva personali lil Alla. 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ il-gżira ta’ Sumatra, fl-Indoneżja, intlaqtet minn terremot qawwi.  Irrid niżgura lill-vittmi u lill-familjari tagħhom li jien qed nitlob għalihom u għall-feruti u għal kull min tilef id-dar.  Il-Mulej jagħti l-qawwa lill-popolazzjoni u jkun ta’ bastun għal min qed jagħti l-għajnuna.

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini li tinsabu hawn, speċjalment il-familji u l-gruppi parrokkjali.  Insellem lill-fidili minn Rocca di Papa li jinsabu hawn bil-fjakkola tal-Milied, il-grupp “Proġett Rebekka” li jindokra lit-tfal li jinsabu fil-bżonn, u lill-fidli minn Biella.

F’dil-festa ta’ Marija Immakulata, l-Azzjoni Kattolika Taljana tfakkar it-tesserament.  Ħsieb speċjali  jmur lejn l-assoċjazzjonjiet kollha djoċesani u parrokkjali.  Il-Verġni tbierek l-Azzjoni Kattolika u tagħmilha dejjem aktar skola ta’ qdusija u ta’ servizz ġeneruż għall-Knisja u għad-dinja.

Illum wara nofsinhar se mmur fi Piazza di Spagna biex inġedded l-att ta’ qima tradizzjonali u t-talb f’riġlejn il-monument tal-Immakulata.  Wara mmur Santa Maria Maggiore biex nitlob quddiem ix-xbieha ta’ Salus Populi Romani.  Nitlobkom tingħaqdu miegħi spiritwalment f’dal-ġest li jesprimi d-devozzjoni filjali lejn Ommna Ċelesti.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba u mixja tajba tul l-Avvent bit-tmexxija tal-Verġni Marija.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber