Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

Il-messaġġ tal-lum, festa tal-Kunċizzjoni Immakulata tal-Verġni Marija jista’ jinġabar f’dal-kliem: kollox hu rigal gratwit ta’ Alla, kollox huwa grazzja, kollox hu rigal ta’ mħabbtu lejna.  L-Anġlu Gabrijel jgħid lil Marija li hi «mimlija bil-grazzja» (Luqa 1,28); fiha mhemmx lok għad-dnub għax Alla għażilha sa minn dejjem biex tkun omm Ġesù u ħelisha mid-dnub oriġinali.  U Marija twieġeb għall-grazzja u tintelaq fiha billi lill-anġlu tgħidlu: «Ħa jsir minni skont kelmtek....» (v.38).  ma tgħidx: “Jien se nagħmel kif qed tgħidli int”: le! Imma tgħid: « Ħa jsir minni....».  U l-Verb sar bniedem fil-ġuf tagħha.  Aħna wkoll mistednin nisimgħu lil Alla jkellimna u mistednin nilqgħu r-rieda tiegħu: skont il-loġika tal-Evanġelju xejn ma jseddaq u xejn mhu aktar għammiel mis-smigħ u l-ilqugħ tal-Kelma t’Alla li tasal mill-Evanġelju, mill-Bibbja.  Il-Mulej ikellimna dejjem!

L-atteġġjament ta’ Marija f’Nażaret jurina li l-fatt li bniedem jeżisti jiġi qabel kull għemil tiegħu u għalhekk jeħtieġ li nħallu f’idejn Alla biex ngħixu verament kif iridna Hu.  Huwa Hu li jwettaq tant meravilji fina. Marija hija riċettiva, mhix passiva.  Bħalma fuq livell fiżiku tirċievi l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu mbagħad tagħti l-laħam u d-demm lill-Iben t’Alla li jitnissel fiha, fuq livell spiritwali Hi tilqa’ l-grazzja u tikkorrispondi magħha bil-fidi.  Għal din ir-raġuni Santu Wistin jafferma li l-Verġni Marija «nisslet f’qalbha qabel ma nisslet f’ġufha» (Diskorsi, 215, 4).  Hi nisslet l-ewwel il-fidi, imbagħad lill-Mulej.  Dan il-misteru tal-ilqugħ tal-grazzja, li f’Marija, bi privileġġ uniku, kien imneżża’ mill-ħtija tad-dnub, hu possibbli għal kulħadd.  Infatti, San Pawl jiftaħ l-ittra tiegħu lill-Efesin bil-kliem ta’ tifħir: «Imbierek Alla Missier Sidna Ġesù Kristu, li mliena b’kull grazzja spiritwali fis-smwwiet fi Kristu» (1,3).  Kif Santa Eliżabetta ssellem lil Marija bil-kliem: «Imbierka Inti fost in-nisa» (Luqa 1,4) l-istess aħna, minn dejjem konna mberkin, jiġifieri maħbubin, u għalhekk «magħżula minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisa u bla tebgħa» (Efesin; 1,4).  Marija kienet meħlusa minn qabel, filwaqt li aħna ġejna salvati bis-saħħa tal-Magħmudija u tal-fidi.  Ilkoll, però, kemm Hi u kemm aħna, permezz ta’ Kristu «għall-ġieħ u l-glorja tal-grazzja tiegħu» (v. 6), dik il-milja tal-grazzja li biha ġiet imżejna l-Immakulata.

Quddiem l-imħabba, quddiem il-ħniena, quddiem il-grazzja mxerrda fi qlubna, il-konsegwenza hija waħda: il-gratwità.  Ħadd minna ma jista’ jixtri s-salvazzjoni!  Is-salvazzjoni hija rigal gratwit tal-Mulej, rigal gratwit ta’ Alla li jiġi fina u jgħix fina.  Kif aħna rċevejna b’xejn, aħna msejħin biex nagħtu b’xejn (cfr Mattew 10,8); biex nimitaw lil-Marija, li hekk kif laqgħet it-tħabbira tal-Anġlu, tmur taqsam ir-rigal tal-fekondità mal-qariba Eliżabbetta.  Għax jekk kollox ingħatalna, kollox irid jingħata lura.  Kif?  Billi nħallu lill-Ispirtu s-Santu jagħmel minna rigal għall-oħrajn.  L-ispirtu hu rigal għalina u aħna, bil-qawwa tal-Ispirtu, irridu nkunu rigal għall-oħrajn, u nħallu lill-Ispirtu s-Santu jagħmilna strumenti ta’ laqgħa, strumenti ta’ rikonċiljazzjoni, strumenti ta’ maħfra.  Jekk inħallu lill-Mulej jibdel l-eżistenza tagħna, għax il-grazzja tal-Mulej tibdilna, ma nkunux nistgħu nżommu d-dawl li jiġi minn wiċċu għalina waħedna, imma nħalluh jgħaddi biex idawwal lill-oħrajn.  Nitgħallmu minn Marija li żammet ħarsitha ‘l ħin kollu msammra fuq Binha u wiċċha sar «il-wiċċ li l-aktar jixbaħ dak ta’ Kristu» (Dante, Paradiso, XXXII, 87).  U aħna issa nduru lejha bit-talba li tfakkarna t-tħabbira tal-Anġlu.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellmilkom b’imħabba, speċjalment lill-familji u lill-gruppi parrokkjali.  Insellem lill-fidili minn Rocca di Papa, il-kappillan, lill-maratoneti, liċ-ċiklisti u nbierek il-fjakkola tagħhom.  Insellem lill grupp minn Feline (Lecce), l-assoċjazzjoni “Kollna Tiegħek” u liż-żgħażagħ minn Carugate.

F’din il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, l-Azzjoni Kattolika Taljana qed iġġedded it-tisħib.  Ħsieb speċjali tiegħi imur lejn l-assoċjazzjonijiet djoċesani u parrokkjali kollha tagħha.  Il-Verġni Immakulata tbierek lill-Azzjoni Kattolika u tagħmilha dejjem aktar skola ta’ qdusija u ta’ servizz ġeneruż għall-Knisja u għad-dinja.

Waranofsinhar se mmur Santa Maria Maggiore biex insellem lix-xbieha Salus Populi Romani u wara mmur Piazza di Spagna biex inġedded l-att ta’ qima tradizzjonali f’riġlejn il-monument tal-Immakulata.  Se jkun waranofsinhar kollu dedikat lill-Madonna.  Nitlobkom tingħaqdu miegħi spiritwalment f’dan il-pellegrinaġġ, li jesprimi d-devozzjoni filjali lejn il-Madonna, Ommna Ċelesti.  U tinsewx: is-salvazzjoni hi gratwita.  Aħna rċevejna din il-gratwità, din il-grazzja t’Alla u għandna nagħtuha lill-oħrajn: irċevejna r-rigal u rridu ntuh lill-ħaddieħor.  Tinsewhiex din!

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba u mixja tal-Avvent it-tajba bit-tmexxija tal-Verġni Marija.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber