Papa Franġisku

Angelus

Il-Ħadd, 8 ta’ Diċembru 2013

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb,

dan it-tieni Ħadd tal-Avvent jaqa’ fil-jum tal-festa tat-Tnissil bla Tebgħa ta’ Marija, u għalhekk ħarsitna llum hija miġbuda mill-ġmiel ta’ Omm Ġesù, ommna!   B’ferħ kbir il-Knisja llum tħares lejha bħala l-“mimlija bil-grazzja” (Lq 1,28), u nibdew billi nsellmulha llum aħna lkoll: “mimlija bil-grazzja”.  Ejjew ngħidulha tlett darbiet: “Mimlija bil-grazzja!” Flimkien: Mimlija bil-grazzja! Mimlija bil-grazzja! Mimlija bil-grazzja!  Hekk il-Mulej ħarisha u raha sa mill-ewwel mument fil-pjan tal-imħabba tiegħu.  Ħares lejha u għamilha sabiħa, mimlija bil-grazzja.  Sabiħa ommna!  Marija ssaħħaħna fil-mixja tagħna lejn il-Milied, għax tgħallimna kif għandna ngħixu dan iż-żmien tal-Avvent fl-istennija tal-Mulej.  Għax iż-żmien tal-Avvent huwa żmien ta’ stennija għall-Mulej, li se jżurna lkoll fil-festa, imma wkoll, lil kull wieħed u waħda minnha, fil-qalb tagħna.Il-Mulej ġej! Nistennewh!

Il-Vanġelu ta’ San Luqa jippreżentalna lil Marija, tfajla minn Nazaret, raħal żgħir fil-Galilija, fil-periferija tal-Imperu Ruman u anke fil-periferija ta’ Iżrael.  Raħal żgħir.  Imma fuqha, fuq dik it-tfajla minn dak ir-raħal ċkejken u mbiegħed, fuqha, straħet ħareset il-Mulej, li għażilha biex tkun omm Ibnu.  Minħabba dik il-maternità, Marija ġiet imħarsa u eskluża minn qabel mid-dnub tan-nisel, jiġifieri minn dik il-qasma fl-għaqda ma’ Alla, mal-oħrajn u mal-ħolqiet kollu li tolqot fil-fond lil kull bniedem.  Imma din il-qasma ġiet imfejjqa minn qabel f’Omm Dak li ġie biex jeħlisna mill-jasar tad-dnub. L-Immakulata hija mnaqqxa fil-pjan ta’ Alla; hija l-frott tal-imabba ta’ Alla li ssalva d-dinja.

U l-Madonna qatt ma tbiegħedet minn dik l-imħabba: ħajjitha kollha, l-eżistenza tagħha kollha hija “iva” għal dik l-imħabba, “iva” għal Alla.  Imma żgur li dan ma kienx faċli għaliha!  Meta l-Anġlu jsejħilha “Mimlija bil-grazzja” (Lq 1,28), hi “titħawwad fiha nfisha”, għax fl-umiltà tagħha tħossha ma tiswa xejn quddiem Alla.  L-Anġlu jqawwilha qalba: “Tibżax Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla.  Int se tnissel Iben... u ssemmih Ġesù” (v. 30).  Din l-aħbar aktar tħawwadha, anke għax kienet għadha mhix miżżewġa lil Ġużeppi; imma l-Anġlu jżid jgħidilha: “L-Ispirtu s-Santu jinżel fuqek... għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jissejjaħ Bin Alla” (v. 35).  Marija tisma’, tobdi f’qalbha u twieġeb: “Hawn hi l-qaddeja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (v. 38).

Il-misteru ta’ din it-tfajla ta’ Nażaret, li tinsab fil-qalb ta’ Alla, mhux xi ħaġa ġdid għalina.  Hi mhix hemm u aħna hawn.  Le, aħna magħqudin.  Alla fil-fatt ipoġġi ħarstu mimlija mħabba fuq kull raġel u fuq kull mara!  [Jafna] b’isimna u kunjumna.  Ħarstu mimlija mħabba hija fuq kull wieħed u waħda minna.  San Pawl l-Appostlu jafferma li Alla “għażina sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisa u bla tebgħa” (Ef. 1,4).  Aħna wkoll, minn dejjem, ġejna magħżula minn Alla biex ngħixu ħajja qaddisa, ħielsa mid-dnub.  Dan huwa proġett ta’ mħabba li Alla jġedded kull darba li aħna nersqu lejh, speċjalment fis-Sagramenti.

F’din il-festa għalhekk, waqt li nħarsu lejn l-Omm Immakulata, sabiħa, nagħrfu wkoll id-destin tagħna l-aktar veru, is-sejħa l-aktar profonda tagħna: li nkunu maħbubin, li ninbidlu permezz tal-imħabba, li ninbidlu permezz tal-ġmiel ta’ Alla.  Inħarsu lejha, l-Omm tagħna, u nħallu lilha tħares lejna, għax hija Ommna li tant tħobbna; ejjew inħalluha tħares lejna biex nitgħallmu nkunu aktar umli, u anke kuraġġjużi biex nobdu l-Kelma ta’ Alla; biex nilqgħu it-tgħanniqa ħelwa ta’ binha Ġesù, tgħanniqa li tagħti l-ħajja, it-tama u l-paċi.

Wara l-Angelus il-Papa ta dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

insellmilkom minn qalbi, speċjalment lill-familji, il-gruppi parrokkjali u l-għaqdiet.  Insellem l-insara ta’ Biella, Cossato, Bianzé, Lomazzo, Livorno Ferraris, Rocca di Papa, San Marzano sul Sarno u Pratola Serra.

Ningħaqdu spiritwalment mal-Knisja li tinsab fl-Amerka ta’ Fuq, li llum tfakkar it-twaqqif tal-ewwel parroċċa tagħha, 350 sena ilu: Notre-Dame de Québec.  Niżżu ħajr lil Alla għal din il-mixja li saret minn dak iż-żmien, speċjalment għall-qaddisin u l-martri li taw il-frott lil dawk l-artijiet. Inbierek minn qalbi lill-insara kollha li qed ifakkru dan il-ġublew.

Ħsieb speċjali llum imur għall-membri tal-Azzjoni Kattolika Taljana – hemm huma – li llum iġeddu l-għaqda tagħhom mal-għaqda: nixtieqilhom kull ġid fil-ħidma tagħhom ta’ formazzjoni u ta’ appostolat.  U imxu ‘l quddiem, bil-kuraġġ!

Illum wara nofsinhar, skont tradizzjoni antika, se mmur Piazza di Spagna, biex nitlob f’riġlejn il-monument tal-Immakulata.  Nitolbkom biex tingħaqdu spiritwalment miegħi f’dan il-pellegrinaġġ, li hu att ta’ devozzjoni lejn Marija bħala binha, biex nafdalha l-belt ta’ Ruma, il-Knisja u l-ġens uman kollu.  Fi triqti lura se nieqaf għal Mument f’Santa Maria Maggiore biex insellem bit-talb l-ikona tal-Madonna Salus Populi Romani (Saħħa tal-poplu ta’ Ruma) biex nitlob għalikom ilkoll, għar-Rumani kollha.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-festa t-tajba ta’ Ommna Marija.  L-ikla t-tajba u narakom aktar tard.

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.