Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

Illum, il-festa tal-Immakulata ġġegħelna nikkontemplaw lil Madonna li, bi privileġġ uniku, kienet meħlusa mid-dnub oriġinali sa mill-konċepiment tagħha.  Minkejja li kienet tgħix f’dinja mmarkata mid-dnub, hi baqgħet mhix mittiefsa: Marija hi oħtna fit-tbatija, imma mhux fil-ħażen u fid-dnub.  Anzi, fiha, il-ħażen ġie megħlub qabel ma biss seta’ jmiss magħha, għax Alla mlieha bil-grazzja (cfr Luqa 1,28).  Il-Konċepiment Immakulat ifisser li Marija hi l-ewwel waħda li ġiet salvata mill-ħniena infinita tal-Missier, bħala mudell ewlieni tas-salvazzjoni li Alla jrid jirregala lil kull raġel u mara, fi Kristu.  Għal din ir-raġuni, l-Immakulata saret ikona sublimi tal-ħniena divina li rebħet fuq id-dnub. U aħna llum, fil-ftuħ tal-Ġublew tal-Ħniena, għandna nħarsu lejn din l-ikona b’imħabba mimlija fiduċja u nikkuntemplawha fil-ġmiel li jgħammex tagħha, u nimitaw il-fidi tagħha.

Fil-konċepiment immakulat ta’ Marija, aħna mistednin nagħrfu ż-żerniq ta’ dinja ġdida, ittrasformata mill-opra taas-salvazzjoni tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.  Iż-żerniq ta’ ħolqien ġdid imwettaq mill-ħniena divina.  Għaldaqstant, il-Verġni Marija, qatt imtebbgħa mid-dnub u dejjem mimlija b’Alla, hija omm ta’ umanità ġdida.  Hi omm ta’ dinja maħluqa mill-ġdid.

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-festa fiha żewġ proposti: l-ewwel: li nilqgħu fil-milja tagħha f’ħajjitna, il-grazzja mimlija ħniena.  It-tieni: li min–naħa tagħna nsiru awturi tal-ħniena permezz ta’ mixja evanġelika.  Allura, il-festa tal-Immakulata ssir il-festa tagħna lkoll jekk bl-“iva” tagħna ta’ kuljum jirnexxilna ngħelbu l-egoiżmi tagħna u nagħmlu aktar hienja ħajjet ħutna: intuhom it-tama, nimsħulhom xi demgħa u ntuhom xi ftit ferħ.

B’xebħ ma’ Marija aħna msejħin biex inwasslu lil Kristu u nkunu xhieda tal-imħabba tiegħu, billi nħarsu lejn dawk li huma privileġġjati f’għajnejn Ġesù.  Huma dawk li wriena Hu stess: «Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, għeri u libbistuni, marid u ġejtu tarawni, fil-ħabs u ġejtu żżuruni» (Mattew 25, 35-36).

Il-festa tal-Kunċizzjoni Immakulata li qed niċċelebraw illum għandha messaġġ speċifiku xi ttina: tfakkarna li ħajjitna kollha hi rigal, kollox hu ħniena.  Il-Verġni Qaddisa, l-ewwel waħda fost min salva, mudell tal-Knisja, għarusa qaddisa u bla tebgħa, maħbuba mill-Mulej, tgħinna niskopru dejjem aktar il-ħniena divina bħala l-karatteristika tan-Nisrani.  Nisrani veru ma jingħarafx jekk ma jħennx, daqskemm ‘l Alla ma nistgħux nagħrfuh mifrud mill-ħniena tiegħu. 

Dil-kelma tiġbor fiha t-tifsira kollha tal-Evanġelju: il-ħniena.  Huma l-fattizzi tal-wiċċ ta’ Kristu: dak il-wiċċ li aħna naraw f’diversi aspetti tal-eżistenza tiegħu: meta jmur jiltaqa’ ma’ kulħadd, meta jfejjaq il-morda, meta jiekol mal-midinbin, u, fuq kollox, meta msammar mas-salib, jaħfer.  Hemm aħna naraw il-wiċċ tal-ħniena divina.  Ma nibżgħux: inħallu l-ħniena t’Alla li qed jistennina u jaħfrilna kollox, tgħannaqna.  Xejn mhu oħla mill-ħniena tiegħu.  Inħallu lil Alla jmellisna: hu tant tajjeb il-Mulej, u jaħfer kollox.

Jalla bl-interċessjoni ta’ Marija Immakulata, il-ħniena taħkem ‘il qlubna u tibdlilna ħajjitna kollha.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellmilkom ilkoll minn qalbi, speċjalment il-familji, il-gruppi parrokkjali u l-assoċjazzjonijiet.  Ħsieb speċjali jmur lejn is-soċi tal-Azzjoni Kattolika Taljana li llum qed iġeddu t-tesserament tagħhom: nawguralkom mixja tajba ta’ formazzjoni u servizz, dejjem mgħajjex bit-talb.

Illum waranofsinhar se mmur fi Piazza di Spagna biex nitlob f’riġlejn il-monument tal-Immakulata.  Wara mmur Santa Maria Maggiore.  Nitlobkom tingħaqdu miegħi spiritwalment f’dan il-pellegrinaġġ li hu att ta’ devozzjoni lejn Marija, Omm il-Ħniena.  Lilha se noffrilha l-Knisja u l-umanità kollha kemm hi, u b’mod partikolari (se noffrilha) l-Belt ta’ Ruma.

Illum għadda mill-Bieb tal-Ġublew tal-Ħniena l-Papa Benedittu wkoll.  Insellmulu lkoll lill-Papa Benedittu!

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba u Sena tal-Ġublew għanja fil-frott, bil-gwida u l-interċessjoni ta’ ommna. Sena Ġjubilari mimlija ħniena għalikom, minnkom u lill-oħrajn.  Jekk jogħġobkom itolbu dan lill-Mulej għalija għax għandi bżonnu ħafna!  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber